Tistaʼ Tagħmel Iktar fil-Ministeru Tiegħek?
1. Liema urġenza teżisti fil-ministeru tal-għalqa, u għala?
1 Minħabba li ra li għadd kbir taʼ nies kienu interessati fl-aħbar tajba tas-Saltna, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu biex ‘jitolbu bil-ħrara lil Sid il-ħsad biex jibgħat il-ħaddiema fil-ħsad tiegħu.’ (Mt. 9:37, 38) Ladarba ninsabu fl-aħħar sigħat tal-istaġun tal-ħsad, ix-xogħol tagħna huwa saħansitra iktar urġenti minn qatt qabel. Dan ifisser li għandna nikkunsidraw bit-talb kif jistaʼ jkollna sehem iktar bis-sħiħ fil-ministeru tal-għalqa.—Ġw. 14:13, 14.
2. Xi wħud kif wieġbu għas-sejħa għal iktar ħaddiema fl-għalqa?
2 Kif Nistgħu Nagħmlu Iktar fil-Ministeru: Bil-gwida u l-għajnuna taʼ Ġeħova, ħafna sabu li kien possibbli għalihom li jsiru pijunieri. (Salm 26:2, 3; Flp. 4:6) Xi wħud għamlu sforz speċjali biex jaqdu bħala pijunieri awżiljarji għal xahar jew iktar matul is-sena. Dan kien mod mill-aqwa kif jagħmlu iktar fil-ministeru tagħhom. Il-ferħ li kisbu minħabba li ħadu sehem f’dan il-privileġġ qanqal lil ħafna minnhom biex jikkunsidraw jekk jistgħux isiru pijunieri regulari.—Atti 20:35.
3. Jekk qabel kont taqdi bħala pijunier, x’għandek mnejn tkun trid tikkunsidra issa?
3 Tistaʼ Terġaʼ Taqdi Bħala Pijunier?: Jekk qabel kont taqdi bħala pijunier, bla dubju għandek memorji mill-isbaħ taʼ dak iż-żmien. Tlabt int dwar il-possibbiltà li terġaʼ taqdi bħala pijunier? Iċ-ċirkustanzi li ġegħluk tieqaf taqdi bħala pijunier forsi m’għadhomx taʼ tfixkil. Forsi wasal iż-żmien biex terġaʼ tgawdi dan il-privileġġ speċjali għal darb’oħra.—1 Ġw. 5:14, 15.
4. Liema opportunità unika hija miftuħa għalina lkoll?
4 Ix-xogħol tal-ħsad jinsab fl-aqwa tiegħu u dalwaqt se jintemm. (Ġw. 4:35, 36) Jalla lkoll kemm aħna neżaminaw is-sitwazzjoni preżenti tagħna biex niddeterminaw jekk nistgħux naġġustaw l-attivitajiet tagħna sabiex nieħdu sehem iktar fil-ministeru. Jew jekk sinċerament ma nistgħux nagħmlu iktar fil-ministeru tagħna, nistgħu aħna nfittxu modi kif inkunu iktar effettivi? (Mk. 12:41-44) Xi privileġġ hemm issa quddiem dawk kollha li ċ-ċirkustanzi preżenti tagħhom jippermettulhom jintużaw minn Ġeħova f’din l-opportunità unika!—Salm 110:3.