Kif Jgħinna l-Arranġament taʼ l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni
1. Kif jgħinuna l-ħames laqgħat li għandna kull ġimgħa?
1 Kull waħda mill-ħames laqgħat li għandna kull ġimgħa hija differenti fil-mod kif tiġi mmexxija u fl-iskop tagħha. Madankollu, kollha huma importanti biex jgħinuna “nagħtu kas xulxin biex nitqanqlu għall-imħabba u l-għemejjel tajbin.” (Ebr. 10:24, 25) X’inhuma xi aspetti uniċi u taʼ benefiċċju li fih l-arranġament taʼ l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni?
2. Liema benefiċċji hemm f’li niltaqgħu fi grupp iżgħar għall-istudju tal-ktieb?
2 Jgħinna Nagħmlu Progress Spiritwali: L-attendenza għal-laqgħa taʼ l-istudju tal-ktieb ġeneralment hija ħafna inqas mill-attendenza għal-laqgħat l-oħrajn tal-kongregazzjoni. Dan jagħmilha iktar faċli għalina li niżviluppaw ħbiberiji li jistgħu jgħinuna spiritwalment. (Prov. 18:24) Ipprovajt int issir taf lil kulħadd fil-grupp taʼ l-istudju tal-ktieb tiegħek, forsi billi tistaqsi lil kull wieħed minnhom biex jaħdem miegħek fil-ministeru? L-arranġament taʼ l-istudju tal-ktieb jgħin ukoll lill-indokratur taʼ l-istudju tal-ktieb biex isir jaf iċ-ċirkustanzi uniċi taʼ kull wieħed u waħda fil-grupp u joffri inkuraġġiment persunali.—Prov. 27:23.
3. L-arranġament taʼ l-istudju tal-ktieb kif jinkuraġġixxi lil dak li jkun biex jikkummenta kif ukoll lill-istudenti tal-Bibbja biex jattendu?
3 Stidint lill-istudenti tiegħek tal-Bibbja biex jattendu l-istudju tal-ktieb miegħek? Uħud interessati li jżommu lura milli jattendu l-laqgħat akbar tagħna għandhom mnejn jistħu inqas jekk jattendu laqgħa iżgħar, speċjalment f’dar privata. L-atmosfera kordjali tagħmilha iktar faċli għaż-żgħażagħ u għal dawk ġodda biex jikkummentaw. U ladarba l-grupp huwa iżgħar, aħna għandna iktar opportunitajiet biex nikkummentaw u nfaħħru lil Ġeħova.—Salm 111:1.
4. B’liema modi jistaʼ l-arranġament taʼ l-istudju tal-ktieb ikun konvenjenti?
4 L-istudji tal-ktieb ġeneralment jinżammu f’postijiet li huma konvenjenti għall-pubblikaturi madwar it-territorju. Filwaqt li mhux possibbli għal kulħadd li jiġi assenjat fl-iktar post viċin tiegħu, il-fatt li nattendu l-istudju tal-ktieb assenjat lilna għandu mnejn jeħtieġ inqas distanza minn meta nattendu laqgħat oħrajn tal-kongregazzjoni. Il-post taʼ l-istudju tal-ktieb jistaʼ jintuża wkoll bħala post konvenjenti għal-laqgħa tas-servizz taʼ l-għalqa.
5. Kif nistgħu nirċievu għajnuna fil-ministeru mill-indokratur taʼ l-istudju tal-ktieb?
5 Jgħinna għall-Ministeru: L-indokratur taʼ l-istudju tal-ktieb huwa interessat li jgħin lil kulħadd biex ikollu sehem regulari, produttiv, u mimli ferħ fil-ministeru. Għalhekk, hu jistinka biex jaħdem maʼ kulħadd fil-grupp, billi jagħti għajnuna persunali f’diversi aspetti tal-ministeru. Jekk issib aspett partikulari tal-ministeru diffiċli, bħal li tagħmel iż-żjajjar lura, għid lill-indokratur taʼ l-istudju tal-ktieb dwar dan. Forsi jkun jistaʼ jirranġalek biex taħdem maʼ pubblikatur taʼ l-esperjenza fil-grupp. Jekk tagħti attenzjoni bir-reqqa għall-metodi tajbin taʼ tagħlim li juża l-indokratur taʼ l-istudju tal-ktieb hekk kif jikkonduċi l-istudju tal-ktieb, int se ttejjeb l-abbiltà tiegħek biex tgħallem fl-istudji tal-Bibbja.—1 Kor. 4:17.
6. Għala għandna nipprovaw nibbenefikaw kemm jistaʼ jkun mill-arranġament taʼ l-istudju tal-ktieb?
6 X’barka hu l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni! Dan l-arranġament kollu mħabba mingħand Ġeħova jgħinna nibqgħu sodi spiritwalment matul iż-żminijiet taʼ sfida li qed ngħixu fihom.—Salm 26:12.