Modi kif Tespandi l-Ministeru Tiegħek
1 Iktar minn 40 sena ilu, artiklu intitolat “Is Your Best Good Enough?” (Huwa l-Aħjar Tiegħek Tajjeb Biżżejjed?) deher fil-Watchtower tal-15 taʼ Jannar, 1955. B’imħabba dan ġibed l-attenzjoni lejn kif jistaʼ jkun possibbli għan-nies taʼ Jehovah li jtejbu l-isforz individwali tagħhom fil-ministeru sabiex ikunu jistgħu jżidu l-attività tagħhom tas-Saltna. Dak il-parir tajjeb japplika wkoll għal-lum, hekk kif l-aħjar tagħna nkomplu nagħmluh saħansitra aħjar.
2 Is-servizz kollu tagħna għandu jkun immotivat mill-akbar kmandament: “Int għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha.” (Mk. 12:30) Aħna nuru l-imħabba sħiħa tagħna għal Jehovah billi nużaw bis-sħiħ l-opportunitajiet li jkollna disponibbli biex navanzaw ix-xogħol tiegħu tas-Saltna. Ikkunsidra l-modi li ġejjin kif tistaʼ tespandi l-ministeru tiegħek.
3 Erfaʼ r-Responsabbiltà Tiegħek: Aħwa ddedikati jistgħu jistinkaw biex jikkwalifikaw bħala qaddejja ministerjali u mbagħad javanzaw għal li jaqdu bħala anzjani. L-artikli “Qiegħed Int Tirsisti?” u “Tikkwalifika Int biex Taqdi?,” fil-ħarġa taʼ It-Torri taʼ l-Għassa, taʼ l-1 taʼ Diċembru, 1990, immotivaw lil ħafna aħwa biex jagħmlu ruħhom disponibbli għal responsabbiltajiet fil-kongregazzjoni. Staqsi lill-anzjani lokali tiegħek għal suġġerimenti speċifiċi fuq kif tirsisti u tikkwalifika.
4 L-anzjani u l-qaddejja ministerjali mhux miżżewġin huma mistidnin jaħsbu serjament dwar li japplikaw għall-Iskola tat-Taħriġ Ministerjali. Tistaʼ ssir midħla taʼ din l-iskola billi taqra r-referenzi taħt “Ministerial Training School” fil-Watch Tower Publications Indexes għall-1986-1995, l-1996, u l-1997. Qed tarah jinfetaħ quddiemek dak il-‘bieb kbir fejn tistaʼ taħdem’? (1 Kor. 16:9a) Ħafna aħwa li ħadu vantaġġ minn dan il-bieb t’opportunità qatt ma mmaġinaw il-privileġġi kollha tas-servizz possibbli wara l-gradwazzjoni. Illum qed igawdu l-privileġġ li jaqdu f’Betel jew fl-għalqa bħala pijunieri speċjali, missjunarji, jew indokraturi tas-circuit.
5 Irsisti għas-Servizz Full-Time: Żgħażagħ li jispiċċaw l-iskola sekondarja, nisa tad-dar, u kulmin laħaq l-età tal-pensjoni għandhom jikkunsidraw serjament ix-xogħol taʼ pijunier. Irrevedi l-insert taʼ Il-Ministeru tas-Saltna taʼ Lulju 1998, imbagħad tkellem maʼ pijunieri li kellhom ċirkustanzi simili għal dawk li għandek f’ħajtek stess. Jistaʼ jkun li se titqanqal biex tespandi l-ministeru tiegħek billi tagħmel ix-xogħol taʼ pijunier, bħalma qed jagħmlu huma. (1 Kor. 11:1) Huwa possibbli li tespandi l-attività tiegħek għal 70 siegħa fix-xahar u b’hekk taqdi bħala pijunier regulari?
6 Iktar minn 17,000 aħwa rġiel u nisa issa jaqdu f’uffiċċji tal-fergħa u fi djar Betel madwar id-dinja. L-Our Kingdom Ministry taʼ Ġunju 1995 jiddiskuti x’jinħtieġ biex wieħed japplika għal servizz bħal dan. Għala ma taqrax dak l-artiklu u tara jekk intix wieħed li forsi tikkwalifika għal dan il-privileġġ uniku taʼ servizz f’Betel?
7 Aqdi Fejn il-Bżonn Huwa Akbar: Tgħix int f’post fejn it-territorju jinħadem taʼ spiss ġmielu jew fejn hemm ħafna aħwa biex jaqsmu t-tagħbija? Ġieli ħsibt dwar li tespandi l-ministeru tiegħek billi tmur toqgħod fejn il-bżonn huwa akbar? Forsi tistaʼ tmur f’kongregazzjoni fejn jinħtieġu iktar ħaddiema. (Mt. 9:37, 38) Dan m’għandux isir malajr malajr. Jixraqlu konsiderazzjoni bit-talb. (Luqa 14:28-30) Iddiskuti s-sitwazzjoni tiegħek maʼ l-anzjani u l-indokratur tas-circuit. Se jirraġunaw miegħek dwar jekk huwiex għaqli li tagħmel ċaqliqa bħal din issa jew jekk tippreparax biex tagħmel hekk fil-futur. Jekk tixtieq tikteb lis-Soċjetà għal suġġeriment dwar fejn tistaʼ tmur toqgħod, l-ittra tiegħek trid tkun akkumpanjata minn ittra ffirmata mill-Kumitat tas-Servizz tal-Kongregazzjoni tiegħek.
8 Tejjeb il-Kwalità tas-Servizz Tiegħek: X’aktarx li lkoll kemm aħna nistgħu nieħdu sehem iktar bis-sħiħ fil-ministeru billi ntejbu l-kwalità tas-servizz taʼ l-għalqa tagħna. Involut int fil-karatteristiċi kollha taʼ dan ix-xogħol, inkluż l-għoti taʼ xiehda minn dar għal dar u b’mod informali, kif ukoll fix-xogħol taʼ żjajjar lura u studji tal-Bibbja? Jekk qed tikkonduċi studju tal-Bibbja, tistaʼ ttejjeb l-arti tiegħek tat-tagħlim? Ikun tajjeb kieku tirrevedi l-insert taʼ Il-Ministeru tas-Saltna taʼ Ġunju 1996 għal suġġerimenti li tistaʼ tuża biex timmotiva lill-istudenti tiegħek biex jiddedikaw ruħhom u jitgħammdu.
9 Diskussjoni iktar estensiva dwar modi kif nespandu u ntejbu l-ministeru tagħna tinstab f’kapitlu 9 tal-ktieb Organized to Accomplish Our Ministry. Żgur li lkoll kemm aħna għandna nixtiequ li nagħmlu kemm jistaʼ jkun fis-servizz t’Alla. Għala ma taħsibx bis-serjetà dwar il-miri spiritwali tiegħek? Agħmel bħalma jirrikkmanda l-1 Timotju 4:15: “Dawn il-ħwejjeġ ħu ħsiebhom, agħti ruħek għalihom, biex kulħadd jara li int miexi ’l quddiem.”