Ħu Sehem bis-Sħiħ fil-Ħsad
1 Kemm il-profeti taʼ Jehovah tal-qedem kif ukoll Ġesù Kristu nnifsu tkellmu dwar ix-xogħol tal-ġbir. (Is. 56:8; Eżek. 34:11; Ġw. 10:16) Dan ix-xogħol issa qiegħed isir hekk kif l-aħbar tajba tas-Saltna qed tixxandar mad-dinja kollha. (Mt. 24:14) Id-differenza bejn min jaqdi ’l Alla u min ma jaqdihx issa qed tidher b’mod tant ċar. (Mal. 3:18) Xi jfisser dan għalina?
2 Responsabbiltà Persunali: Aħna nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ Pawlu, li kien involut bis-sħiħ f’li jmexxi l-ministeru Kristjan. Hu ħass responsabbiltà kbira biex jippriedka ħalli n-nies kollha jkunu jistgħu jkollhom l-opportunità li jisimgħu bl-aħbar tajba u jsalvaw. Dan qanqlu biex jaħdem bla waqfien għall-benefiċċju tagħhom. (Rum. 1:14-17) Meta naraw liema sitwazzjoni perikoluża qed jiffaċċjaw il-bnedmin illum, ma nħossux aħna li għandna responsabbiltà akbar biex nippridkaw lil dawk li jinsabu fit-territorju tagħna?—1 Kor. 9:16.
3 Huwa ż-Żmien biex Naġixxu b’Urġenza: Ix-xogħol taʼ l-ippridkar jistaʼ jitqabbel maʼ tfittxija u s-salvataġġ taʼ persuni li ntilfu jew li huma fil-periklu. In-nies iridu jinstabu u jingħataw l-għajnuna qabel ma jkun tard wisq. Iż-żmien huwa limitat. Il-ħajjiet huma fil-periklu! Mhux taʼ b’xejn li Ġesù ħeġġeġ lid-dixxipli tiegħu biex ‘jitolbu lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu.’—Mt. 9:38.
4 Peress li għarfu l-urġenza taż-żminijiet taʼ llum, ħafna ħaddiema tas-Saltna żiedu s-sehem tagħhom f’din l-attività li ssalva l-ħajjiet. Żagħżugħ li jismu Hirohisa kien jgħix f’familja b’ġenitur wieħed flimkien maʼ erbaʼ ħutu iżgħar minnu. Hu għen lill-familja tiegħu b’mod finanzjarju billi kien iqum fit-tlieta taʼ fil-għodu biex imur iqassam il-gazzetti. Xorta waħda, Hirohisa ried jagħmel iktar fil-ministeru, u għalhekk beda jaqdi bħala pijunier regulari. Hemm xi modi li bihom int tkun tistaʼ tagħti sehem iktar bis-sħiħ f’dan ix-xogħol li qatt iktar m’hu se jerġaʼ jsir?
5 “Iż-żmien qsar.” (1 Kor. 7:29) Għalhekk, jalla nagħmlu dak kollu li nistgħu fl-iktar xogħol importanti li qed isir madwar id-dinja bħalissa, jiġifieri li nxandru l-aħbar tajba tas-Saltna u nagħmlu dixxipli. Ġesù xebbah dan ix-xogħol tal-ministeru mal-ħsad. (Mt. 9:35-38) Meta nieħdu sehem bis-sħiħ fil-ħsad, il-frott taʼ xogħolna jistaʼ jinkludi li ngħinu lil xi ħadd isir parti mill-folla l-kbira t’adoraturi li dwarha jitkellem Apokalissi 7:9, 10.