Kaxxa għall-Mistoqsija
◼ Għala huwa taʼ benefiċċju għal dawk fl-udjenza biex ifittxu l-iskritturi meta l-kelliemi jistidinhom jagħmlu dan waqt it-taħdita tiegħu?
Ċerti fatturi bħat-tip taʼ suġġett li jkun qed jiġi diskuss u jekk it-taħdita tikkonsistix f’li tiġi kunsidrata parti mill-Kelma t’Alla vers vers se jiddeterminaw in-numru taʼ skritturi li dawk fl-udjenza jistgħu jiġu mistidnin ifittxu.
Huwa importanti li dak li jkun iżomm f’moħħu li raġuni waħda għala jiġu mfittxijin l-iskritturi hija biex kulħadd jikkonferma li dak li qed jingħad huwa mill-Bibbja. (Atti 17:11) Skop ieħor hu li tiġi eżaminata l-evidenza Skritturali li tappoġġa dak li qed jiġi diskuss, sabiex tissaħħaħ il-fidi taʼ kulħadd. Meta jkun qed jinqara xi vers importanti u dak li jkun jara dak li l-Bibbja tgħid verament, dan se jħalli effett akbar f’moħħu. Minbarra li jiġu mfittxijin l-iskritturi, ikun taʼ benefiċċju jekk dak li jkun jieħu n-noti u jibqaʼ jsegwi dak li qed jingħad.
Filwaqt li l-outline provdut mis-Soċjetà għandu mnejn jirreferi għal ħafna versi Skritturali biex jiżviluppa s-suġġett, dawn ikunu mniżżlin għall-benefiċċju tal-kelliemi, sabiex jgħinuh fil-preparazzjoni tiegħu. Dawn jistgħu jagħtuh xi tagħrif meħtieġ biex jifhem il-materjal u wkoll jgħinuh idaħħal sew f’moħħu l-prinċipji Skritturali bażiċi u biex hu jifhem kif is-suġġett qed jiżviluppa. Il-kelliemi jagħżel dawk il-versi li verament huma meħtieġa sabiex jiżviluppa t-taħdita u jistieden lil dawk fl-udjenza biex isegwuh hekk kif jaqra dawn il-versi u jispjegahom. Jistgħu jissemmew u jinġabru fil-qosor versi oħrajn li jappoġġaw dak li jkun qed jingħad, imma f’każijiet bħal dawn ma jkunx hemm għalfejn li dawk fl-udjenza joqogħdu jfittxuhom.
Meta l-kelliemi jaqra l-iskritturi magħżulin, hu jrid jaqrahom direttament mill-Bibbja, mhux minn fuq xi karta li jkun għamilha bil-kompjuter. Meta l-kelliemi jistieden lil dawk fl-udjenza biex jaqraw miegħu, hu jrid isemmi b’mod ċar liema hu l-ktieb Bibliku, il-kapitlu, u l-vers jew versi. Barra minn hekk, dawk fl-udjenza se jkollhom iktar ħin ifittxu l-iskrittura jekk il-kelliemi jieqaf biex iqajjem xi mistoqsija jew jikkummenta fil-qosor dwar għalfejn se jaqra dan il-vers. Huwa tajjeb ukoll li jirrepeti fejn se jaqra sabiex jgħin lil dawk fl-udjenza jiftakru r-referenza. Madankollu, m’huwiex rikkmandat li wieħed isemmi n-numru tal-paġna, ladarba dan ivarja skond l-edizzjoni Biblika partikulari li dawk fl-udjenza jkunu qed jużaw. Il-fatt li dawk fl-udjenza jfittxu l-iskritturi meta jiġu mistidnin li jagħmlu hekk, se jgħinhom jibbenefikaw mill-qawwa tal-Kelma t’Alla hekk kif tiġi spjegata waqt it-taħdita.—Lhud 4:12.