L-Iskola tal-Ministeru Teokratiku għas-Sena 2000
1 L-Iskola tal-Ministeru Teokratiku tat prova li hi barka kbira għall-poplu taʼ Jehovah. Matul il-50 sena li għaddew, din għenet lil miljuni biex jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom bħala kelliema u għalliema pubbliċi tal-veritajiet Bibliċi. (Salm 145:10-12; Mt. 28:19, 20) Tistaʼ tara kif l-iskola għenitek? Din tistaʼ tibqaʼ tgħinek matul is-sena 2000 jekk tieħu sehem sħiħ fiha u tapplika l-pariri li jingħataw.
2 L-istruzzjonijiet dwar l-inkarigi u l-pubblikazzjonijiet li se jintużaw huma mniżżlin fl-ewwel paġna taʼ l-iskeda taʼ l-iskola għas-sena 2000. Ġie kunsidrat il-ħin imqassam għal kull parti, is-sors tal-materjal, kif għandu jiġi preżentat il-materjal, u dettalji oħrajn. Jekk jogħġbok, ħu l-ħin biex taqra l-istruzzjonijiet bir-reqqa u applikahom.
3 Il-Qari tal-Bibbja taʼ kull Ġimgħa: Hemm żewġ programmi separati għall-qari tal-Bibbja taʼ kull ġimgħa mniżżlin fuq l-iskeda taʼ l-iskola. Wieħed minnhom hu l-programm tal-qari stabbilit li jkopri madwar ħames paġni tal-Bibbja. Il-punti prinċipali tal-Bibbja huma bbażati fuq dan il-qari. Il-programm l-ieħor tal-qari huwa supplimentarju u jkopri d-doppju tal-materjal. Billi ssegwi dan il-programm, se jirnexxilek taqra l-Bibbja kollha fi tliet snin. Huwa mifhum li xi wħud forsi jkunu jridu jaqraw iktar milli hemm imniżżel fil-programm supplimentarju, filwaqt li oħrajn forsi ma jkunux kapaċi li jżommu miegħu. Ifraħ b’dak li tistaʼ twettaq, minflok toqgħod tqabbel lilek innifsek m’oħrajn. (Gal. 6:4, NW) Il-ħaġa vitali hi li taqra l-Kelma t’Alla kuljum.—Salm 1:1-3.
4 Sabiex tidħol fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku, int għandek titkellem maʼ l-indokratur taʼ l-iskola. Jekk jogħġbok, ħu l-inkarigi tiegħek bis-serjetà, u tħassarhomx għal kull ħaġa taʼ xejn. Apprezza l-iskola bħala provvediment mingħand Jehovah. Ipprepara tajjeb, sir familjari sew mal-materjal assenjat, u esprimi lilek innifsek minn qalbek, u b’hekk tkun tistaʼ tibbenefika minn din l-iskola unika.