LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • km 3/03 pp. 3-6
  • Kun Ħerqan għat-Tajjeb!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kun Ħerqan għat-Tajjeb!
  • Il-Ministeru tas-Saltna—2003
  • Materjal Simili
  • ‘Inxandru b’Mod Sħiħ il-Kelma taʼ Alla’
    Il-Ministeru tas-Saltna—2002
  • ‘Nagħtu Xiehda bir-Reqqa dwar l-Aħbar Tajba’
    Il-Ministeru tas-Saltna—2008
  • Ibqaʼ Xandar l-Għeġubijiet taʼ Jehovah
    Il-Ministeru tas-Saltna—2004
  • Nistgħu Nagħmlu x-Xahar t’April 2000 l-Aħjar Wieħed li qatt Kellna?
    Il-Ministeru tas-Saltna—2000
Ara Iżjed
Il-Ministeru tas-Saltna—2003
km 3/03 pp. 3-6

Kun Ħerqan għat-​Tajjeb!

1 Hekk kif nidħlu fl-​istaġun tat-​Tifkira tal-​mewt taʼ Ġesù, għandna raġunijiet bl-​abbundanza biex inkunu “ħerqana għat-​tajjeb.” (1 Pt. 3:​13) Fosthom fuq quddiemnett hemm is-​sagrifiċċju taʼ fidwa taʼ Ġesù Kristu. (Mt. 20:28; Ġw. 3:​16) Dwar dan, l-​appostlu Pietru kiteb: “Intom kontu mifdija mill-​ħajja tagħkom fiergħa . . . mhux b’xi ħaġa li tintemm, bħalma hi l-​fidda jew id-​deheb, imma bid-​demm għażiż taʼ Kristu, li kien bħal ħaruf bla għajb u bla tebgħa.” (1 Pt. 1:​18, 19) Il-​gratitudni għal din it-​turija straordinarja taʼ mħabba se ġġagħalna nokkupaw ruħna f’xogħol tajjeb, waqt li nirrikonoxxu li Ġesù “ta lilu nnifsu għalina biex jifdina minn kull ħażen u jnaddafna u jagħmel minna poplu magħżul għalih, poplu mħeġġeġ għall-​għemil it-​tajjeb.”​—Titu 2:14; 2 Kor. 5:​14, 15.

2 Meta nagħmlu dak li jogħġob lil Alla, se ngawdu relazzjoni tajba miegħu u għalhekk bi mħabba hu se jżommna taħt għajnejh. Pietru kompla jgħid: “Min irid iħobb ’il ħajtu u jara jiem hienja, . . . ħa jaħrab il-​ħażen u jagħmel it-​tajjeb, ifittex is-​sliem u jqis li jiksbu. Għax għajnejn il-​Mulej huma fuq il-​ġusti u widnejh miftuħa għat-​talb tagħhom.” (1 Pt. 3:​10-​12) F’dawn iż-​żminijiet perikolużi, x’barka hi li nkunu nafu li Jehovah qed jgħasses fuqna u lest biex jaqbeż għalina, biex ‘iħarisna bħall-​mimmi taʼ għajnejh.’​—Dt. 32:10; 2 Kron. 16:9.

3 Minkejja li ffaċċjaw il-​provi, il-​Kristjani tal-​bidu li Pietru kitbilhom kellhom ħerqa jew żelu li ma bħalu, u huma pproklamaw l-​aħbar tajba billi xerrduha kemm setgħu. (1 Pt. 1:6; 4:​12) Dan huwa minnu għan-​nies t’Alla llum. Għalkemm ngħixu fi “żmien iebes,” l-​apprezzament għat-​tjieba li juri Jehovah se timmotivana biex nagħmlu r-​rieda t’Alla bil-​ħerqa. (2 Tim. 3:1; Salm 145:7) Ejja nikkunsidraw xi ftit mix-​xogħlijiet tajbin li se nidħlu għalihom waqt l-​istaġun tat-​Tifkira.

4 Stieden lil Oħrajn għat-​Tifkira: Mod wieħed kif nistgħu nuru l-​apprezzament għar-​rigal straordinarju tal-​fidwa huwa billi nkunu preżenti għall-​kommemorazzjoni taʼ kull sena tal-​mewt taʼ Ġesù, li din is-​sena se tkun nhar l-​Erbgħa, 16 t’April, wara nżul ix-​xemx. (Lq. 22:​19, 20) Is-​sena l-​oħra, bl-​94,600 kongregazzjoni li rrapportaw mad-​dinja kollha, kellna attendenza totali sabiħa taʼ 15,597,746! Dan kien ’il fuq minn 220,000 ruħ iktar milli attendew is-​sena taʼ qabel.

5 Kemm se jattendu din is-​sena? Dan jiddependi ħafna mill-​isforzi ħabrieka tagħna biex ninkuraġġixxu lil oħrajn ħalli jattendu magħna. Ibda billi tagħmel lista taʼ dawk kollha li tixtieq tistieden. L-​ewwel li għandek tniżżel huma l-​membri tal-​familja immedjata tiegħek. Jekk miżżewweġ lil xi ħadd li ma jemminx, minn qalbek għidlu kemm tixtiequ jattendi miegħek. Raġel taʼ waħda oħt, li ma jemminx, qal li s-​sena l-​oħra hu attenda t-​Tifkira għaliex setaʼ jara kemm il-​preżenza tiegħu kienet tfisser għal martu. Fil-​lista mbagħad tistaʼ tniżżel lill-​qraba, il-​ġirien, sħabek tax-​xogħol, jew sħabek taʼ l-​iskola. Kun ċert li tistieden lill-​istudenti tal-​Bibbja tiegħek.

6 Wara li tagħmel il-​lista tiegħek, ippjana ħin biex tistieden personalment lil kull wieħed minnhom. Uża l-​inviti stampati tat-​Tifkira. Biex tgħin lin-​nies jiftakru meta u fejn se ssir l-​osservanza, ittajpja jew ikteb pulit u bil-​maħlul il-​ħin u l-​post tat-​Tifkira fin-​naħa t’isfel taʼ l-​invit. Hekk kif joqrob is-​16 t’April, fakkar lil dawk li għandek fuq il-​lista wiċċ imbwiċċ jew inkella bit-​telefon. Ejja ngħinu kemm jistaʼ jkun nies biex ikunu preżenti għal din l-​iktar okkażjoni sagra.

7 Għin lil Dawk li Se Jattendu t-​Tifkira: Il-​lejla tat-​Tifkira dejjem tkun okkażjoni eċċitanti. Għandna l-​opportunità li nilqgħu individwi li normalment ma jattendux għal-​laqgħat tagħna. Agħmel arranġamenti biex tasal kmieni u tibqaʼ tard, skond iċ-​ċirkustanzi tal-​post. Ħu l-​inizjattiva biex issir taf lil uħud ġodda li attendew. Kun dħuli u agħtihom merħba.​—Rum. 12:13.

8 Jistgħu xi wħud li jattendu għat-​Tifkira jingħataw l-​għajnuna biex jagħmlu progress spiritwali akbar permezz taʼ studju tal-​Bibbja fid-​dar? Stinka biex tikseb l-​ismijiet u l-​indirizzi taʼ xi viżitaturi li fil-​preżent ħadd m’hu qed imur għandhom sabiex b’hekk tkun tistaʼ tkompli tgħinhom. Permezz t’għajnuna kollha mħabba, xi ftit minnhom jistgħu jagħmlu progress sal-​punt li jikkwalifikaw bħala pubblikaturi mhux mgħammda qabel it-​Tifkira tas-​sena li jmiss. Meta jsiru żjajjar għand dawk li jkunu attendew it-​Tifkira, stidinhom għat-​taħdita speċjali li se ssir fis-​27 t’April.

9 Tistaʼ Taqdi Bħala Pijunier Awżiljarju din ir-​Rebbiegħa? Kull sena, iż-​żelu tagħna għal Jehovah iqanqalna biex nagħmlu ħilitna kollha fil-​ministeru waqt ix-​xhur t’attività teokratika speċjali. F’April tas-​sena 2000, il-​kongregazzjonijiet kollha taʼ Malta marru tajjeb b’mod taʼ l-​għaġeb fl-​għadd taʼ dawk li qdew bħala pijunieri awżiljarji. Kien hemm 130 b’kollox! L-​isforzi magħqudin tal-​membri kollha tal-​kongregazzjoni biex jippridkaw l-​aħbar tajba bil-​ħerqa waqt l-​istaġun tat-​Tifkira jistgħu jipproduċu riżultati sbieħ.

10 F’ċertu pajjiż, kongregazzjoni waħda taʼ 107 pubblikaturi u 9 pijunieri regulari rrapportat li kellha “xahar fenomenali” f’April li għadda, bi 53 li qdew bħala pijunieri awżiljarji, li inkludew l-​anzjani u l-​qaddejja ministerjali kollha. L-​anzjani kif bnew l-​entużjażmu għax-​xogħol taʼ pijunier awżiljarju dak ix-​xahar? Huma bdew minn kmieni, billi bdew jinkuraġġixxu lil kemm jistaʼ jkun uħud biex jagħtu isimhom. Il-​laqgħat tas-​servizz taʼ l-​għalqa nżammu f’ħinijiet differenti matul il-​ġurnata biex jibbenefika kulħadd fil-​kongregazzjoni. Saret enfasi speċjali fuq l-​għoti taʼ xiehda bit-​telefon, speċjalment għal dawk neqsin mis-​saħħa.

11 Oħt taʼ 86 sena, li ma kinitx kapaċi timxi minħabba problemi taʼ saħħa, tat isimha biex taqdi bħala pijuniera awżiljarja. Billi kienet tibda fil-​għodu, hi kienet tagħmel ftit sigħat tagħti xiehda bit-​telefon waqt li tkun bil-​qiegħda mal-​mejda tal-​kċina, imbagħad tistrieħ għal ftit sigħat, u wara terġaʼ lura u tagħmel ftit ieħor. Persuna waħda li kkuntattjat kienet tilfet lil żewġha u lil żewġ uliedha subien adolexxenti fil-​mewt fis-​sentejn taʼ qabel u ma setgħetx tifhem kif Alla setaʼ jippermetti li jiġru affarijiet kefrin bħal dawn. Ngħatat xiehda tajba u nbeda studju tal-​Bibbja. L-​għoti taʼ xiehda bit-​telefon fil-​għaxija jew f’ħinijiet oħra jistaʼ jkun mod effettiv biex isir kuntatt maʼ nies li joqogħdu f’bini jew f’postijiet li ma jistgħux jintlaħqu. Dan jgħin lill-​pubblikaturi wkoll biex jikkuntattjaw nies li ma jkunux id-​dar matul il-​ġurnata.

12 L-​anzjani għalqu r-​rapport li għamlu billi qalu: “Tant ħadna pjaċir u napprezzaw il-​privileġġi u l-​barkiet li Jehovah għamel possibbli għal kull wieħed u waħda minna.” Bi ppjanar sew, il-​kongregazzjoni tiegħek ukoll tistaʼ tgawdi barkiet bħal dawn.

13 Agħmel l-​Aħjar li Tistaʼ biex Tipparteċipa Mija fil-​Mija fil-​Ministeru: L-​imħabba tagħna għal Alla u għall-​proxxmu tagħna tqanqalna biex nixtru l-​ħin kull xahar ħalli naqsmu l-​aħbar tajba m’oħrajn. (Mt. 22:​37-​39) L-​indokraturi taʼ l-​Istudju tal-​Ktieb tal-​Kongregazzjoni u l-​assistenti tagħhom iridu jħabirku biex jagħtu għajnuna lil dawk fil-​grupp tagħhom u jagħtu sehemhom fil-​ministeru kull xahar. Mod tajjeb kif dan jistaʼ jsir huwa billi tagħmel arranġament bil-​quddiem biex taħdem fil-​ministeru maʼ individwi speċifiċi fil-​grupp. Minflok ma tistenna sa l-​aħħar tax-​xahar sabiex tagħmel dan, ibda minn kmieni. Dan se jagħtik iktar opportunitajiet biex tagħti għajnuna bl-​imħabba.

14 Hemm xi pubblikaturi fil-​grupp taʼ l-​istudju tal-​ktieb tiegħek li huma neqsin mis-​saħħa u li jsibu diffikultà kbira biex jieħdu sehem fil-​ministeru? Ovvjament, jekk xi wħud qegħdin f’xi djar residenzjali għall-​anzjani jew jinsabu magħluqin f’darhom, l-​opportunitajiet tagħhom biex jagħtu xiehda se jkunu limitati. Imma billi jieħdu vantaġġ mill-​opportunitajiet limitati tagħhom biex iħallu d-​dawl tagħhom jiddi, jistgħu jqanqlu lil dawk li jaraw ix-​xogħlijiet tajba tagħhom biex jieħdu interess ġenwin fil-​verità. (Mt. 5:​16) L-​indokraturi taʼ l-​istudju tal-​ktieb iridu jkunu ċerti li wħud bħal dawn jafu li jistgħu jirrapportaw kull 15-il minuta li jagħmlu fir-​rapport tas-​servizz taʼ l-​għalqa. Il-​fatt li jistgħu jirrapportaw il-​ħin li jqattgħu jagħtu xiehda se jinkuraġġixxi lil dawn il-​pubblikaturi leali u jagħtihom ferħ u sodisfazzjon. Se jgħin ukoll biex jiżgura li r-​rapport taʼ l-​attivitajiet tal-​poplu t’Alla madwar id-​dinja jkun eżatt.

15 Żgħażagħ Beżlin f’Xogħol Tajjeb! Kemm hu rifreskanti li tara żgħażagħ Kristjani jużaw is-​saħħa u l-​enerġija tagħhom fis-​servizz taʼ Jehovah! (Prov. 20:29) Jekk inti għadek żgħir, kif tistaʼ turi l-​ħerqa tiegħek lejn Jehovah matul dawn ix-​xhur speċjali t’attività?

16 Jekk inti għadek m’intix pubblikatur mhux mgħammed fil-​kongregazzjoni, tistaʼ tħabrek biex ikollok dan il-​privileġġ? Staqsi lilek innifsek dawn il-​mistoqsijiet: ‘Għandi jien għarfien bażiku tal-​verità mill-​Bibbja? Irrid jien nieħu sehem fis-​servizz tas-​Saltna? Eżemplari jien fl-​imġiba tiegħi? Kapaċi jien nesprimi personalment il-​fidi tiegħi billi nitkellem m’oħrajn dwar l-​aħbar tajba? Imqanqal jien minn qalbi biex nagħmel hekk?’ Jekk tistaʼ twieġeb iva għal dawn il-​mistoqsijiet, imbagħad tkellem mal-​ġenituri tiegħek dwar ix-​xewqa tiegħek li ssir pubblikatur. Il-​ġenituri jistgħu javviċinaw wieħed mill-​anzjani tal-​kumitat tas-​servizz.

17 Jekk inti diġà pubblikatur taʼ l-​aħbar tajba, tistaʼ tieħu vantaġġ mill-​ġranet li fihom ma jkollokx skola biex tieħu sehem fil-​ministeru? Bi skeda tajba u assistenza mill-​ġenituri u oħrajn, ħafna żgħażagħ mgħammdin kienu kapaċi jaqdu bħala pijunieri awżiljarji. Jekk dan m’huwiex possibbli, mela kun determinat li żżid sehmek fil-​ministeru taʼ l-​għalqa. Agħmel mira għalik innifsek. Flok sempliċement tagħmel mira għas-​sigħat biss, agħmel mira oħra li għandha x’taqsam mal-​kwalità tal-​ministeru tiegħek. Forsi tistaʼ tagħmel ħiltek biex tuża skrittura f’kull bieb, ittejjeb il-​kwalità taż-​żjajjar lura tiegħek, tibda studju tal-​Bibbja, jew tkabbar il-​ministeru tiegħek billi tinkludi għoti taʼ xiehda bit-​telefon jew xi aspetti oħra tal-​ministeru. Xi ngħidu dwar il-​mira li jkollok lil xi ġâr, xi ħadd minn sħabek taʼ l-​iskola, jew xi qarib jattendi miegħek għat-​Tifkira taʼ din is-​sena? Sehem sħiħ f’attivitajiet teokratiċi se jkun premjanti u żgur li se jinkuraġġixxi lil oħrajn fil-​kongregazzjoni.​—1 Tess. 5:​11.

18 Għin lil Uħud Ġodda Jagħmlu Progress: Matul is-​sena taʼ servizz li għaddiet, kull xahar kien hemm madwar 174 studju tal-​Bibbja fid-​djar f’Malta. Maż-​żmien, ħafna minn dawn l-​istudenti se jagħmlu progress sal-​punt tad-​dedikazzjoni u l-​magħmudija. Madankollu, irridu ngħinuhom jikkwalifikaw bħala pubblikaturi taʼ l-​aħbar tajba qabel ma jilħqu dik il-​mira. Dan huwa pass importanti f’li ngħallmu lil uħud ġodda biex ikunu segwaċi taʼ Ġesù Kristu. (Mt. 9:9; Lq. 6:​40) Għandek xi student tal-​Bibbja li huwa lest biex jagħmel dan il-​pass?

19 Jekk m’intix ċert mill-​progress li qed jagħmel l-​istudent tiegħek, fittex l-​għajnuna taʼ l-​indokratur taʼ l-​istudju tal-​ktieb tiegħek jew taʼ l-​indokratur tas-​servizz. Forsi tistaʼ tistiednu biex jiġi miegħek fuq l-​istudju. Dawn l-​aħwa għandhom esperjenza prezzjuża li tistaʼ tintuża biex jiddeterminaw il-​progress spiritwali taʼ l-​istudent. Jistaʼ jkollhom suġġerimenti li se jgħinu lill-​istudent ikompli jagħmel progress spiritwali.

20 Meta l-​istudent tiegħek jesprimi l-​interess li jsir pubblikatur mhux mgħammed u inti tħoss li jikkwalifika, tkellem maʼ l-​indokratur li jippresiedi. Hu se jirranġa biex żewġ anzjani jiltaqgħu miegħek u maʼ l-​istudent biex jaraw jekk jikkwalifikax, billi jużaw l-​informazzjoni f’paġni 98-9 tal-​ktieb Our Ministry. (Ara It-​Torri taʼ l-​Għassa tal-​15 taʼ Frar, 1989, paġna 13.) Jekk l-​istudent jiġi approvat biex isir pubblikatur, trid tibda tħarrġu mill-​ewwel. Meta jitfaʼ l-​ewwel rapport tas-​servizz taʼ l-​għalqa, se jsir avviż fil-​kongregazzjoni biex din tkun taf li l-​istudent huwa pubblikatur mhux mgħammed. Hija x-​xewqa tagħna li eluf taʼ pubblikaturi ġodda, kemm żgħar kif ukoll kbar, jistgħu jilħqu dan il-​punt importanti fl-​iżvilupp spiritwali tagħhom waqt dawn ix-​xhur speċjali t’attività.

21 L-​Ippjanar Jgħin biex Isir Xogħol Tajjeb Kemm Jistaʼ Jkun: Ippjanar bil-​quddiem se jkollu rwol sinifikanti fis-​suċċess taʼ l-​attivitajiet teokratiċi tagħna matul l-​istaġun tat-​Tifkira. (Prov. 21:5) Hemm ħafna fatturi li għandhom bżonn l-​attenzjoni min-​naħa taʼ l-​anzjani.

22 Sabiex jgħinu lill-​kongregazzjoni tieħu sehem kemm jistaʼ jkun fil-​ministeru taʼ l-​għalqa, l-​anzjani jridu jagħmlu arranġamenti prattiċi biex ikun hemm laqgħat għas-​servizz taʼ l-​għalqa matul il-​ġimgħa u fi tmiem il-​ġimgħa. L-​indokratur tas-​servizz għandu jkun minn taʼ quddiem f’li jagħmel dawn l-​arranġamenti. Jistaʼ jkun hemm arranġamenti għal laqgħat tas-​servizz taʼ l-​għalqa oħrajn fil-​għodu kmieni, tard wara nofsinhar, jew kmieni fil-​għaxija? Il-​kongregazzjoni għandha tiġi avżata b’dawn l-​arranġamenti. Jistaʼ jkun t’għajnuna jekk l-​iskeda titwaħħal fuq in-​notice board.

23 L-​anzjani għandhom jieħdu ħsieb li l-​arranġamenti għat-​Tifkira jkunu saru ħafna qabel is-​16 t’April. Dawn jinkludu li jiġi koordinat l-​użu tas-​Sala tas-​Saltna maʼ kongregazzjonijiet oħra li jistgħu jiltaqgħu hemmhekk, it-​tindif tas-​Sala tas-​Saltna, li jintgħażlu l-​attendants u dawk li jservu l-​emblemi, kif ukoll li jinkisbu l-​emblemi. Il-​kongregazzjoni trid tiġi informata bil-​ħin u l-​post tat-​Tifkira u b’xi aġġustamenti fl-​iskeda tal-​laqgħat għal dik il-​ġimgħa. Sforz ħabrieki biex tingħata attenzjoni lil dawn l-​affarijiet se jgħin biex isir “kollox kif imur u bl-​ordni.”​—1 Kor. 14:40.

24 Il-​kapijiet tal-​familja forsi jkunu jixtiequ jużaw parti mill-​istudju tal-​familja tagħhom biex jiddiskutu kif il-​familja tistaʼ tieħu sehem f’dawn l-​attivitajiet miżjuda waqt l-​istaġun tat-​Tifkira. Jistaʼ kull individwu fil-​familja tiegħek jaqdi bħala pijunier awżiljarju? Jew tistaʼ l-​familja tappoġġa membru wieħed jew iktar biex jagħmluh? Jekk dan m’huwiex possibbli, agħmlu miri speċifiċi bħala familja biex tqattgħu iktar ħin fil-​ministeru. Hemm xi membru iżgħar fil-​familja li, bi ftit inkuraġġiment u għajnuna, jistaʼ jikkwalifika bħala pubblikatur mhux mgħammed? Il-​familja tiegħek lil kemm nies tistaʼ tistieden għat-​Tifkira? Ippjanar tajjeb se jġib ħafna barkiet u ferħ lill-​familja tiegħek.

25 Ħu Vantaġġ Sħiħ miż-​Żmien li Fadal: Meta kiteb lill-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu, l-​appostlu Pietru fakkarhom fl-​urġenza taż-​żminijiet minħabba li t-​tmiem tas-​sistema dinjija Lhudija kien wasal fil-​qrib. (1 Pt. 4:7) Illum, l-​evidenza kollha turi li t-​tmiem tas-​sistema dinjija kollha li hawn fil-​preżent qiegħed magħna. Jum wara l-​ieħor, il-​mod kif ngħixu ħajjitna jrid jirrifletti din il-​konvinzjoni. Bħala qaddejja ħerqanin taʼ Jehovah, irridu niffokaw fuq ix-​xogħol urġenti taʼ li niddikjaraw l-​aħbar tajba.​—Titu 2:​13, 14.

26 Issa huwa l-​ħin biex inkunu ħerqanin u nieħdu azzjoni! Immedita fuq dak li Jehovah għamel għalik, għall-​familja tiegħek, u għall-​kongregazzjoni. Għalkemm qatt ma nistgħu nħallsuh lura għall-​ħafna affarijiet taʼ benefiċċju li tana, aħna nistgħu nagħtu lil Jehovah qima b’ruħna kollha. (Salm 116:​12-​14) Hu se jippremjana billi jberikna għall-​isforzi ħabrieka tagħna. (Prov. 10:​22) Jalla kollha kemm aħna nkunu “ħerqana għat-​tajjeb” matul dan iż-​żmien speċjali t’attività miżjuda, sabiex “f’kollox ikun igglorifikat Alla b’Ġesù Kristu.”​—1 Pt. 3:​13; 4:​11.

[Kaxxa f’paġna 3]

Attendenza għat-​Tifkira Madwar id-​Dinja

199914,088,751

200014,872,086

200115,374,986

200215,597,746

[Kaxxa f’paġna 4]

Lil Min Se Tistieden Int għat-​Tifkira?

□✔ Lill-familja tiegħek u lill-​qraba

□✔ Lill-ġirien u lil xi nies oħra li taf

□✔ Lil sħabek tax-​xogħol u sħabek taʼ l-​iskola

□✔ Lil dawk li tagħmlilhom żjara lura u lill-​istudenti tal-​Bibbja

[Kaxxa f’paġna 5]

Għin lil Dawk li Jattendu t-​Tifkira

□✔ Agħtihom merħba mill-​qalb

□✔ Żur lil dawk li jattendu

□✔ Offrilhom studju tal-​Bibbja

□✔ Stedinhom għat-​taħdita speċjali

[Kaxxa f’paġna 5]

X’Inhuma l-​Miri Tiegħek għal dan l-​Istaġun tat-​Tifkira?

□✔ Li xi ħadd minn dawk li stidint jattendi t-​Tifkira

□✔ Li tikkwalifika bħala pubblikatur taʼ l-​aħbar tajba

□✔ Li tqattaʼ ċertu ammont taʼ sigħat fil-​ministeru

□✔ Li titjieb f’ċertu aspett tal-​ministeru

□✔ Li taqdi bħala pijunier awżiljarju

[Kaxxa f’paġna 5]

(Tkompli f’pġ. 6)

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja