Nippjanaw bil-Quddiem—Għal Liema Affarijiet?
1 Aħna lkoll naħsbu fuq xi pjanijiet għall-futur tagħna. Dawk li għandhom it-tama għall-art qed iħarsu ’l quddiem għal meta se jgħixu għal dejjem fid-dinja l-ġdida taʼ tjieba t’Alla. Iżda hemm ċerti influwenzi li jistgħu jisirqulna minn qalbna dik it-tama. Jeħtieġ li nagħmlu sforz kbir biex jirnexxilna nkomplu nibnu ħajjitna madwar l-interessi tas-Saltna u ma nħallux lilna nfusna niġu aljenati mill-ġibdiet li jħajru tal-ġisem.—1 Ġw. 2:15-17.
2 Id-dinja assolutament ma tistax tifhem il-miri taʼ nies spiritwali. (1 Kor. 2:14) Filwaqt li nies oħrajn moħħhom biex jakkwistaw il-fama, il-poter, jew ir-rikkezzi, aħna niġru wara teżori spiritwali. (Mt. 6:19-21) Jekk aħna nipprovaw inġibu l-ħsieb tagħna fi qbil mal-ħarsa li għandha d-dinja dwar il-futur, jistaʼ qatt jirnexxilna nilħqu l-miri spiritwali tagħna? L-affarijiet tad-dinja kieku malajr jaħkmulna qalbna. Kif nistgħu nevitawh dan?
3 “Ilbsu lil Sidna Ġesù Kristu”: Mod wieħed kif insiru nafu jekk hux qed nibnu l-futur tagħna madwar l-interessi tas-Saltna huwa billi neżaminaw il-konversazzjoni tagħna. Qegħdin aħna l-ħin kollu nitkellmu fuq affarijiet materjali u fuq interessi li għandhom x’jaqsmu mad-dinja? Jekk inhu hekk, irridu naraw jekk qalbna hix qed tonqos milli tiffoka fuq valuri spiritwali. Għandna mnejn ikollna bżonn inpoġġu iktar enfasi fuq li ‘nilbsu lil Sidna Ġesù Kristu u ma nagħtux kas il-ħsieb tal-ġisem u l-ġibdiet tiegħu.’—Rum. 13:14.
4 Iż-żgħażagħ jistgħu ‘jilbsu lil Kristu’ billi jippjanaw bil-quddiem lejn dak il-jum li jibdew fil-ministeru full-time. Żagħżugħ li ried jaqdi bħala pijunier regulari trabba f’kultura fejn id-drawwa komuni kienet li l-irġiel żgħażagħ ikollhom sigurtà finanzjarja. B’hekk, hu tant involva ruħu fin-negozju li wasal sal-punt li l-laqgħat u l-ministeru saru għalih biss parti minn rutina mekkanika. Meta beda jafda fil-kliem taʼ Ġesù li jinsab f’Mattew 6:33 u ħareġ minn dik ir-rutina monotona li tant kienet qed tgħejieh, hu beda karriera fis-servizz full-time. Illum, b’kuxjenza tajba, qed jaqdi lil Jehovah, bħalma jgħid hu stess, ‘b’kulma għandu.’
5 Il-Bibbja tgħid li huwa għaqli li tippjana għall-futur. (Prov. 21:5) Jalla lkoll kemm aħna dan nagħmluh waqt li nżommu f’moħħna li r-rieda t’Alla hija l-iktar ħaġa importanti.—Efes. 5:15-17.