Esperjenzi
◼ L-Awstralja: John, raġel taʼ skola, meta kien żgħir kien imur il-knisja imma sar “ateu devot għalkollox.” Pijunier ħallielu l-browxer Was Life Created? u mbagħad darb’oħra ħallielu l-browxer Origin of Life. Il-pijunier kompla jkabbar l-interess billi kien jiħodlu l-aħħar ħarġiet tar-rivisti u jurih kull artiklu li jkun hemm fuq il-ħolqien u fuq il-profeziji tal-Bibbja. Meta ħaseb li John kien lest, offrielu l-ktieb Il-Bibbja—Il-Kelma t’Alla jew tal-Bniedem? Wara li qrah, John beda jiddeskrivi lilu nnifsu bħala “anjostiku mhux daqshekk devot.” Il-pijunier imbagħad urieh il-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? u wrieh paragrafu 8 f’paġna 20 u paragrafi 13-16 f’paġni 23-24. L-iskritturi li kien hemm fil-paragrafi tant impressjonaw lil John li hu qal, “Forsi għandi nerġaʼ nara x’fiha l-Bibbja.”
◼ Il-Messiku: Raġel qal lil pubblikatur li hu ma kienx jemmen li l-Bibbja hi ispirata minn Alla. Il-pubblikatur offrielu li jurih il-provi li l-Bibbja hi ispirata. Wara xi diskussjonijiet, it-tagħlim tal-Bibbja beda jeffettwalu qalbu. Hu kien speċjalment imqanqal meta tgħallem dwar il-livelli t’Alla. Hu qal lill-pubblikatur: “Għall-ewwel meta jien u int konna naqraw il-Bibbja flimkien, kont inqis il-pariri bħallikieku kienu ġejjin minn ktieb kwalunkwe u ma kinux jeffettwawni. Imma issa meta naqraw minnha, speċjalment dwar il-pariri fuq il-moralità, tmissli qalbi.”
◼ L-Istati Uniti: Waqt li kienu qed jieħdu sehem f’għoti taʼ xhieda speċjali fi bliet kbar, koppja ltaqgħu maʼ mara mit-Tajwan li kienet temmen f’Alla imma kienet tħoss li l-Bibbja kienet għan-nies mill-Ewropa u l-Amerika. Hi marret fejn kellhom l-istend bil-letteratura għax ħassitha mitlufa minkejja li kellha ħajja privileġġata. Kienet qed tittama li l-Bibbja tgħinha ssib skop fil-ħajja. Il-koppja bdiet tistudja magħha mill-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? flimkien mal-browxer Lasting Peace and Happiness—How to Find Them. Minflok ma studjaw it-tieni kapitlu tal-ktieb, huma ddiskutew is-sezzjoni tal-browxer bit-titlu “A Guidebook for the Blessing of All Mankind.” Wara li kkunsidraw l-ewwel sitt paragrafi f’dik is-sezzjoni, il-mara baqgħet mistagħġba li l-Bibbja hi daqstant unika meta tqabbilha maʼ kitbiet reliġjużi oħrajn. Wara li kkunsidrat profeziji tal-Bibbja li ġew imwettqin, hi qalet, “Ma nistaʼ naħseb f’ebda ktieb ieħor li hu daqstant eżatt bħall-Bibbja!”
◼ Il-Ġappun: Minkejja li inkwilin qal lil pubblikatur li hu ma kienx jemmen f’Alla, il-pubblikatur kompla jagħmillu żjajjar qosra u jurih l-artikli intitolati “Ġie Disinjat?” minn Stenbaħ! Bil-mod il-mod, ir-raġel biddel fehmtu u beda jammetti li forsi jeżisti Ħallieq. Issa jemmen li hemm Alla, u l-pubblikatur qed jistudja miegħu mill-browxer Aħbar Tajba Mingħand Alla!
◼ Il-Kanada: Oħt ħalliet l-aħħar rivisti maʼ mara li kienet ħierġa mid-dar u sejra lejn il-karozza tagħha. Meta l-oħt marret lura, il-mara qaltilha b’mod sod li ma kinitx interessata u li ma temminx f’Alla. L-oħt iddeċidiet li ma taqtax qalbha minnha imma li tiħdilha l-browxer A Satisfying Life—How to Attain It. Meta l-oħt sabet il-mara d-dar, qaltilha li għalkemm kienet taf li hi ma temminx f’Alla, kienet qed taħseb fiha għax kienet taf li hi omm waħedha. Hi wriet lill-mara paragrafu 6 f’paġna 4 tal-browxer, li jiddiskuti fejn issib pariri għaqlin. Imbagħad inkuraġġietha taqra s-suġġerimenti fit-tieni lezzjoni rigward it-trobbija tat-tfal. Il-mara aċċettat il-browxer minn qalbha.