Ngħinu lil Dawk li Għadhom Mhumiex Lesti għall-Ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem?
1. Il-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? se jolqot lil kulħadd mill-ewwel? Spjega.
1 Sabiex xi ħadd isir aduratur taʼ Ġeħova, għandu jsir jaf x’tgħallem il-Bibbja. Madankollu, xi wħud mhumiex Kristjani u ma jikkunsidrawx il-Bibbja bħala l-Kelma t’Alla. Oħrajn ma jemmnux f’Alla u ma jirrispettawx il-Bibbja. Liema pubblikazzjonijiet urew li kienu utli għal dawk li għall-ewwel ma jkunux lesti jaċċettaw il-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? Is-suġġerimenti li se naraw huma bbażati fuq il-kummenti taʼ pubblikaturi minn xi 20 pajjiż differenti.
2. Jekk xi ħadd jgħid li ma jemminx f’Alla, x’għandna nipprovaw insiru nafu, u għala?
2 Dawk li Ma Jemmnux f’Alla: Jekk xi ħadd jgħid li ma jemminx f’Alla, ikun tajjeb li ssir taf għala. Huwa minħabba li jemmen fl-evoluzzjoni? Tilef hu l-fidi f’Alla minħabba l-inġustizzji fid-dinja jew l-ipokrisija li hemm fir-reliġjonijiet? Ġej minn pajjiż li ma jridux in-nies jemmnu f’Alla? Forsi ma jiċħadx għal kollox l-eżistenza t’Alla, imma qatt ma ħass il-bżonn biex jemmen fih. Ħafna pubblikaturi sabu li meta jistaqsu, “Dejjem ħassejtek hekk?” l-individwu jkun lest jispjega. Ismaʼ u taqbiżx fin-nofs. Meta nifhmu għala l-individwu ma jemminx f’Alla, se nkunu nafu kif inwieġbu u liema pubblikazzjoni għandna noffru.—Prov. 18:13.
3. Kif nistgħu nuru rispett lejn dak li jkun u t-twemmin tiegħu?
3 Meta twieġeb, oqgħod attent li dak li jkun ma jħossx li qed tattakka l-opinjoni tiegħu. Dan is-suġġeriment ġej mill-Istati Uniti: “Huwa importanti ħafna li tirrispetta l-libertà persunali tal-individwi li jiddeċiedu x’jemmnu. Minflok ma tipprova tirbaħ l-argumenti, ikun aħjar li tagħmel mistoqsijiet biex in-nies jaħsbu u jaslu għall-konklużjonijiet tagħhom stess.” Wara li jismaʼ lill-inkwilin jesprimi l-ħsibijiet tiegħu, indokratur li jivvjaġġa spiss jintroduċi t-tweġiba tiegħu billi jistaqsi: “Ġieli kkunsidrajt dan bħala possibbiltà?”
4. Kif nistgħu ngħinu lil dawk li huma Buddisti?
4 L-idea li jeżisti Alla hi xi ħaġa ġdida għal ħafna Buddisti. Xi pubblikaturi fil-Britannja jħobbu jużaw il-browxer Lasting Peace and Happiness—How to Find Them meta jagħtu xhieda lil uħud bħal dawn. Wara li jikkunsidraw l-introduzzjoni, jiddiskutu s-sezzjoni “Is There Really a Most High Creator?” u mbagħad is-sezzjoni “A Guidebook for the Blessing of All Mankind.” Wara dan, huma forsi jistgħu joffru l-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? u jgħidu lill-inkwilin, “Anki jekk ma temminx f’Alla, li tistudja l-Bibbja hu taʼ benefiċċju għax fiha ħafna pariri prattiċi.” Pijunier fl-Istati Uniti li jaqdi fit-territorju tal-lingwa Ċiniża qal: “Ħafna fit-territorju tagħna jħobbu jaqraw. Għalhekk, spiss jaqraw il-pubblikazzjoni kollha sakemm nerġgħu nżuruhom. Imma huma forsi ma jifhmux l-idea taʼ studju tal-Bibbja. Allura nħobb noffri l-browxer Aħbar Tajba fl-ewwel żjara għax hu miktub b’tali mod li jinkuraġġixxi diskussjoni.” Indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet u li jaqdi fit-territorju tal-lingwa Ċiniża fl-Istati Uniti jgħid li huwa possibbli li tuża l-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? fl-ewwel żjara. Madankollu, ikun aħjar jekk tibda l-istudju minn kapitlu 2 li jispjega dwar il-Bibbja, minflok minn kapitlu 1 li jitkellem dwar Alla.
5. Il-paċenzja għala hi importanti?
5 Jieħu ż-żmien biex xi ħadd jibni l-fidi f’Alla, għalhekk il-paċenzja hi vitali. L-ewwel konversazzjonijiet tagħna għandhom mnejn ma jqanqlux lil dak li jkun biex jaqbel magħna li jeżisti Ħallieq. Imma forsi maż-żmien jirrikonoxxi li jistaʼ jkun possibbli, jew forsi jgħid li jifhem għala xi wħud jaslu għal dik il-konklużjoni.
6. Għala xi nies għandhom mnejn ma tantx jinteressaw ruħhom fil-Bibbja?
6 Dawk li Ma Tantx Għandhom Interess jew Fiduċja fil-Bibbja: Madankollu, spiss, xi ħadd li jirrikonoxxi li forsi jeżisti Alla ma jkunx interessat f’dak li tgħallem il-Bibbja għax ma jemminx li hi l-Kelma t’Alla. Forsi hu jgħix f’pajjiż mhux Kristjan u jassoċja l-Bibbja mal-Kristjaneżmu. Jew forsi jgħix f’pajjiż fejn in-nies jgħidu li huma Kristjani imma huma materjalisti ħafna u ma jaħsibx li l-Bibbja se tkun utli għalih. Kif nistgħu ngħinu lil uħud bħal dawn biex jibdew jinteressaw ruħhom fil-Bibbja u eventwalment jaċċettaw studju mill-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem?
7. Spiss, x’inhu mod tajjeb kif tqanqal l-interess fil-Bibbja?
7 L-uffiċċju tal-fergħa fil-Greċja kiteb: “L-aħjar mod biex tgħin lil dawk li ma tantx għandhom interess fil-Bibbja hu billi sempliċement tiftaħ il-Bibbja u turihom x’fiha. Ħafna pubblikaturi nnotaw li l-messaġġ tal-Bibbja jħalli iktar effett fuq qalb dak li jkun minn kwalunkwe ħaġa li jistgħu jgħidu huma. (Ebr. 4:12) Il-fatt li raw l-isem t’Alla fil-Bibbja, għen lil ħafna jiżviluppaw xewqa biex ifittxu fil-Bibbja.” L-uffiċċju tal-fergħa fl-Indja kiteb: “Il-verità dwar il-ħajja u l-mewt verament tiġbed lil ħafna li huma Ħindu—hekk ukoll il-wegħda tal-Bibbja li se jkun hemm dinja mingħajr diskriminazzjoni kontra l-klassijiet soċjali.” Meta l-pubblikaturi jitkellmu dwar dak li jinkwieta lin-nies tal-lokal, spiss ikollhom opportunità juru x’tgħid il-Bibbja dwar x’se tagħmel is-Saltna t’Alla biex tirranġa l-affarijiet.
8. X’nistgħu ngħidu lil dawk li għandhom ħarsa negattiva lejn il-Bibbja minħabba l-Kristjaneżmu?
8 Jekk xi ħadd għandu ħarsa negattiva lejn il-Bibbja minħabba l-Kristjaneżmu, għidlu li l-Kristjaneżmu rrappreżenta ħażin il-Bibbja u t-tagħlim tagħha. L-uffiċċju tal-fergħa tal-Indja kiteb: “Xi kultant ikollna bżonn ngħinu lil individwi jaraw li l-Bibbja mhijiex tal-knejjes biss.” L-uffiċċju qal li l-Ħindu spiss jibqgħu impressjonati bis-sezzjoni 4 tal-browxer X’Inhu l-Iskop tal-Ħajja? Kif Tistaʼ Ssibu? li jispjega kif il-knejjes ipprovaw iħassru u jeqirdu l-Kelma t’Alla. Pijunier fil-Brażil jgħid lin-nies: “Għala ma ssirx taf iktar x’fiha l-Bibbja? Ħafna qed jagħmlu dan b’moħħ miftuħ u mingħajr ma jħossuhom obbligati li jissieħbu maʼ xi reliġjon. Għandek mnejn tibqaʼ sorpriż b’dak li titgħallem.”
9. Għala m’għandniex naqtgħu qalbna jekk xi ħadd għall-ewwel ma jkunx interessat f’dak li tgħallem il-Bibbja?
9 Ġeħova jara l-qalb taʼ kull individwu. (1 Sam. 16:7; Prov. 21:2) Hu qed jiġbed lil dawk li għandhom attitudni xierqa lejn il-qima vera. (Ġw. 6:44) Ħafna wħud bħal dawn qatt ma tgħallmu dwar Alla jew ma tantx kienu midħla tal-Bibbja. Il-ministeru tagħna jagħtihom l-opportunità li “jiġu salvati u jaslu għall-għarfien eżatt dwar il-verità.” (1 Tim. 2:4) Għalhekk, jekk xi ħadd għall-ewwel ma jkunx interessat f’dak li tgħallem il-Bibbja, taqtax qalbek! Uża pubblikazzjoni li hi disponibbli bil-lingwa tiegħek biex tqanqal l-interess tiegħu. Eventwalment, forsi tkun tistaʼ tkompli d-diskussjoni mill-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?, li hu l-pubblikazzjoni primarja tagħna biex nikkonduċu studji tal-Bibbja.
[Caption f’paġna 4]
Jekk l-inkwilin jgħid li ma jemminx f’Alla, ipprova dan:
• Staqsi, “Dejjem ħassejtek hekk?” biex issir taf għala.
• Jekk hu Buddist, uża l-browxer Lasting Peace and Happiness—How to Find Them, paġni 9-12.
• Jekk jemmen fl-evoluzzjoni, dawn ir-referenzi jistgħu jkunu t’għajnuna:
Is-serje fi Stenbaħ! “Ġie Disinjat?”
Il-vidjow The Wonders of Creation Reveal God’s Glory
Il-browxers A Satisfying Life—How to Attain It, sezzjoni 4; Was Life Created?; u The Origin of Life—Five Questions Worth Asking
• Jekk tilef il-fidi f’Alla minħabba l-inġustizzja u t-tbatija, dawn ir-referenzi jistgħu jkunu t’għajnuna:
Il-ktieb Is There a Creator Who Cares About You?, kapitlu 10
Il-browxers Veru li Alla Jimpurtah Minna? is-6 parti, u X’Inhu l-Iskop tal-Ħajja?, sezzjoni 6
• Malli l-inkwilin ikun lest jikkunsidra l-idea li Alla forsi jeżisti, introduċi l-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? Għandu mnejn ikun tajjeb li tibda b’kapitlu 2 jew b’suġġett ieħor li jkun xieraq għalih.
[Caption f’paġna 5]
Jekk l-inkwilin jgħid li ma jemminx fil-Bibbja, ipprova dan:
• Ikkunsidra kapitli 17 u 18 tal-ktieb Life—How Did It Get Here? By Evolution or by Creation?
• Għall-Ħindu, uża l-browxer Why Should We Worship God in Love and Truth?
• Għal-Lhud, uża l-browxer Will There Ever Be a World Without War?, paġni 3-11.
• Iddiskuti l-benefiċċji li jiġu meta dak li jkun isegwi l-prinċipji tal-Bibbja. Xi pubblikazzjonijiet li tistaʼ tuża biex turi lil xi ħadd il-valur prattiku tal-Bibbja huma:
Is-serje fi Stenbaħ! “Għajnuna għall-Familja”
Il-vidjow The Bible—Its Power in Your Life
Il-browxers Aħbar Tajba Mingħand Alla!, lezzjoni 9 u 11; Ktieb Għan-Nies Kollha, paġni 22-26; u A Satisfying Life—How to Attain It, sezzjoni 2
Għall-Buddisti, uża l-browxer The Pathway to Peace and Happiness, paġni 3-7.
Għall-Musulmani, uża l-browxer Real Faith—Your Key to a Happy Life, sezzjoni 3.
Jekk qed tipprietka f’post fejn hemm preġudizzju kontra l-Bibbja, jaf ikun aħjar li ma ssemmix is-sors tal-pariri għaqlin li qed taqsam maʼ dak li jkun fl-ewwel ftit żjajjar.
• Spjega kif twettqu profeziji tal-Bibbja. Xi pubblikazzjonijiet li tistaʼ tuża huma:
Il-vidjow The Bible—Accurate History, Reliable Prophecy
Il-browxer Ktieb Għan-Nies Kollha, paġni 27-29
• Malli l-individwu jistaqsi x’tgħallem il-Bibbja fuq suġġetti differenti, introduċi l-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem?
Jekk l-inkwilin jgħid: “Jien ma nemminx f’Alla,” għandek mnejn tgħid:
• “Nistaʼ nispjega fil-qosor xi kkonvinċa lili biex nemmen f’Ħallieq?” Imbagħad aqsam xi punti miegħu mill-ktieb Reasoning, paġni 84-86, jew agħmel arranġamenti biex tiħodlu xi pubblikazzjoni li ħadt pjaċir taqra.
• “Imma jekk hemm Alla, kif tixtieq li jkun?” Ħafna inkwilini jwieġbu li kieku jinġibdu lejn Alla li juri mħabba, ġustizzja, u ħniena, wieħed li hu imparzjali. Urih mill-Bibbja li Alla għandu dawn il-kwalitajiet. (Jistaʼ anki jkun possibbli li tuża kapitlu 1 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem?, billi tibda minn paragrafu 6.)
Jekk l-inkwilin jgħid: “Jien ma nemminx fil-Bibbja,” għandek mnejn tgħid:
• “Hawn ħafna li jħossuhom hekk. Xi wħud għandhom l-impressjoni li l-Bibbja mhijiex xjentifika jew li l-livelli tal-Bibbja mhumiex prattiċi. Jimporta nistaqsik jekk ġieli qrajtx il-Bibbja? [Agħti ċans għal tweġiba. Imbagħad uri l-introduzzjoni f’paġna 3 tal-browxer Ktieb Għan-Nies Kollha, u offri l-browxer.] Ħafna nies tilfu l-fiduċja fil-Bibbja minħabba li r-reliġjon irrappreżentat ħażin it-tagħlim tagħha. Darb’oħra nixtieq li niddiskutu eżempju minn paġni 4 u 5.”
• “Ħafna nies jaħsbuha bħalek. Jimporta nurik xi ħaġa li timpressjonani dwar il-Bibbja? [Aqra Ġob 26:7 jew Isaija 40:22, li juru li l-Bibbja hi xjentifikament eżatta.] Il-Bibbja fiha wkoll pariri għaqlin li huma t’għajnuna għall-familji. Darb’oħra nixtieq nurik xi eżempju.”
• “Grazzi talli qed tgħidli dan. Imma kieku Alla vera kiteb ktieb għall-umanità, x’taħseb li kien ikun fih?” Imbagħad uri lill-individwu xi ħaġa mill-Bibbja li taqbel mal-kumment tiegħu.