Pressjoni minn taʼ Madwarek u l-Privileġġ Tiegħek li Tippriedka
1 Il-pressjoni minn taʼ madwarek hija influwenza qawwija—għat-tajjeb jew għall-ħażin. Sħabna l-qaddejja taʼ Jehovah jeżerċitaw influwenza pożittiva li tħeġġiġna għal xogħlijiet Kristjani mill-aħjar. (Lhud 10:24) Madankollu, membri tal-familja li m’humiex Xhieda, sħabna tax-xogħol u taʼ l-iskola, il-ġirien, jew oħrajn li nafu jistgħu jagħmlulna pressjoni sabiex nagħmlu affarijiet li jmorru kontra l-prinċipji Kristjani. Huma jistgħu ‘jkasbru l-imġiba tajba tagħna fi Kristu.’ (1 Pt. 3:16) Kif nistgħu nżommu d-determinazzjoni tagħna biex nibqgħu nippridkaw minkejja l-pressjoni negattiva li nistgħu niffaċċjaw minn taʼ madwarna?
2 Il-Membri tal-Familja: Xi drabi, raġel miżżewweġ u missier li m’huwiex wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah għandu mnejn ma jkunx irid li martu u wliedu jieħdu sehem fil-ministeru pubbliku. Hekk kienet is-sitwazzjoni ġewwa dar fil-Messiku. Mara miżżewġa u s-sebaʼ wliedha ġew fil-verità. Għall-ewwel ir-raġel kien jopponi għax ma riedx li l-membri tal-familja tiegħu jippridkaw u joffru letteratura Biblika minn dar għal dar. Kien iħoss li dan kien xogħol baxx ħafna għalihom. Madankollu, martu u wliedu baqgħu sodi fid-deċiżjoni tagħhom li jaqdu lil Jehovah u jkollhom sehem regulari fil-ministeru. Maż-żmien, ir-raġel beda jara l-valur f’li jaċċetta l-arranġament t’Alla għax-xogħol taʼ l-ippridkar, u anki hu ddedika lilu nnifsu lil Jehovah. Dam 15-il sena biex aċċetta l-verità, imma kien qatt se jagħmel dan il-pass li kieku l-familja tiegħu ma baqgħetx tippersevera fil-privileġġ li kellha taʼ l-ippridkar?—Lq. 1:74; 1 Kor. 7:16.
3 Sħabek tax-Xogħol: Xi wħud minn sħabek tax-xogħol forsi ma jiħdux pjaċir bl-isforzi tiegħek biex tagħtihom xiehda. Waħda oħt irrakkontat kif meta qamet diskussjoni dwar l-aħħar tad-dinja fl-uffiċċju, din ġiet ridikolata għax issuġġeriet biex jaqraw Mattew kapitlu 24. Madankollu, ftit jiem wara, waħda minn sħabha tax-xogħol qaltilha li qrat dak il-kapitlu u baqgħet impressjonata. L-oħt ħallitilha pubblikazzjoni, u sar ftehim biex jinbeda studju tal-Bibbja mal-mara u maʼ żewġha. L-ewwel studju dam sejjer sas-sagħtejn taʼ fil-għodu. Wara t-tielet studju bdew jattendu għal-laqgħat, u eżatt wara dan qatgħu l-użu tat-tabakk u bdew jieħdu sehem fil-ministeru. Kien se jseħħ dan li kieku oħtna m’għamlet l-ebda sforz sabiex taqsam it-tama tagħha m’oħrajn?
4 Sħabek taʼ l-Iskola: Hija xi ħaġa normali li x-Xhieda żgħażagħ jesperjenzaw pressjoni minn taʼ madwarhom fl-iskola u li jibżgħu li żgħażagħ oħrajn se jċekknuhom talli jieħdu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Tfajla Kristjana fl-Istati Uniti qalet: “Kont nibżaʼ nagħti xiehda lil żgħażagħ oħrajn għax kont nibżaʼ li se jwaqqgħuni għaċ-ċajt.” Għalhekk, hi evitat opportunitajiet biex tagħti xiehda lil sħabha taʼ l-iskola u fit-territorju tagħha. Kif tistaʼ tiżviluppa s-saħħa biex tiffaċċja bil-qlubija l-pressjoni minn taʼ madwarek? Afda f’Jehovah, billi tfittex it-tbissima t’approvazzjoni tiegħu. (Prov. 29:25) Kun kuntent bil-kapaċità tiegħek f’li tuża l-Kelma t’Alla fil-ministeru tiegħek. (2 Tim. 2:15) Iż-żagħżugħa li għadha kif issemmiet bdiet titlob lil Jehovah biex jgħinha tikkultiva x-xewqa li titkellem maʼ sħabha taʼ l-iskola. Hi bdiet tagħti xiehda informali fl-iskola, kellha riżultati tajbin, u fi ftit żmien bdiet titkellem maʼ kulmin kienet taf. Hi kkonkludiet: “Dawn iż-żgħażagħ għandhom bżonn u jixtiequ tama għall-futur, u Jehovah qed jużana biex ngħinuhom.”
5 Il-Ġirien: Forsi għandna xi ġirien jew uħud oħrajn li nafuhom li jiddejqu bina għall-fatt li aħna Xhieda taʼ Jehovah u minħabba t-twemmin tagħna. Jekk int tibżaʼ minn dak li jaħsbu huma, staqsi lilek innifsek: ‘Jafuha huma l-verità li twassal għall-ħajja taʼ dejjem? X’nistaʼ nagħmel biex nilħqilhom qalbhom?’ Indokratur tas-circuit osserva li riżultati tajbin jinkisbu meta nagħtu xiehda lill-ġirien naqra naqra. Itlob bil-ħniena lil Jehovah għas-saħħa u l-għerf meħtiġin sabiex tkompli tfittex lil dawk l-uħud taʼ qalb onesta.—Flp. 4:13.
6 Il-fatt li nċedu għall-pressjoni negattiva minn taʼ madwarna jistaʼ jogħġob lil dawk li jopponu, imma li nagħmlu dan se jkun għall-aħjar interessi tagħhom—jew tagħna? Lil Ġesù kienu jopponuh in-nies tal-komunità tiegħu stess. Hu saħansitra ssaporta kummenti li jweġġgħu taʼ ħutu mill-omm. Imma kien jaf li setaʼ jgħinhom biss billi jibqaʼ leali f’li jwettaq dak kollu li Alla poġġielu quddiemu. B’hekk, Ġesù “qagħad għal oppożizzjoni hekk kbira min-naħa tal-midinbin.” (Lhud 12:2,3) Aħna rridu nagħmlu l-istess ħaġa. Kun determinat li tagħmel l-aħjar li tistaʼ fil-privileġġ tiegħek biex tippriedka l-messaġġ tas-Saltna. Billi tagħmel dan, “issalva lilek innifsek u lil dawk li jisimgħuk.”—1 Tim. 4:16.