Żid it-Teżor Tiegħek tas-Servizz tas-Saltna
1 Ġesù xebbah it-tama tas-Saltna maʼ teżor imprezzabbli. (Mt. 13:44-46) Nixbhuhom aħna lill-irġiel tat-tixbihat taʼ Ġesù li biegħu ġidhom kollu biex jixtru xi ħaġa taʼ valur akbar? Jekk inhu hekk, se npoġġu s-Saltna t’Alla fl-ewwel post, anki jekk dan jistaʼ ma jkunx konvenjenti għalina jew ikollna niċċaħħdu minn xi affarijiet.−Mt. 6:19-22.
2 Ladarba s-servizz tagħna tas-Saltna huwa teżor, għandu jkollna x-xewqa li nżiduh. Il-mod taʼ ħajja tagħna x’juri? Qegħdin aħna nżidu l-attività tagħna tas-Saltna? Dan nistgħu nagħmluh billi nieħdu sehem fid-diversi aspetti tal-ministeru, li jinkludu x-xogħol minn dar għal dar, nagħmlu żjajjar lura, nikkonduċu studji tal-Bibbja, u nagħtu xiehda informali.
3 ‘Kif Nistaʼ Nżid is-Sehem Tiegħi?’ Peress li għadna kif bdejna sena ġdida taʼ servizz, kull wieħed minna jagħmel tajjeb li jeżamina l-attività persunali tiegħu biex jara x’jistaʼ jagħmel ħalli jżid il-ħin fil-ministeru taʼ l-għalqa. Forsi jistaqsi: ‘Nistaʼ nirranġa l-affarijiet sabiex nibda naqdi fis-servizz bħala pijunier awżiljarju kultant żmien jew saħansitra nkompli fih? Bi ftit aġġustamenti, nistaʼ jien nibda naqdi fis-servizz taʼ pijunier regulari?’
4 Xi pubblikaturi għamlu miri persunali sabiex jagħtu iktar xiehda informali. Spiss din l-attività tipproduċi frott mill-aqwa. Oħrajn għandhom mnejn iħossu l-bżonn li jagħmlu żjajjar lura iktar effettivi jew li jibdew studji ġodda tal-Bibbja.
5 Jekk nikkonkludu li l-ministeru tagħna huwa limitat b’xi mod, x’nistgħu nagħmlu biex inżiduh? Dawk li rnexxielhom jilħqu miri ogħla jissuġġerixxu li l-ewwel għandna nkunu determinati li npoġġu l-interessi tas-Saltna fl-ewwel post jiġri x’jiġri. (Mt. 6:33) Jeħtieġ li jkollna l-fidi u nistrieħu kompletament fuq Jehovah. (2 Kor. 4:7) Fittex l-għajnuna tiegħu b’talb mill-qalb u kun persistenti fih. (Lq. 11:8, 9) Nistgħu nkunu fiduċjużi li Jehovah se jbierek l-isforzi ġenwini tagħna biex inżidu sehemna fis-servizz tiegħu.−1 Ġw. 5:14.
6 Tkellem m’aħwa rġiel u nisa li rnexxielhom iżidu l-ministeru tagħhom. Staqsihom kif irnexxielhom jegħlbu l-ostakli mingħajr ma jiskuraġġixxu ruħhom. Għandu mnejn li l-esperjenzi persunali tagħhom ikunu dak li għandek bżonn biex tikkonvinċi ruħek li m’huwiex impossibbli żżid il-ministeru tiegħek.
7 Meta taqra l-artikli f’It-Torri taʼ l-Għassa jew f’Il-Ministeru tas-Saltna li jitkellmu dwar is-servizz taʼ l-għalqa, ikkunsidra bit-talb kif tistaʼ tapplika s-suġġerimenti fil-ministeru tiegħek. Agħmel l-istess meta tattendi l-laqgħat tal-kongregazzjoni jew l-assembleat.
8 Ġesù kien jieħu l-ministeru tiegħu b’serjetà kbira, billi għamlu l-iktar ħaġa importanti f’ħajtu. Hu ddikjara: “L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda taʼ min bagħatni.” (Ġw. 4:34) Aħna nħossuna bħalu? Jekk iva, żgur li se nsibu modi kif inżidu l-attività tagħna u naqsmu m’oħrajn il-“ħwejjeġ tajba” mill-ħażna tat-teżor tagħna.−Mt. 12:35; Lq. 6:45. (km-E 9/94)