‘Stagħnew b’Opri Tajba’
1 Matul l-aħħar snin tal-ministeru żeluż tiegħu, l-appostlu Pawlu kien jaħdem mill-qrib maʼ Timotju u Titu. Lil kull wieħed minnhom hu kitbilhom kliem taʼ inkuraġġiment simili. Hu qal lil Titu li “dawk li jemmnu f’Alla” kellhom “jieħdu ħsieb li jkunu minn taʼ l-ewwel fl-opri tajba.” (Titu 3:8) Hu qal lil Timotju li dawk li jserrħu t-tama tagħhom fuq Alla għandhom “jistagħnu b’opri tajba.” (1 Tim. 6:17, 18) Dan hu parir mill-aqwa għalina lkoll! Iżda x’se jqanqalna biex nagħmlu opri tajba f’ħajjitna? U liema opri speċifiċi nistgħu nagħmlu fil-jiem li ġejjin?
2 Bħala riżultat tat-twemmin tagħna f’Jehovah u l-imħabba għalih, u minħabba t-tama meraviljuża li tana, aħna nitqanqlu biex nistagħnew b’opri tajba. (1 Tim. 6:19; Titu 2:11) Speċjalment matul dan iż-żmien tas-sena, niġu mfakkrin li Jehovah bagħat lil Ibnu fuq l-art sabiex Ġesù jkun jistaʼ jiġġustifika lil Missieru u jipprovdi t-triq għall-ħajja taʼ dejjem lill-bnedmin kollha li jixirqilhom. (Mt. 20:28; Ġw. 3:16) Dan se jintwera biċ-ċar fl-osservanza tal-Mafkar tal-mewt taʼ Kristu fit-28 taʼ Marzu. Minħabba t-tama li niksbu l-ħajja taʼ dejjem, ma nitqanqlux aħna biex nagħmlu kulma nistgħu ħalli ‘nistagħnew b’opri tajba’? Dażgur li iva! Liema opri nistgħu nwettqu issa stess?
3 Opri Tajba f’Marzu u Wara: Żgur li se nattendu għall-Mafkar—l-iktar ġrajja importanti tas-sena għax-Xhieda taʼ Jehovah madwar id-dinja. (Lq. 22:19) Iżda aħna rridu naqsmu l-ferħ taʼ din l-okkażjoni maʼ kemm jistaʼ jkun nies. Agħti ħarsa lejn ir-rapport tas-servizz fit-2002 Yearbook, u tistaʼ tara li s-sena l-oħra f’ħafna pajjiżi madwar id-dinja, l-attendenza għall-Mafkar kienet akbar tliet, erbaʼ, ħames darbiet jew iktar mill-ammont taʼ pubblikaturi. Żgur li kien hemm bżonn taʼ sforz diliġenti minn kulħadd fil-kongregazzjonijiet sabiex sar tqassim bir-reqqa taʼ l-inviti għall-Mafkar fit-territorju kollu. Għalhekk, irridu nqattgħu ħin kemm nistgħu bejn issa u t-28 taʼ Marzu biex nistiednu lin-nies għall-Mafkar, filwaqt li ngħinuhom jitgħallmu dwar it-tama taʼ salvazzjoni.
4 Sakemm jasal April, nistgħu nkunu diġà bdejna ngawdu ġranet itwal u temp isbaħ. Kif nistgħu nużaw dawn il-vantaġġi bl-aħjar mod sabiex inkunu qed ‘nistagħnew b’opri tajba’? Billi nkomplu nieħdu sehem bil-ħeġġa fix-xogħol taʼ l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba, filwaqt li nkunu ‘mħeġġin għall-għemil it-tajjeb.’ (Titu 2:14; Mt. 24:14) Jekk ma tistax taqdi bħala pijunier awżiljarju f’Marzu, tistaʼ tagħmel dan f’April u/jew f’Mejju? Jekk qed taqdi bħala pijunier f’Marzu, tistaʼ tkompli tagħmel dan?
5 Xi wħud li jaħdmu b’mod sekulari sabu li jistgħu jqattgħu siegħa bejn wieħed u ieħor fis-servizz huma u sejrin ix-xogħol, jagħtu xiehda fit-toroq jew iżuru lin-nies li jaħdmu f’postijiet tan-negozju li jiftħu kmieni fil-għodu. Oħrajn jippjanaw parti mill-ħin tal-brejk biex jagħtu xiehda. Xi wħud sabu li hu possibbli jikkonduċu studji tal-Bibbja waqt dan il-ħin maʼ xi ħadd li jaħdem magħhom. Ħafna aħwa li huma nisa tad-dar irnexxielhom iwarrbu l-ħin għall-ministeru taʼ l-għalqa waqt li wliedhom ikunu l-iskola. Billi jqumu ftit iktar kmieni f’ċertu ġranet sabiex ilestu x-xogħol tad-dar, huma jkollhom iktar ħin matul il-ġurnata għax-xogħol taʼ l-ippridkar u t-tagħlim.—Efes. 5:15, 16.
6 Anki jekk ma tinsabx f’kundizzjoni li tistaʼ taqdi bħala pijunier awżiljarju, forsi tkun tistaʼ tippjana skeda persunali biex tieħu sehem iktar fil-ministeru, u tagħmel dak kollu li tistaʼ biex ‘tagħmel il-ġid, tistagħna b’opri tajba, li tkun ġeneruż u taqsam maʼ oħrajn’ il-verità.—1 Tim. 6:18.
7 Niftakru fl-Opri Tajba taʼ li Nagħmlu Dixxipli: Kull sena jkun hemm uħud interessati li jiġu għall-Mafkar. Jistaʼ jkun possibbli għal xi wħud fil-kongregazzjoni li jagħtu attenzjoni lil dawn l-uħud li jattendu iżda mhux qed jistudjaw bħalissa? Jistgħu jsirulhom żjajjar lura sabiex jingħataw għajnuna ħalli jagħmlu progress spiritwali? Għandu mnejn xi wħud minn dawn li jattendu għall-Mafkar huma qraba tax-Xhieda. Oħrajn jistgħu jkunu individwi li studjaw fil-passat u li kulma għandhom bżonn hu taʼ ftit inkuraġġiment biex jerġgħu jibdew jistudjaw u jattendu l-laqgħat regolarment. Kemm iġibilna ferħ li narawhom isiru qaddejja attivi taʼ Jehovah flimkien magħna!
8 Meta nżidu s-sehem tagħna fil-ministeru matul Marzu u fix-xhur taʼ wara, wisq probabbli se nsibu iktar nies interessati għand min immorru lura. Ipprova ħallihom b’mistoqsija. Imbagħad wegħedhom li se tagħtihom tweġiba fiż-żjara li jmiss. Meta nagħmlu dan, inkunu qed inħejju t-triq għal żjara lura. Iktar ma nkunu nistgħu nagħmlu ż-żjara lura malajr, iktar aħjar. Jekk ma rnexxilniex nibdew studju fl-ewwel żjara, irridu nipprovaw nibdew wieħed fiż-żjara li jmiss jekk inhu possibbli.
9 Meta nkunu qed nagħtu xiehda fit-toroq, irridu nżommu f’moħħna li nipprovaw nibdew konversazzjonijiet man-nies. Ħafna pubblikaturi ngħataw l-ismijiet, l-indirizzi, u n-numri tat-telefon taʼ dawk l-uħud interessati li ltaqgħu magħhom waqt li kienu qed jagħtu xiehda fit-toroq. Jekk l-individwu li ġie kuntattjat ma joqgħodx fit-territorju tiegħek għaddi l-informazzjoni lis-segretarju tal-kongregazzjoni, li se jgħaddiha lill-kongregazzjoni li tieħu ħsieb it-territorju fejn joqgħod l-individwu. Jekk is-segretarju ma jkunx jistaʼ jagħmel dan, se jgħaddiha lill-uffiċċju tas-Soċjetà biex jieħdu ħsieb minn hemm. B’dan il-mod, l-interess jistaʼ jiġi kultivat.
10 Jekk jinkiseb in-numru tat-telefon iżda mhux l-indirizz, f’dan il-każ agħmel żjara lura billi ċċempel lill-individwu. Ipprepara x’se tiddiskuti minn qabel. Żomm il-ktieb Reasoning fil-qrib biex tkun tistaʼ tirreferi għalih malajr meta tiġi bżonnu. Xi wħud qed imorru tajjeb meta jistudjaw maʼ individwi permezz tat-telefon, inkluż dawk li kien diffiċli li jsibuhom id-dar. Waħda oħt bdiet tistaqsi għan-numri tat-telefon mingħand nisa interessati li kienet tiltaqaʼ magħhom fil-ministeru minn bieb għal bieb, u bħala riżultat irnexxielha tibda żewġ studji tal-Bibbja.
11 Ikkoopera maʼ l-Anzjani biex Tgħin lil Uħud Inattivi: L-anzjani għandhom interess kbir biex jagħtu għajnuna b’imħabba lil dawn l-uħud. Numru mhux ħażin taʼ wħud bħal dawn, li ħadu l-inizjattiva huma stess, diġà bdew jattendu l-laqgħat tal-kongregazzjoni mill-ġdid. Huma jirrealizzaw li għandhom bżonn jissieħbu mill-qrib maʼ l-organizzazzjoni taʼ Jehovah sabiex ikollhom is-sigurtà spiritwali deskritta f’Salm 91. Xi wħud minn dawn issa huma lesti biex jerġgħu jieħdu sehem fis-servizz taʼ l-għalqa. Jekk uħud li huma inattivi oħrajn jattendu għall-Mafkar dan ix-xahar, jistaʼ jkun li jieħdu pjaċir bi studju tal-Bibbja persunali. Jekk dan hu l-każ, l-anzjani se jagħmlu arranġamenti biex xi ħadd jistudja maʼ dawk li jixtiequ l-għajnuna. Jekk tkun mistieden biex tgħin b’dan il-mod, il-kooperazzjoni tiegħek se tkun apprezzata ferm.—Rum. 15:1, 2.
12 Ibqgħu ‘Stagħnew b’Opri Tajba’: Ħafna minn dawk li qdew fis-servizz taʼ pijunier awżiljarju għal xahar jew iktar indunaw li l-attività tagħhom fis-servizz taʼ l-għalqa żdiedet fix-xhur taʼ wara. Huma ħassew il-bżonn li jmorru lura għand uħud interessati li ltaqgħu magħhom. Dan qanqalhom jagħmlu sforz akbar biex joħorġu fis-servizz taʼ l-għalqa iktar spiss ħalli jerġgħu jikkuntattjaw lil dawn l-uħud interessati. Xi wħud bdew xi studji, u dan għenhom biex ikollhom sehem saħansitra akbar fil-ministeru.
13 Barra minn hekk, xi wħud tant kisbu ferħ meta għamlu iktar fix-xogħol taʼ l-ippridkar u li jagħmlu dixxipli li tqanqlu biex janalizzaw il-prijoritajiet tagħhom. Bħala riżultat, xi wħud irnexxielhom inaqqsu x-xogħol sekulari u bdew jaqdu bħala pijunieri awżiljarji b’mod kontinwu. Oħrajn irnexxielhom jibdew jaqdu fis-servizz taʼ pijunier regulari. Huma setgħu jserrħu t-tama tagħhom iktar bis-sħiħ fuq Alla u mhux fuq l-affarijiet li toffri d-dinja. Sabu li meta kienu ‘ġenerużi u qasmu maʼ oħrajn,’ dan ġabilhom barkiet għonja mingħand Jehovah u saħħilhom it-tama tagħhom li jgawdu “l-ħajja vera.” (1 Tim. 6:18, 19) Dażgur, hekk kif iktar uħud jibdew jaqdu fis-servizz taʼ pijunier, tibbenefika l-kongregazzjoni kollha. Il-pijunieri huma inklinati li jitkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom u jistiednu lil oħrajn biex jieħdu sehem magħhom fil-ministeru, u dan iqajjem atmosfera spiritwali iktar qawwija fil-kongregazzjoni.
14 Jalla lkoll kemm aħna ‘nistagħnew b’opri tajba’ matul l-istaġun tal-Mafkar u wara billi nżidu s-sehem tagħna fil-ministeru Kristjan. Ejja nuru l-apprezzament tagħna għal dak kollu li Jehovah għamel biex jagħtina t-tama li ngħixu għal dejjem f’art ġdida u ġusta.—2 Pt. 3:13.