Ixxandar Int is-Saltna Regolarment?
1 Aħna lkoll fraħna meta sirna nafu li Malta laħqet l-ogħla quċċata li qatt kellha taʼ 552 pubblikatur f’Mejju taʼ l-1998. Tassew sforz magħqud u determinat! Evidentement, fix-xhur taʼ wara, xi wħud minn dawn il-pubblikaturi kellhom xi diffikultà biex ikunu proklamaturi regulari tas-Saltna, għax minn dakinhar ’l hawn il-medja tax-xahar kienet madwar 523. Dan jindika li medja taʼ madwar 29 pubblikatur ma rrapportawx is-sehem li kellhom fil-ministeru kull xahar. Aħna nemmnu li l-inkuraġġiment li se nagħtu hawn, jistaʼ jgħin biex tissolva s-sitwazzjoni.
2 Apprezza l-Privileġġ: Għandu jkollna apprezzament profond għall-privileġġ li għandna illi naqsmu l-aħbar tajba tas-Saltna m’oħrajn. Din l-attività tferraħ qalb Jehovah u tgħin lil uħud taʼ qalb onesta jitgħallmu t-triq tal-ħajja. (Prov. 27:11; 1 Tim. 4:16) L-għoti taʼ xiehda regulari jkabbrilna l-esperjenza tagħna fil-ministeru u jirriżulta f’sens taʼ ferħ u twettiq.
3 Irrapporta l-Attività: Xi wħud li jieħdu sehem fis-servizz taʼ l-għalqa jonqsu li jirrapportaw l-attività tagħhom fil-ħin eżatt. Qatt m’għandna nħossuna li l-isforz tagħna ma kienx taʼ siwi biżżejjed biex nirrapportawh. (Qabbel Mark 12:41-44.) Ċertament, aħna għandna nirrapportaw dak li nkunu għamilna! Li jkollok xi proċedura d-dar, bħal li tuża kalendarju biex tniżżel il-ħin li tkun qattajt fil-ministeru, se jservi bħala tfakkira kontinwa biex tagħti rapport eżatt u minnufih fl-aħħar taʼ kull xahar.
4 Agħti l-Għajnuna Meħtieġa: Forsi hemm bżonn li jsir titjib fl-arranġamenti lokali biex jiġu megħjunin dawk li jeħtieġu l-għajnuna f’li jkollhom sehem regulari fil-ministeru. Is-segretarju tal-kongregazzjoni u dawk li jikkonduċu l-istudju tal-ktieb għandhom isibu pubblikaturi bl-esperjenza biex jagħtu daqqa t’id. Jekk it-tfal tiegħek jew oħrajn li jistudjaw il-Bibbja miegħek huma pubblikaturi mhux mgħammdin, ħarriġhom biex jirrapportaw l-attività tagħhom kull xahar.
5 Ftakar fil-bijografija, “Grateful for a Long Life in Jehovah’s Service” (Grata għal Ħajja Twila fis-Servizz taʼ Jehovah), fil-Watchtower taʼ l-1 t’Ottubru, 1997. Oħtna Ottilie Mydland minn Norway saret pubblikatriċi regulari taʼ l-aħbar tajba qabel ma tgħammdet fl-1921. Sitta u sebgħin sena wara, fl-età taʼ 99 sena, qalet: “Jien ferħana li għadni nistaʼ nkun pubblikatriċi regulari.” X’attitudni meraviljuża hi din biex jimitawha l-qaddejja kollha taʼ Jehovah!