Kif Nistgħu Nipperswadu lil Oħrajn
1 L-appostlu Pawlu kellu r-reputazzjoni bħala ministru persważiv. (Atti 19:26) Anki s-Sultan Agrippa qallu: “Ftit jonqsok biex tipperswadini u tagħmilni nisrani!” (Atti 26:28) X’kien li għamel lill-ministeru taʼ Pawlu daqshekk persważiv? Hu kien jirraġuna bil-loġika mill-Iskrittura, billi jaddatta l-argumenti tiegħu skond is-semmiegħa li kien ikollu.—Atti 28:23.
2 Hekk kif nimitaw lil Pawlu, aħna wkoll irridu nkunu persważivi fil-ministeru tagħna. Kif? Billi nużaw id-dehen meta nkunu qed nitkellmu m’oħrajn u nisimgħuhom. (Prov. 16:23) Biex jgħinuna nwettqu dan hemm tliet passi importanti.
3 Ismaʼ bir-Reqqa: Hekk kif l-individwu jkun qed jitkellem, oqgħod attent għal liema ħaġa komuni hemm bejnietkom li fuqha tistaʼ tibni konversazzjoni. Jekk iqajjem xi oġġezzjoni, ipprova ifhem x’inhi r-raġuni. Se jgħinek ħafna li tkun taf eżattament x’jemmen, għala jemmen hekk, u x’kien li kkonvinċieh. (Prov. 18:13) Bit-tattika għinu jesprimi ruħu.
4 Staqsi Xi Mistoqsijiet: Jekk individwu juri li jemmen fit-Trinità, int tistaʼ tistaqsi: “Minn dejjem kont temmen fit-Trinità?” Kompli billi tgħid: “Qatt għamilt studju bir-reqqa fuq xi tgħid il-Bibbja dwar dan is-suġġett?” Tistaʼ tistaqsi wkoll: “Jekk Alla huwa parti mit-Trinità, ma nistennewx li l-Bibbja tgħidu dan b’mod ċar?” It-tweġibiet li tirċievi se jgħinuk tirraġuna maʼ l-individwu fuq dak li tgħid l-Iskrittura.
5 Uża Raġunar Sod: Wieħed Xhud staqsa lil waħda mara li kienet temmen li Ġesù hu Alla: ‘Li kieku kont qed tipprova tispjega li żewġ persuni huma indaqs, liema relazzjoni ġewwa l-familja għandek mnejn tuża?’ Hi wieġbet: “Forsi nuża żewġ aħwa.” Hu żied: “Forsi anki tewmin identiċi. Imma meta Ġesù għallimna biex inqisu lil Alla bħala l-Missier u lilu nnifsu bħala l-Iben, liema messaġġ kien qed iwassal?” Il-mara fehmet il-punt li wieħed minnhom huwa akbar mill-ieħor u għandu iktar awtorità. (Mt. 20:23; Ġw. 14:28; 20:17) Moħħha u qalbha ntlaħqu bl-arti tal-persważjoni.
6 M’għandniex xi ngħidu, mhux kulħadd huwa lest li jaċċetta l-verità, tkun kemm tkun loġika u eżatta l-preżentazzjoni tagħna. Imma bħal Pawlu, ejja nkunu ħabrieka f’li nfittxu lil dawk l-uħud taʼ qalb onesta fit-territorju tagħna, billi nipperswaduhom ħalli jaċċettaw il-messaġġ tas-Saltna.—Atti 19:8.