Se Jkun Awissu Xahar Speċjali?
1 Is-sena 1963 kienet sena speċjali għall-poplu taʼ Jehovah. Taf għalfejn? Kien f’dak iż-żmien li n-numru taʼ pubblikaturi mad-dinja kollha laħaq il-miljun. Jekk kont fil-verità f’dak iż-żmien, jistaʼ jkun li tiftakar kemm konna eċċitati li jkollna daqstant uħud jippridkaw il-messaġġ tas-Saltna! Issa, hemm daqstant pubblikaturi fl-Istati Uniti biss. F’Malta issa hawn iktar minn 550 pubblikatur. Madankollu, kull xahar, bejn wieħed u ieħor, 80 minna ma jirrapportaw ebda sehem fil-ministeru.
2 Aċċetta l-Isfida: Matul Awissu qegħdin nistinkaw biex nilħqu quċċata taʼ pubblikaturi li qatt ma kien hawn bħalha qabel f’Malta. Jekk l-isforzi tagħna jkollhom suċċess, Awissu tabilħaqq se jkun xahar speċjali! Dan nistgħu nagħmluh jekk ilkoll kemm aħna nagħmlu l-parti tagħna. Hawnhekk hawn xi ftit suġġerimenti.
3 Min qed jippjana li jmur fuq btala jistaʼ jqattaʼ xi ħin fil-ministeru qabel ma jitlaq. Ħu xi fuljetti, browxers, jew rivisti miegħek sabiex tkun tistaʼ tagħti xiehda lin-nies li tiltaqaʼ magħhom matul il-btala. Ukoll, fid-destinazzjoni tiegħek jistaʼ jkollok il-pjaċir li tieħu sehem fil-ministeru mal-pubblikaturi lokali.
4 Jekk int inkapaċitat, xorta waħda tistaʼ tieħu sehem fil-ministeru. Għandek mnejn tkun tistaʼ tagħti xiehda lit-tobba, lill-infermiera, jew lil min jiġi jarak. Forsi tistaʼ tagħti xiehda bl-ittri jew bit-telefon. Bla dubju, xi wħud se japprezzaw l-assistenza sabiex jieħdu sehem fis-servizz taʼ l-għalqa f’Awissu. L-anzjani, il-qaddejja ministerjali, u dawk li jikkonduċu l-istudju tal-ktieb għandhom jiftiehmu biex tiġi pprovduta din l-għajnuna.
5 Qis li ma tinsiex titfaʼ r-rapport tiegħek tas-servizz taʼ l-għalqa malli jispiċċa x-xahar sabiex tiġi magħdud bħala pubblikatur f’Awissu.
6 Għożż il-Privileġġ: Il-ministeru huwa ‘teżor sabiħ fdat f’idejna.’ (2 Tim. 1:14) Aħna napprezzawh il-privileġġ li ngħatajna biex nippridkaw l-aħbar tajba. (1 Tess. 2:4) Meta nikkunsidraw kulma Jehovah għamel għalina, għandna niġu mqanqlin biex ikollna sehem kontinwu f’dan ix-xogħol mill-iktar importanti s-sena kollha. Xejn m’għandu jitħalla jfixkilna milli nippridkaw regolarment. Ejjew nagħmlu dan ix-xahar t’Awissu wieħed speċjali fis-servizz taʼ Jehovah u nkunu ddeterminati li nagħtu xiehda dwaru kull xahar minn issa ’l quddiem!—Salm 34:2 [34:1, New World Translation].