Ikkunsidra l-Kelma taʼ Jehovah Kuljum!
1 Kull ġurnata tippreżenta sfidi ġodda għall-fidi tiegħek. Forsi xi ħadd tad-dinja li taf qed ikompli jagħmillek pressjoni biex toħroġ miegħu. L-għalliem tiegħek iridek issegwi karriera sekulari, jew l-imgħallem tiegħek iridek taħdem ħinijiet itwal. Is-saħħa fiżika tiegħek forsi qed tbatti. Għalkemm provi bħal dawn jistgħu jiġu fuqek fi kwalunkwe mument, int m’intix waħdek. Jehovah hu lest li jagħtik l-għerf meħtieġ biex tkampa magħhom. Li tikkunsidra l-iskrittura u l-kummenti fil-ktejjeb Neżaminaw l-Iskrittura huwa mezz wieħed kif tistaʼ tassorbi l-Kelma taʼ Jehovah fuq bażi regulari. Tieħu int vantaġġ minn dan il-provvediment?
2 L-Għajnuna Hija Disponibbli: Isaija 30:20 (NW), jiddeskrivi lil Jehovah bħala l-“Istruttur Grandjuż,” il-wieħed li l-poplu t’Alla jistaʼ jdur lejh għall-għajnuna. Hu jfornik b’dak kollu meħtieġ biex tiffaċċja l-isfidi għall-fidi tiegħek. Kif? Il-vers taʼ wara jispjega: “Widnejk stess se jisimgħu kelma warajk li tgħid: ‘Din hi l-mogħdija. Imxu fiha.’” Illum, Jehovah jibgħat il-“kelma” tiegħu permezz taʼ l-Iskrittura u l-pubblikazzjonijiet taʼ “l-ilsir leali.” (Mt. 24:45, NW) Biss biss, hemm abbundanza t’għarfien fl-artikli tal-passat tat-Torri taʼ l-Għassa, li tistaʼ tgħid jolqtu kull aspett tal-ħajja Kristjana. Billi tirrevedi dawk kwotati fil-ktejjeb Neżaminaw l-Iskrittura se jgħinek taħżen għerf kbir li m’hemmx prezzu meta tiġi biex tittratta maʼ provi taʼ kull xorta.—Is. 48:17.
3 Agħmel Ħin Għalih: Għalkemm il-ħin taʼ fil-għodu kien okkupat ħafna, waħda omm għamlitha mira li taqra u tiddiskuti l-iskrittura u l-kummenti maʼ binha waqt li jkun qed jieħu l-kolazzjon. Dan il-kliem flimkien maʼ talba kienu jkunu l-aħħar kelmiet li kien jismaʼ kull fil-għodu qabel ma jmur l-iskola. Dawn saħħewh biex jirreżisti ħajriet sesswali, biex jieħu waqfa mingħajr kompromessi rigward in-nazzjonaliżmu, u biex jagħti xiehda kuraġġuża kemm lill-istudenti kif ukoll lill-għalliema. Għalkemm kien l-uniku Xhud fl-iskola, hu qatt ma ħassu waħdu.
4 Dur lejn Jehovah u l-Kelma tiegħu għad-direzzjoni u l-gwida. Jekk tagħmel dan, hu se jkun reali għalik, bħal ħabib li tistaʼ tafdah. Dur lejh kuljum! Flimkien maʼ miljuni oħrajn mad-dinja kollha li jikkonsultaw kuljum il-Kelma t’Alla, jalla ssib li għajnejk isiru “għajnejn li qegħdin jaraw lill-Istruttur Grandjuż tiegħek.”