Kieku Int x’Tgħidlu lil Wieħed Ateu?
1 “Jien atea,” qalet professoressa mill-Polonja lil waħda missjunarja fl-Afrika. Madankollu, l-oħt irnexxielha taqbad diskussjoni maʼ din il-mara u tatha l-ktieb Life—How Did It Get Here? By Evolution or by Creation? Meta l-missjunarja rritornat il-ġimgħa taʼ wara, il-professoressa qaltilha: “M’għadnix iktar atea!” Hi kienet qrat il-ktieb Creation kollu u issa staqsiet għal studju tal-Bibbja. X’tistaʼ tagħmel biex ikollok suċċess f’li tagħti xiehda lil dawk li jgħidu li ma jemmnux f’Alla? L-ewwelnett, ikkunsidra d-diversi raġunijiet għala n-nies jgħidu li ma jemmnux.
2 Fatturi li Jikkontribwixxu għax-Xettiċiżmu: Mhux l-atei kollha trabbew hekk. Ħafna minnhom kienu esposti għal xi forma taʼ reliġjon u xi darba kienu jemmnu f’Alla. Madankollu, xi problemi serji taʼ saħħa jew fil-familja, jew ċerti nġustizzji li jkunu esperjenzaw dgħajfulhom il-fidi tagħhom. Għal oħrajn, il-korsijiet li ġew mgħallmin fl-iskejjel t’edukazzjoni għolja kellhom impatt negattiv fuq il-konċett tagħhom dwar Alla. Innota l-eżempji li ġejjin taʼ atei li eventwalment żviluppaw twemmin qawwi f’Alla Jehovah u saru Xhieda tiegħu.
3 Waħda mara f’Pariġi twieldet b’marda fl-għadam li kienet iddgħajjifha. Għalkemm kienet ġiet mgħammda bħala Kattolika, hi ddikjarat lilha nfisha bħala atea. Meta staqsiet lis-sorijiet għala Alla ppermetta li hi titwieled b’diżabilità bħal din, it-tweġiba tagħhom kienet: “Għax iħobbok.” Hi rrifjutat li taċċetta din l-idea assurda. Ukoll, ikkunsidra lil wieħed żagħżugħ fil-Finlandja li sabu li kellu marda inkurabbli fil-muskoli u spiċċa f’siġġu tar-roti. Ommu ħaditu għand wieħed Pentekostali li kien jgħid li jfejjaq lin-nies morda. Imma ma seħħ l-ebda fejqan mirakoluż. Bħala riżultat, iż-żagħżugħ tilef l-interess f’Alla u sar ateu.
4 Raġel fil-Ħonduras trabba bħala Kattoliku imma studja l-filosofija Soċjalista u l-ateiżmu. Konvint mit-tagħlim taʼ l-università li l-umanità hija r-riżultat taʼ l-evoluzzjoni, hu ma baqax jemmen iktar f’Alla. B’mod simili, waħda mara fl-Istati Uniti trabbiet bħala Metodista. Fil-kulleġġ kienet tieħu l-lezzjonijiet tal-psikoloġija. It-twemmin tagħha kif ġie effettwat? Hi qalet: “F’sajf wieħed qerduli l-fidi kollha li kelli fir-reliġjon.” Studju tal-Bibbja bnielha l-fidi tagħha f’Alla u taha skop fil-ħajja.
5 Nilħqu l-Qlub taʼ Wħud Sinċieri: Ħafna individwi li jgħidu li ma jemmnux f’Alla jixtiequ jkunu jafu jekk hemmx xi soluzzjoni għall-problemi taʼ nuqqas taʼ saħħa, ġlied fil-familja, inġustizzja, u affarijiet bħal dawn. Huma interessati sinċerament f’li jsibu t-tweġibiet għall-mistoqsijiet bħal: ‘Għala jeżisti l-ħażen?’ ‘Għala l-affarijiet ħżiena jiġru lin-nies tajbin?’ u ‘X’inhu s-sinjifikat tal-ħajja?’
6 Raġel u mara miżżewġin li jgħixu fl-Isvizzera trabbew it-tnejn li huma bħala atei. Meta saru jafu għall-ewwel darba bil-verità, ir-reazzjoni tagħhom kienet negattiva. Imma dawn kellhom problemi serji fil-familja u kienu qed jikkunsidraw id-divorzju. Meta x-Xhud reġgħet marret iżżurhom, uriet lil din il-koppja kif jistgħu jegħlbu l-problemi tagħhom permezz tal-Bibbja. Il-koppja baqgħet mistagħġba bil-pariri prattiċi li hemm fl-Iskrittura, u qablu li jibdew studju tal-Bibbja. Iż-żwieġ tagħhom issaħħaħ, għamlu progress spiritwali, u tgħammdu.
7 X’Tistaʼ Tgħidlu lil Wieħed Ateu: Meta xi ħadd jgħidlek li hu ateu, ipprova sib ir-raġuni għala qed jgħid hekk. Huwa dan minħabba l-edukazzjoni li rċieva, il-problemi li esperjenza, jew l-ipokresija reliġjuża u t-tagħlim falz? Int tistaʼ tistaqsih: “Minn dejjem ħassejtek hekk?” jew “X’inhi r-raġuni għall-konklużjoni tiegħek?” It-tweġiba tiegħu se tgħinek tiddetermina x’tistaʼ tgħidlu. Fejn ikun hemm bżonn t’argumenti qawwijin, il-ktieb Is There a Creator Who Cares About You? jistaʼ jkun proprju dak li hu meħtieġ.
8 Int tistaʼ tkompli konversazzjoni maʼ wieħed ateu billi tistaqsih:
◼ “Ġieli jgħaddilek minn moħħok: ‘Jekk hemm Alla, għala hawn tant sofferenza u inġustizzja fid-dinja?’ [Agħti ċans għal tweġiba.] Tippermettili nurik x’inhi l-ħarsa tal-Bibbja dwar dan is-suġġett?” Aqra Ġeremija 10:23. Wara li taqrah, staqsih x’inhi l-opinjoni tiegħu dwar il-vers. Imbagħad urih paġni 15 u 16 tal-browxer “Ħares! Qed Nagħmel l-Affarijiet Kollha Ġodda” jew, minflok, tistaʼ tuża kapitlu 10 tal-ktieb Creator. Stiednu biex jaċċetta l-pubblikazzjoni u jaqra l-materjal.—Għal iktar suġġerimenti, ara l-ktieb Reasoning, paġni 150-1.
9 Nammettu li mhux l-atei kollha se jaċċettaw il-verità. Imma hemm ħafna li huma lesti li jikkunsidraw ħarsa oħra. Uża l-loġika, il-persważjoni u, fuq kollox, il-qawwa tal-Kelma t’Alla biex tgħinhom jaraw il-verità.—Atti 28:23, 24; Lhud 4:12.