L-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni—Għala Għandna Bżonnu
1. Kif beda l-arranġament taʼ lIstudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni?
1 Fl-1895, gruppi taʼ studju fformati mill-Istudenti tal-Bibbja, kif kienu jissejħu dak iż-żmien ix-Xhieda taʼ Jehovah, kienu saru magħrufin bħala Gruppi tas-Sebħ għall-Istudju tal-Bibbja. Il-volumi tal-Millennial Dawn (Sebħ tal-Millennju) kienu jintużaw bħala l-bażi għall-istudju. Iktar tard, dawn il-laqgħat bdew jissejħu Gruppi Bereani għall-Istudju tal-Bibbja. (Atti 17:11) Spiss kien jiltaqaʼ grupp taʼ daqs moderat f’xi dar privata, f’lejla konvenjenti għall-grupp. Minn dawn il-laqgħat żviluppa l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni.
2. Kif nistgħu nikkontribwixxu billi “nqawwu lil xulxin” waqt l-istudju tal-ktieb?
2 Inkuraġġiment u Għajnuna: Peress li l-gruppi taʼ l-istudju tal-ktieb jinżammu żgħar apposta, dawk li jattendu għandhom opportunità akbar biex jesprimu l-fidi tagħhom. Ir-riżultat ikun li “nqawwu li xulxin permezz tal-fidi li għandna.”—Rum. 1:12.
3, 4. L-arranġament taʼ l-istudju tal-ktieb kif jgħinna nwettqu l-ministeru tagħna?
3 Jekk nosservaw il-mod kif jgħallem l-indokratur taʼ l-istudju tal-ktieb nistgħu niġu megħjunin biex ‘inxandru bir-reqqa l-kelma tal-verità.’ (2 Tim. 2:15) Innota kif hu jenfasizza l-bażi Skritturali tal-materjal. Jekk ikun xieraq għall-pubblikazzjoni li tkun qed tiġi kunsidrata, hu għandu mnejn jerġaʼ jsemmi l-punti prinċipali permezz taʼ reviżjoni finali billi juża l-Bibbja biss. L-eżempju tajjeb tiegħu jistaʼ jgħinna ntejbu l-mod kif ngħallmu fil-ministeru Kristjan.—1 Kor. 11:1.
4 Minbarra li jikkonduċi l-lezzjoni taʼ kull ġimgħa, l-indokratur taʼ l-istudju tal-ktieb ikun minn taʼ quddiem fl-evanġelizzar. Hu jikkoopera maʼ l-indokratur tas-servizz biex jagħmel arranġamenti prattiċi għas-servizz taʼ l-għalqa. Jipprova jgħin lil kulħadd fil-grupp tiegħu biex iwettaq ir-responsabbiltà Kristjana tiegħu li jippriedka l-aħbar tajba u jagħmel dixxipli.—Mt. 28:19, 20; 1 Kor. 9:16.
5. Liema għajnuna persunali tistaʼ tinkiseb permezz taʼ l-arranġament taʼ l-istudju tal-ktieb?
5 L-indokratur taʼ l-istudju tal-ktieb hu interessat fil-benesseri spiritwali taʼ kull persuna li hemm fil-grupp. Dan l-interess jurih fil-laqgħat tal-kongregazzjoni u meta jaħdem m’oħrajn fis-servizz taʼ l-għalqa. Juża wkoll okkażjonijiet meta jżur lil ħutu fid-dar tagħhom biex jagħtihom inkuraġġiment spiritwali. Ħadd m’għandu jiddejjaq javviċina l-indokratur taʼ l-istudju tal-ktieb kulmeta jħoss li għandu bżonn l-għajnuna spiritwali.—Is. 32:1, 2.
6. (a) Ħutna f’ċerti pajjiżi kif ġew imsaħħin billi ltaqgħu fi gruppi żgħar? (b) Int kif ibbenefikajt personalment mill-arranġament taʼ l-istudju tal-ktieb?
6 Saħħu lil Xulxin: F’pajjiżi fejn l-attività tan-nies t’Alla hi projbita, l-aħwa spiss jiltaqgħu fi gruppi żgħar. Wieħed mill-aħwa jiftakar: “Avolja l-attivitajiet Kristjani tagħna kienu projbiti, kulmeta kien possibbli konna nagħmlu l-laqgħat taʼ kull ġimgħa u konna niltaqgħu fi gruppi taʼ bejn 10 u 15-il ruħ. Mil-laqgħat konna nieħdu s-saħħa spiritwali tagħna, kemm mill-istudju tagħna tal-Bibbja u kemm mis-sħubija wara l-istudju. Konna nqabblu l-esperjenzi tagħna, u dan għenna nintebħu li kull wieħed minna kellu l-istess battalja.” (1 Pt. 5:9) Jalla aħna, bl-istess mod, insaħħu lil xulxin billi nappoġġaw bis-sħiħ l-arranġament taʼ l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni.—Efes. 4:16.