Ħejji Ruħek biex Tistudja l-Profezija taʼ Isaija!
1 “Adoraturi leali jistgħu jkunu fiduċjużi li Jehovah . . . mhux se jippermetti li d-dinja taʼ Satana tibqaʼ teżisti jum iktar milli titlob il-ġustizzja.” Kemm hija stqarrija inkuraġġanti! Minfejn hi kwotata? Mill-Profezija taʼ Isaija—Dawl għall-Bnedmin Kollha I. Tagħtina l-profezija taʼ Isaija raġuni għalxiex naslu għal din il-konklużjoni li tqawwi l-qalb? Iva! F’dan il-ktieb Bibliku, it-tema taʼ salvazzjoni tidher ċara u tonda. (Is. 25:9) Għalhekk se jkun taʼ inkuraġġiment kbir għalina li nistudjaw din il-parti mill-Kelma t’Alla fl-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni. Se nkunu hemm sabiex ingawduh kull ġimgħa? Għala għandna nkunu hemm?
2 F’Isaija 30:20, Jehovah jissejjaħ l-“Imgħallem” tagħna. Kull Kristjan għandu jismaʼ b’attenzjoni kbira hekk kif Jehovah jkellimna permezz tal-paġni tal-Kelma tiegħu u permezz taʼ pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja provduti mill-ilsir leali u diskret. (Mt. 24:45; Is. 48:17, 18) Dan żgur li huwa minnu dwar il-ktieb Il-Profezija taʼ Isaija I. Kif tistaʼ tibbenefika minnu bl-aħjar mod possibbli meta tistudjah?
3 Ipprepara biex Tieħu Sehem: Warrab ammont taʼ ħin biżżejjed kull ġimgħa sabiex tipprepara għall-istudju tal-ktieb. Aqra kull paragrafu tal-materjal li jkun imissna ngħaddu. Aħseb dwar kull mistoqsija li hemm stampata. Immarka t-tweġibiet fil-ktieb tiegħek. Il-versi li jkunu kwotati minn Isaija huma stampati b’tipa grassa. Aqrahom sew. U l-iskritturi l-oħra li ssir referenza għalihom, fittixhom biex tara kif għandhom x’jaqsmu mal-materjal. Aħseb fil-fond dwar dak li qed titgħallem. Imbagħad aqsam dak li ħriġt mill-preparazzjoni li tkun għamilt mal-grupp tiegħek taʼ l-istudju tal-ktieb.
4 Il-ħu li jikkonduċi l-istudju tal-ktieb għandu jgħin lil kulmin jattendi biex juża l-Bibbja tajjeb, u japprezza l-valur prattiku tal-materjal li jkun qed jiġi studjat. Jekk il-ħu jqabbdek twieġeb l-ewwel, agħti tweġiba sempliċi u diretta. Jekk xi ħadd diġà jkun għamel hekk, int tistaʼ tkompli tibni fuq il-punt li jkun qed jiġi diskuss. Forsi tistaʼ turi kif l-iskrittura prinċipali tappoġġa t-tema. Ipprova ikkummenta fi kliemek, u gawdi l-pjaċir li tikseb meta tieħu sehem fid-diskussjoni.
5 Ejja bil-ħerqa neżaminaw flimkien il-messaġġ prezzjuż li hemm fil-ktieb taʼ Isaija. Dan se jħeġġiġna biex ngħixu kuljum ferħanin waqt li nistennew is-salvazzjoni minn Jehovah!—Is. 30:18.