Tapprezzahom Int l-Affarijiet Sagri?
1 Meta niġu mistoqsijin jekk napprezzawx l-affarijiet sagri, x’aktarx li mill-ewwel inwieġbu iva! X’inhuma xi ftit mill-provvedimenti sagri t’Alla li napprezzaw?
2 Kemm tassew ngħożżu r-relazzjoni persunali li jistaʼ jkollna maʼ Missierna tas-sema! Hu jassigurana li jekk ‘nersqu lejh, hu jersaq lejna.’ (Ġak. 4:8) Mingħajr is-sagrifiċċju taʼ Ġesù Kristu għall-fidwa, l-ebda bniedem ma jistaʼ jirċievi l-ħajja taʼ dejjem. (Ġw. 3:16) Bi gratitudni sinċiera, aħna kuljum nesprimu l-apprezzament profond tagħna għal din l-għotja meraviljuża t’Alla permezz tat-talb.
3 Il-Kelma mnebbħa t’Alla, il-Bibbja Mqaddsa, hija wkoll sagra għalina, kif ukoll l-organizzazzjoni taʼ Jehovah fuq l-art. Aħna nuru apprezzament xieraq għal dawn il-provvedimenti mingħand Jehovah meta ngħixu fi qbil mal-prinċipji tal-Bibbja, insaħħu r-rabtiet taʼ mħabba lejn ħutna, nobdu bir-reqqa l-ordni teokratiku, u nikkooperaw maʼ dawk li jieħdu t-tmexxija.—1 Pt. 1:22.
4 Permezz taʼ l-ilsir leali u diskret, aħna nirċievu abbundanza taʼ ikel spiritwali. Dan se jkun minnu din is-sena fil-Konvenzjoni Distrettwali “Nagħmlu Dak li Tgħid il-Kelma t’Alla.” Hemmhekk se nirċievu istruzzjoni vitali u se ngawdu sħubija mill-qalb li neħtiġuhom b’urġenza. Kif nistgħu nuru apprezzament mill-qalb għal dan il-provvediment sagru?
5 Titlaqx it-Tempju taʼ Jehovah: Neħemija wissa lil dawk li ħadmu iebes f’li jerġgħu jibnu l-ħitan taʼ Ġerusalemm biex ‘ma jitilqux it-tempju taʼ Alla tagħhom.’ (Neħ. 10:40 [10:39, New World Translation]) Illum, it-“tempju” taʼ Jehovah huwa l-arranġament tiegħu għall-qima. Il-konvenzjonijiet distrettwali tagħna huma parti minn dak l-arranġament. Biex ma nitilqux dan l-arranġament, irridu nattendu u nagħtu attenzjoni kbira, billi nuru lil Jehovah li napprezzaw ferm il-provvedimenti tiegħu. (Lhud 10:24, 25) Xi pjanijiet irridu nagħmlu issa sabiex nuru li napprezzaw bis-sħiħ dan l-avveniment sagru?
6 Attendi t-Tlett Ijiem Kollha: Kull wieħed u waħda minna jrid jirranġa biex jattendi t-tlett ijiem kollha tal-konvenzjoni. Qed tippjana biex kuljum tasal kmieni u tibqaʼ sat-talba taʼ l-għeluq tal-Ħadd? Jekk inhu hekk, se jkollok barkiet kbar. Mhux dejjem jistaʼ jkun faċli li tattendi għall-konvenzjoni. Sabiex tirranġa l-ħinijiet tax-xogħol sekulari tiegħek jistaʼ jkollok bżonn tieħu waqfa soda. It-trasport mhux dejjem jistaʼ jkun konvenjenti. Imma tħallix dawn il-fatturi jiskuraġġuk milli tattendi l-konvenzjoni.
7 Ikkunsidra Dan l-Eżempju Eċċellenti: Is-sena l-oħra, grupp t’aħwa f’pajjiż Afrikan kienu sejrin għall-konvenzjoni distrettwali. Fi triqithom iltaqgħu maʼ grupp militari, peress li fil-pajjiż kien għaddej inkwiet ċivili. L-aħwa ġew mistoqsijin: “Min intom, u fejn sejrin?” Huma wieġbu: “Aħna x-Xhieda taʼ Jehovah, u sejrin nattendu l-konvenzjoni distrettwali.” Wieħed mis-suldati qalilhom: “Intom ix-Xhieda taʼ Jehovah ma tibżgħu minn xejn. Morru, u se jirnexxilkom ikollkom il-konvenzjoni tagħkom mingħajr problemi. Madankollu, oqogħdu attenti għax se tiltaqgħu maʼ ħafna suldati. Imxu dejjem fin-nofs tat-triq! Jekk taraw ħafna nies miġburin, ibqgħu mexjin fin-nofs tat-triq!” Huma hekk għamlu, u waslu għall-konvenzjoni qawwijin u sħaħ. Dawn l-aħwa tbierku talli wrew l-apprezzament tagħhom għall-affarijiet sagri.
8 Bħal ħutna fl-Afrika, aħna wkoll niffaċċjaw xi sfidi. Imma mingħajr ebda dubju, nistgħu nimitaw il-fidi tagħhom u nkunu determinati li nattendu s-sessjonijiet kollha tal-konvenzjoni distrettwali tagħna. Jekk ikun hemm bżonn tagħmel xi bidliet, dur lejn Jehovah għall-gwida, billi taf li hu se jbierek l-isforzi tagħna biex nattendu l-programm kollu.
9 Aħsad il-Barkiet: Aħna nixxennqu għall-Kelma t’Alla, billi nafu li permezz tagħha nistgħu nikbru sa ma naslu għas-salvazzjoni. (1 Pt. 2:2) Il-fatt li nattendu l-konvenzjoni distrettwali u nagħtu widen għall-programm se jgħin lil kull wieħed u waħda minna nibnu fidi akbar f’dik il-Kelma. B’hekk, inkunu iktar kapaċi nirreżistu l-attakki qawwijin taʼ Satana. Billi nagħmlu dan, se nuru lil Jehovah u lil dawk li jarawna li aħna napprezzaw bis-sħiħ l-affarijiet sagri u “m’aħniex minn dawk li jerġgħu lura, . . . aħna minn dawk li jemmnu, biex insalvaw.”—Lhud 10:39; 12:16; Prov. 27:11.
10 Nistgħu nħarsu ’l quddiem lejn kif Alla Jehovah se jiftaħ it-twieqi tas-sema u jsawwab fuqna xita taʼ barkiet spiritwali. (Mal. 3:10) Agħmilha l-mira tiegħek li tattendi l-Konvenzjoni Distrettwali “Nagħmlu Dak li Tgħid il-Kelma t’Alla” eżatt minn meta jibda l-programm tal-Ġimgħa fil-għodu sat-talba taʼ l-għeluq u l-“Amen!” tal-Ħadd wara nofsinhar. Mhux se jiddispjaċik żgur!