Agħti Glorja lil Jehovah b’Għemejjel Tajba
1 Meta tinqabad f’maltempata kbira, kemm tieħu r-ruħ meta ssib fejn tistkenn! Jekk ġewwa jkun hemm is-sħana u s-sigurtà u dawk li jgħixu hemm ikunu ospitabbli, tieħu pjaċir tibqaʼ hemm. Ix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna jidderieġi lin-nies għal kenn bħal dan mis-sistema taʼ Satana. Tistaʼ l-kondotta taʼ kuljum tagħna tgħin lil oħrajn biex jitħajru jiġu f’dan il-post taʼ kenn? Iva, għax Ġesù qal li n-nies se ‘jaraw l-għemejjel tajba tagħna u jagħtu glorja lil Missierna li hu fis-smewwiet.’—Mt. 5:16.
2 Kif nistgħu nġibu ruħna sabiex l-għemejjel tagħna jħajru lil oħrajn jersqu lejn Jehovah u l-organizzazzjoni tiegħu? Billi nħallu l-kliem taʼ Ġesù dokumentat f’Luqa 6:31 u 10:27 jifformalna ħajjitna kuljum. Dan se jqanqalna biex ikollna tħassib b’imħabba għal bnedmin sħabna, billi nuru li aħna differenti minn din id-dinja bierda u indifferenti.
3 Oħt li kienet fuq vapur osservat mara żagħżugħa li l-baħar tant għamlilha deni li ma setgħetx tieħu ħsieb it-tarbija tagħha. L-oħt offriet li tieħu ħsiebha hi. Meta l-mara staqsietha b’liema mod setgħet tirringrazzjaha, l-oħt qaltilha: ‘Jekk jogħġbok ismaʼ lix-Xhieda taʼ Jehovah meta jiġu jħabbtulek il-bieb.’ Il-mara hekk għamlet, u issa hi u żewġha huma Xhieda. L-għemejjel tajba għamlu differenza fil-mod kif wieġbu għall-messaġġ tas-Saltna.
4 Ħajjitna Kollha Hija Involuta: Il-kondotta tagħna fl-inħawi fejn noqogħdu, fuq ix-xogħol jew fl-iskola, u matul il-ħinijiet tar-rikreazzjoni ġġiegħel lil oħrajn jifformaw opinjoni fuqna u fuq ir-reliġjon tagħna. Għaldaqstant, nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna: ‘Dawk li josservaw lili u lill-familja tiegħi, kif iqisuna? Il-ġirien tagħna jaraw li d-dar u l-bitħa tagħna huma nodfa u miżmumin sew? Sħabna tax-xogħol u taʼ l-iskola jqisuna bħala li aħna puntwali u bieżla? Jaraw in-nies li d-dehra tagħna hija waħda modesta u rispettabbli?’ L-għemejjel tajba tagħna jistgħu jħajru lil oħrajn jersqu iktar lejn il-qima taʼ Jehovah.
5 Pietru wissa li l-Kristjani kellhom jiġu mwaqqgħin għaċ-ċajt. (1 Pt. 4:4) Irridu nkunu ċerti li l-kondotta tagħna ma ġġigħelx lil xi ħadd jitkellem b’mod negattiv. (1 Pt. 2:12) Jekk l-għemejjel taʼ kuljum tagħna jagħtu glorja lil Alla li nqimu, imbagħad inkunu bħal imsiebaħ miżmumin fl-għoli, li jħajru lil oħrajn lejn il-kenn taʼ sigurtà li Jehovah qed jipprovdi.—Mt. 5:14-16.