Il-Konvenzjonijiet—Żmien biex Nifirħu!
1 Il-konvenzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah huma okkażjonijiet taʼ ferħ kbir. Għal iktar minn mitt sena, dawn il-laqgħat taw spinta liż-żjieda li qed isseħħ fl-organizzazzjoni tagħna. Minn meta kellna bidu żgħir, dejjem rajna l-barkiet għonja taʼ Jehovah fuq ix-xogħol globali tagħna. Fl-ewwel konvenzjoni tagħna taʼ żmienna, li saret f’Chicago, Illinios, fl-1893, mit-360 li attendew kien hemm total taʼ 70 li tgħammdu biex jissimbolizzaw id-dedikazzjoni tagħhom lejn Jehovah. Fis-serje taʼ Konvenzjonijiet Distrettwali “Nagħmlu Dak li Tgħid il-Kelma t’Alla” li saru s-sena l-oħra kien hemm total t’attendenza globali taʼ 9,454,055 persuna u kien hemm 129,367 li tgħammdu. X’raġuni meraviljuża għalxiex nifirħu!
2 Minn żminijiet Bibliċi, il-laqgħat tal-poplu t’Alla pprovdew mezz li jispikka taʼ kif tingħata l-istruzzjoni mingħand Jehovah. Fi żmien Esdra u Neħemija, il-poplu qagħad jismaʼ l-qari tal-Liġi “mis-sebħ sa nofsinhar.” (Neħ. 8:2, 3) Il-poplu esperjenza “ferħ kbir” peress li f’dik l-okkażjoni kiseb fehma aħjar tal-Liġi. (Neħ. 8:8, 12) Aħna wkoll nifirħu bil-konvenzjonijiet li jipprovdulna opportunità mill-isbaħ biex nirċievu istruzzjoni tajba u ikel spiritwali “fil-ħin” mingħand Jehovah permezz taʼ l-ilsir leali u diskret. (Mt. 24:45) Peress li Ġesù qal li l-bniedem irid jgħix “b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla,” il-konvenzjonijiet huma vitali għas-saħħa spiritwali tagħna.—Mt.4:4.
3 Vallapena Nagħmlu Kull Sforz Sabiex Nattendu: Ilkoll kemm aħna għandna nagħmluha l-mira persunali tagħna li nkunu preżenti għall-Konvenzjoni Distrettwali kollha taʼ din is-sena “Għalliema tal-Kelma t’Alla.” Għandna nippjanaw li naslu kmieni kuljum u li nibqgħu sakemm flimkien ningħaqdu biex ngħidu “Amen!” għat-talba taʼ l-għeluq. Biex inwettqu dan għandu mnejn ikollna bżonn naġġustaw l-iskeda tagħna. Biex nieħdu l-leave mix-xogħol sabiex nattendu għall-konvenzjoni nistgħu niffaċċjaw xi diffikultajiet. Hemm bżonn li nieħdu waqfa soda, u ma nħallux l-affarijiet mingħajr ma nippjanawhom bil-quddiem. Jekk għandna bżonn taʼ fejn noqogħdu u/jew trasport, għandna nagħmlu l-arranġamenti minn kmieni. Kwalunkwe sforz li se jkollna nagħmlu se jkun vallapena!
4 Il-poplu taʼ Jehovah ma joqgħodx ikejjel il-barkiet li jiġu milli jattendi għall-konvenzjoni b’kemm se jiswielu flus. Innota l-eżempji taʼ wħud li kienu determinati li jattendu għall-Assemblea Internazzjonali tax-Xhieda taʼ Jehovah Rieda Divina li saret fl-1958 fil-Belt taʼ New York. Ħu kellu jagħlaq il-kumpanija tal-bini tiegħu għal ħmistax sabiex joffri l-għajnuna tiegħu bħala volontier u jattendi għall-assemblea. Ħu ieħor fil-Virgin Islands biegħ 20.235 kilometru kwadru rabaʼ biex il-familja kollha tiegħu taʼ sitta min-nies setgħu jattendu. Koppja żagħżugħa biegħu d-dgħajsa li kellhom biex b’hekk setgħu jieħdu lit-tlett itfal tagħhom għall-assemblea, bl-etajiet taʼ bejn xahrejn u sebgħa snin. Lil tlett irġiel, aħwa mid-demm, minn Kalifornja ntqalilhom li jekk ma jmorrux għax-xogħol, ma kinux se jsibuh meta jmorru lura. Madankollu, dan ma żammhomx milli jmorru għal dik l-assemblea memorabbli.
5 Jehovah Jippremja l-Isforz Ħerqan Tagħna: Jehovah jara u jbierek l-isforzi tal-poplu tiegħu. (Lhud 6:10) Per eżempju, fl-Assemblea li kien jisimha Żjieda tat-Teokrazija fl-1950, dawk li kienu qed jattendu semgħu t-taħdita sinifikanti “Sistema Ġdida t’Affarijiet.” Ħuna Frederick Franz qajjem u qanqal l-interess taʼ kulħadd meta staqsa: “Dawk li qed jattendu din l-assemblea internazzjonali jieħdu pjaċir jekk ikunu jafu li hawnhekk, illejla, fostna, hawn numru taʼ prinċpijiet prospettivi taʼ l-art il-ġdida?” Iktar minn 50 sena wara, għadna nifirħu b’din il-fehma li ġiet iċċarata taʼ Salm 45:17 [45:16, NW].
6 Wara li attenda għall-konvenzjoni distrettwali tas-sena l-oħra, kap taʼ familja mimli bl-apprezzament qal dan: “Ħuti, lanqas biss tafu kemm kienet taʼ salvazzjoni għal ħajjitna din il-konvenzjoni. Jien u l-familja tiegħi morna noqogħdu ġol-belt minħabba x-xogħol, u dan wassal biex bdejna mmajnaw spiritwalment. . . . Ittraskurajna l-obbligi Kristjani tagħna. Saħansitra waqafna għalkollox milli nattendu l-laqgħat u nieħdu sehem fis-servizz taʼ l-għalqa. . . . Din il-konvenzjoni reġgħet saħħitna, u għal darb’oħra erġajna qed inpoġġu miri spiritwali u qed norganizzaw ruħna biex nilħquhom.”
7 Jehovah jipprovdilna l-ikel spiritwali li għandna bżonn. Hu jifrex mejda abbundanti fil-konvenzjonijiet tagħna. Bl-apprezzament li għandna għal dan il-provvediment suppost se nkunu nistgħu ngħidu dak li qal Kornelju meta l-appostlu Pietru mar iżuru: “Issa aħna qegħdin hawn ilkoll quddiem Alla, biex nisimgħu dak kollu li l-Mulej iridek tgħidilna.” (Atti 10:33) Ejja nagħmluha l-mira tagħna li nkunu preżenti “quddiem Alla” għal kull sezzjoni tal-Konvenzjoni Distrettwali taʼ din is-sena “Għalliema tal-Kelma t’Alla” u nifirħu!