Kun Effettiv fil-Ministeru Tiegħek
1 Is-sema jiddallam, u ħoss li jwaħħax ikompli jiżdied fil-volum sakemm isir tkarwita li ttarrxek. Imbagħad tinżel sħaba qisha duħħan. Din x’inhi? Armata taʼ miljuni taʼ ġradijiet li ġejja biex iġġib ħerba sħiħa fuq l-art! Din ix-xena deskritta mill-profeta Ġoel għandha twettiq illum il-ġurnata fix-xogħol taʼ l-ippridkar tal-qaddejja midlukin t’Alla u taʼ sħabhom, il-folla l-kbira.
2 It-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Mejju, 1998, paġna 12, paragrafu 19, jinnota: “L-armata tal-ġradijiet t’Alla taʼ żmienna tat xiehda bir-reqqa fil-‘belt’ tal-Kristjaneżmu. (Ġoel 2:9, KŻ) . . . Xorta għadhom jegħlbu l-ostakli kollha u jidħlu f’miljuni taʼ djar, javviċinaw lin-nies fit-triqat, ikellmuhom bit-telefon, u jikkuntattjawhom bi kwalunkwe mod possibbli hekk kif jiddikjaraw il-messaġġ taʼ Jehovah.” M’huwiex privileġġ grandjuż li tieħu sehem f’dan ix-xogħol li qabbadna nagħmlu Alla?
3 Kuntrarju għall-ġradijiet litterali, li l-uniku objettiv tagħhom huwa li jitimgħu lilhom infushom, aħna bħala qaddejja taʼ Jehovah jimpurtana ħafna mill-ħajjiet taʼ dawk li mmorru nippridkawlhom. Irridu ngħinu lil oħrajn jitgħallmu l-veritajiet glorjużi li fiha l-Kelma t’Alla u jiġu mmotivati biex jieħdu passi li jwasslu għas-salvazzjoni eterna tagħhom. (Ġw. 17:3; 1 Tim. 4:16) Għaldaqstant, irridu nkunu effettivi fil-mod kif inwettqu l-ministeru tagħna. Hu x’inhu l-mod taʼ ppridkar li nużaw, għandna nikkunsidraw jekk aħniex qegħdin nagħmluh b’tali manjiera u f’ħin li jrendu l-aqwa riżultati. Ladarba “x-xena taʼ din id-dinja qiegħda tinbidel,” nagħmlu tajjeb jekk nanalizzaw il-metodi li nużaw u l-mod kif navviċinaw lin-nies sabiex niżguraw li qed niffaċċjaw l-isfida taʼ li nkunu produttivi kemm jistaʼ jkun.—1 Kor. 7:31, New World Translation.
4 Fil-waqt li nistinkaw biex nilħqu lin-nies b’diversi modi, ix-xogħol minn dar għal dar xorta għadu s-sinsla tal-ministeru tagħna. Issib int li n-nies taʼ spiss m’humiex id-dar jew inkella ssibhom reqdin meta żżurhom? Xi dwejjaq, peress li ma tkunx tistaʼ taqsam magħhom il-messaġġ taʼ l-aħbar tajba! Kif tistaʼ tiffaċċja din l-isfida?
5 Kun Flessibbli u Raġunevoli: F’Iżrael taʼ l-ewwel seklu, is-sajjieda kienu jistadu bil-lejl. Għala bil-lejl? Għalkemm dan ma kienx l-iktar ħin konvenjenti għalihom, dan kien l-aħjar ħin biex jaqbdu l-iktar ħut. Kien l-iktar ħin produttiv. Fil-kummenti tiegħu rigward din id-drawwa, It-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Settembru, 1992, stqarr: “Aħna wkoll għandna nistudjaw it-territorju tagħna sabiex immorru nistadu, bħal li kieku, meta l-maġġoranza tan-nies ikunu d-dar u lesti li jilqgħuk.” Osservazzjoni bir-reqqa tad-drawwiet soċjali wriet li f’ħafna komunitajiet fis-subborgi taʼ l-ibliet u fi nħawi residenzjali, in-nies x’aktarx li jkunu d-dar meta nżuruhom kmieni s-Sibt jew il-Ħadd fil-għodu imma ġeneralment ma tantx jilqgħuna f’dawk il-ħinijiet. Jekk dan huwa l-każ fejn toqgħod int, tistaʼ tbiddel il-ħin u tagħmel iż-żjajjar tiegħek iktar tard fil-għodu jew saħansitra wara nofsinhar? Dan huwa mod mill-aħjar kif inżidu l-effettività tal-ministeru tagħna u kif ukoll nuru konsiderazzjoni lejn il-ġirien tagħna, li huwa evidenza taʼ l-imħabba Kristjana vera.—Mt. 7:12.
6 F’Filippin 4:5, l-appostlu Pawlu jfakkarna li għandna nħallu ‘l-ħlewwa [“ir-raġunevolezza,” NW] tagħna ssir magħrufa mal-bnedmin kollha.’ Fi qbil maʼ din id-direzzjoni mnebbħa, jeħtieġ li nkunu bbilanċjati u raġunevoli fil-metodi tagħna hekk kif inwettqu l-inkarigu tagħna taʼ l-ippridkar biż-żelu u bl-entużjażmu. Ma rridux inżommu lura milli ‘ngħallmu kemm fil-beraħ u kemm fid-djar,’ imma rridu nkunu ċerti li nwettqu l-ministeru tagħna minn dar għal dar f’ħinijiet li huma raġunevoli u produttivi. (Atti 20:20) Bħal dawk is-sajjieda f’Iżrael taʼ l-ewwel seklu, l-iskop tagħna huwa li ‘nistadu’ x’ħin nistgħu nkunu produttivi l-iktar, mhux x’ħin ikun l-iktar konvenjenti għalina.
7 X’tibdiliet jistgħu jsiru? Fil-biċċa l-kbira, nhar taʼ Sibt u Ħadd, il-laqgħat għas-servizz taʼ l-għalqa jsiru fid-9.00 jew fid-9.30 taʼ fil-għodu, u minnufih wara, il-grupp imur mill-ewwel fuq it-territorju biex jibda x-xogħol minn bieb għal bieb. Madankollu, xi ġemgħat t’anzjani għamlu arranġamenti biex il-grupp jieħu sehem f’forom oħrajn tal-ministeru, bħalma huma l-għoti taʼ xiehda fit-toroq, it-territorju tan-negozju, jew iż-żjajjar lura, qabel ma jmur minn bieb għal bieb fi nħawi residenzjali. Kongregazzjonijiet oħrajn irranġaw il-ħinijiet tal-laqgħat għas-servizz taʼ l-għalqa għal iktar tard fil-għodu—fl–10:00 taʼ fil-għodu, fil–11:00 taʼ fil-għodu, jew f’nofsinhar. Wara, il-grupp imur direttament fuq ix-xogħol minn bieb għal bieb u jibqaʼ barra fis-servizz sa kmieni wara nofsinhar. F’xi territorji, għandu mnejn li l-aħjar ħin biex jiltaqgħu għas-servizz taʼ l-għalqa huwa kmieni wara nofsinhar, iktar milli fil-għodu. Tibdiliet bħal dawn x’aktarx li se jżidu l-produttività fix-xogħol minn bieb għal bieb.
8 Uri Għaqal u Tattika: Hekk kif nikkuntattjaw lin-nies minn bieb għal bieb, aħna niltaqgħu maʼ diversi reazzjonijiet għall-messaġġ tagħna. Xi inkwilini jilqgħuna, oħrajn huma indifferenti, u xi ftit jistgħu jaqilgħu xi argumenti jew ikunu ostili. Fil-każ taʼ dawn taʼ l-aħħar, f’paġna 7 tar-Reasoning From the Scriptures, niġu mfakkrin li m’huwiex l-iskop tagħna li “‘nirbħu l-argumenti’ maʼ nies li ma juru ebda rispett lejn il-verità.” Jekk l-inkwilin ikun ostili, ikun aħjar għalina jekk nitilqu. Qatt m’għandna nħaqquha man-nies billi ninsistu li għandhom jiddiskutu magħna jew jaċċettaw l-opinjoni tagħna. Aħna ma nisforzawx il-messaġġ tagħna fuq in-nies. Din ma tkunx xi ħaġa raġunevoli u tistaʼ toħloq problemi għal Xhieda oħrajn u għax-xogħol in ġenerali.
9 Qabel ma nibdew naħdmu f’xi territorju, ikun għaqli li niċċekkjaw il-karta tat-territorju għal xi notamenti taʼ indirizzi fejn ir-residenti jkunu qalulna biex ma nħabbtulhomx. Jekk hemm indirizzi bħal dawn, kull pubblikatur li jkun qed jaħdem f’dik it-triq irid jiġi mgħarraf fejn m’għandux iħabbat. Ħadd m’għandu jaqbad iżur dawn id-djar jekk ma jingħatax id-direzzjoni mill-indokratur tas-servizz biex jagħmel hekk.—Ara l-Kaxxa għall-Mistoqsija fl-Our Kingdom Ministry taʼ Ġunju 1994.
10 Nistgħu nżidu l-effettività tagħna billi nkunu għaqlin aħna u naħdmu minn dar għal dar. Ħares madwarek int u toqrob lejn dar. Jinsab kullimkien magħluq bil-purtieri jew bil-blinds? M’hemm l-ebda ħoss t’attività? Dan jistaʼ jindika li n-nies tad-dar huma reqdin. X’aktarx, ikollna konversazzjoni iktar produttiva maʼ l-inkwilin jekk nerġgħu ngħaddu iktar tard. Forsi jkun aħjar jekk għalissa din id-dar naqbżuha u nieħdu nota tan-numru tal-bieb. Tistaʼ terġaʼ tiċċekkja d-dar qabel ma tħalli t-territorju jew tagħmel nota biex terġaʼ tgħaddi iktar tard.
11 Xorta jistaʼ jagħti l-każ li xi darba nqajmu lil xi ħadd bla ma rridu jew intellfuh b’xi mod ieħor. Għandu mnejn li saħansitra jidher irritat jew irrabjat. Kif għandna nirreaġixxu? Proverbji 17:27 jagħtina l-parir: “Min għandu l-għaqal moħħu kalm.” Fil-waqt li ma niskużawx ruħna minħabba l-ministeru tagħna, nistgħu ċertament nesprimu d-dispjaċir tagħna talli ħabbattna l-bieb f’mument inkonvenjenti. Nistgħu bil-pulit nistaqsuh jekk ikunx iktar komdu għalih jekk nerġgħu ngħaddu f’xi ħin ieħor. Jekk nesprimu tħassib persunali b’leħen kalm nistgħu x’aktarx nikkalmaw lil individwu bħal dan. (Prov. 15:1) Jekk xi inkwilin jinformana li hu jaħdem regolarment bil-lejl, tistaʼ titniżżel nota mal-karta tat-territorju sabiex fil-futur iż-żjajjar ikunu jistgħu jsiru f’ħin addattat.
12 L-għaqal huwa daqstant xieraq hekk kif nistinkaw biex naħdmu t-territorju tagħna bir-reqqa. Ladarba ħafna nies ma jkunux id-dar l-ewwel darba li nħabbtulhom, jeħtieġ li nagħmlu iktar sforzi biex nikkuntattjawhom sabiex naqsmu magħhom il-messaġġ taʼ salvazzjoni. (Rum. 10:13) Rapporti jindikaw li xi kultant il-pubblikaturi jżuru l-istess dar diversi drabi matul ġurnata waħda sabiex jipprovaw isibu n-nies id-dar. Dan ma jiskappalhomx lill-ġirien. Tistaʼ tinħoloq impressjoni xejn sabiħa li x-Xhieda taʼ Jehovah ‘dejjem iħabbtu l-bibien’ fit-triq tagħhom. Dan kif jistaʼ jiġi evitat?
13 Kun għaqli. Meta terġaʼ żżur dar fejn ma sibt lil ħadd, hemm xi indikazzjonijiet li issa hemm xi ħadd id-dar? Jekk il-kaxxa taʼ l-ittri hija mimlija posta u fuljetti, x’aktarx li l-individwu għadu ma wasalx id-dar u għalxejn terġaʼ tħabbat. Jekk l-individwu ma jistax jiġi kkuntattjat wara diversi attentati f’ħinijiet differenti tal-ġurnata, bħal per eżempju fil-għaxija, jistaʼ jkun possibbli li tikkuntattja lill-inkwilin bit-telefon. Jekk le, tistaʼ bil-prudenza tħalli xi fuljett jew volantin fil-bieb, speċjalment jekk it-territorju jinħadem taʼ spiss. Jistaʼ jkun li fl-aħħar mill-aħħar l-individwu jiġi kkuntattjat meta jinħadem it-territorju d-darba taʼ wara.
14 Għandna nevitaw konversazzjonijiet twal fuq il-bieb meta l-inkwilin ikun espost għal temp ikrah ferm. Meta tiġi mistieden tidħol ġewwa, oqgħod attent li ma tħammiġx l-art. Uża l-għaqal meta tiġi wiċċ imbwiċċ maʼ kelb li jkun qed jinbaħ. Meta tkun qed taħdem f’bini bl-appartamenti, tkellem b’leħen baxx u evita li tagħmel ħsejjes li jdejqu lir-residenti u li bihom kulħadd ikun jaf li qiegħed hemm.
15 Żomm l-Ordni u d-Dinjità: B’organizzazzjoni tajba nistgħu nevitaw li nifformaw gruppi kbar u li jagħtu fl-għajn meta naslu fit-territorju. Xi inkwilini jistgħu jħossuhom mhedda meta jaraw grupp kbir taʼ pubblikaturi jaslu bil-karozzi u l-vannijiet quddiem l-għatba tad-dar tagħhom. Ma rridux nagħtu l-impressjoni li qegħdin “ninvadu” lill-inħawi residenzjali. L-aħjar huwa li l-arranġamenti biex jinħadem it-territorju jsiru waqt il-laqgħat għas-servizz taʼ l-għalqa. Gruppi żgħar taʼ pubblikaturi, bħal per eżempju familja waħda, ma jgerrxux lill-inkwilini daqstant malajr u jkollhom bżonn taʼ ftit riorganizzazzjoni waqt li jinħadem it-territorju.
16 L-ordni tirrikjedi li l-ġenituri jieħdu ħsieb bir-reqqa l-kondotta taʼ wliedhom waqt li jkunu qed jaħdmu fit-territorju. It-tfal għandhom iġibu ruħhom sewwa meta jkunu mal-kbar fuq il-bieb. Iż-żgħar m’għandhomx jitħallew jilagħbu jew iduru ’l hawn u ’l hemm, billi jiġbdu l-attenzjoni bla bżonn tar-residenti jew taʼ min ikun għaddej.
17 Il-bilanċ huwa meħtieġ ukoll meta niġu biex nieqfu għall-kafè. L-Our Kingdom Ministry taʼ Ġunju 1995, paġna 3, qalet: “Meta nkunu fis-servizz taʼ l-għalqa, nistgħu nitilfu ħin prezzjuż meta nieqfu għall-kafè. Madankollu, meta jkun temp ikrah ħafna, waqfa bħal din tiffriskana u tgħinna nkomplu. Ħafna, iżda, jippreferu jibqgħu għaddejjin jippridkaw lin-nies u jżommu lura milli jassoċjaw maʼ l-aħwa li jieqfu għall-kafè waqt il-ħin li jkun tħalla għall-ministeru.” Għalkemm li tieqaf għal xi xarba hija deċiżjoni persunali, ġie nnotat li xi drabi, gruppi kbar taʼ aħwa rġiel u nisa jiltaqgħu f’ħanut tat-tè jew restorant. Minbarra l-ammont taʼ ħin li jdumu biex jisservew, il-preżenza taʼ ċorma nies tistaʼ tgerrex lill-klijenti l-oħrajn. Xi kultant, jiġu diskussi fil-miftuħ esperjenzi li jkunu ġraw matul is-servizz taʼ l-għalqa f’dik l-għodwa, u dan jistaʼ jnaqqas mid-dinjità tal-ministeru tagħna u jdgħajjef l-effettività tiegħu. Billi jużaw l-għaqal, il-pubblikaturi jistgħu jevitaw li jinġabru kollha fl-istess stabbiliment u jaħlu ħin żejjed mill-ministeru.
18 Ħafna aħwa esperjenzaw riżultati mill-aqwa billi avviċinaw lin-nies kulfejn jinstabu—fit-toroq, fejn jipparkjaw il-karozzi, u f’postijiet pubbliċi oħrajn. Hawnhekk, ukoll, irridu nagħtu xiehda mill-aħjar, mhux bi kliemna biss imma bir-raġunevolezza tagħna wkoll. Il-pubblikaturi f’kull kongregazzjoni għandhom jagħmlu ċert li jirrispettaw il-limiti tat-territorju tagħhom sabiex ma jispiċċawx idejqu lin-nies fi nħawi kummerċjali u fit-toroq jew lil impjegati taʼ negozji, bħalma huma ċerti pompi tal-petrol. Sabiex niżguraw li qed inwettqu l-ministeru tagħna bl-ordni u bid-dinjità, għandna naħdmu biss ġewwa t-territorju mogħti lilna sakemm ma jkunux saru xi arranġamenti speċifiċi mill-Kumitat tas-Servizz tal-Kongregazzjoni taʼ xi kongregazzjoni oħra, sabiex nagħtuhom daqqa t’id.—Qabbel it-2 Korintin 10:13-15.
19 Xi kongregazzjonijiet li għandhom ħafna nħawi fejn huwa possibbli li tingħata xiehda lill-pubbliku, organizzaw dawn l-inħawi f’territorji. Imbagħad kull pubblikatur individwali jew grupp jingħata karta bit-territorju. B’hekk, it-territorju jinħadem b’mod iktar effettiv u jiġi evitat li jkun hemm ħafna pubblikaturi jaħdmu l-istess inħawi fl-istess ħin, fi qbil mal-prinċipju taʼ l-1 Korintin 14:40: “Ħa jsir kollox kif imur u bl-ordni.”
20 Id-dehra persunali tagħna għandha dejjem tkun dinjituża u tirrappreżentana tajjeb bħala ministri li nġorru isem Jehovah. Dan japplika wkoll għall-affarijiet li nużaw. Basktijiet imqattgħin jew Bibbji maħmuġin jew bil-paġni milwijin jistgħu jtellfu mill-messaġġ tas-Saltna. Intqal li l-ilbies u l-maxta “huma mezz taʼ komunikazzjoni mgħaġġel li jagħti informazzjoni lill-popolazzjoni taʼ madwarek dwar min int u x’int u fejn hu postok fl-ordni taʼ l-affarijiet.” Għaldaqstant, id-dehra tagħna m’għandha tkun la maħmuġa u lanqas ittraskurata, la kollha xinxilli u lanqas taʼ barra minn hawn, imma dejjem “kif jixraq lill-Evanġelju.”—Fil. 1:27; qabbel l-1 Timotju 2:9, 10.
21 Fl-1 Korintin 9:26, l-appostlu Pawlu jistqarr: “Jien issa hekk niġri, mhux qisni bl-addoċċ; ma nissarax bħallikieku qiegħed nagħti fil-vojt.” Bħal Pawlu, aħna ddeterminati li jkollna ministeru effettiv u produttiv. Hekk kif nieħdu sehem żeluż fix-xogħol taʼ l-għoti taʼ xiehda bħala parti mill-“armata tal-ġradijiet” li għandu Jehovah llum, jalla nużaw ir-raġunevolezza u l-għaqal Kristjani f’li nwasslu l-messaġġ tas-salvazzjoni għand kulħadd fit-territorju tagħna.