Għandna Għodda Ġdida biex Nibdew Studji tal-Bibbja!
1 Waħda mara Amerikana kienet Kattolika Rumana devota. Kienet tiddefendi lealment it-tagħlim tal-knisja. Saħansitra marret fuq pellegrinaġġ lejn il-Vatikan. U xorta waħda, meta xi ħadd mix-Xhieda taʼ Jehovah mar għandha, din aċċettat l-offerta għal studju tal-Bibbja fid-dar. Għala? Għax riedet titgħallem x’tgħid il-Bibbja, u l-knisja tagħha ma kinitx toffri studju tal-Bibbja fid-djar. X’tgħallimna din l-esperjenza? Li qatt ma nistgħu nkunu nafu min għad jaċċetta studju tal-Bibbja bla ħlas.—Koħ. 11:6.
2 Qatt żammejt lura milli tgħid lin-nies li aħna lesti nistudjaw il-Bibbja maʼ kulmin hu interessat? Jaf kulmin hu fil-komunità tiegħek li aħna noffru dan is-servizz bla ħlas? Kif nistgħu nkunu ċerti li jsiru jafu? Billi nużaw għodda ġdida! Din hija fuljett attraenti taʼ sitt paġni li jismu Tixtieq Tkun Taf Iżjed dwar il-Bibbja? Ejja naraw sew x’fih dan il-fuljett, sottitlu wara sottitlu.
3 “Għala Għandek Taqraha l-Bibbja?” Ir-raġunijiet li jagħti l-fuljett jiġbduk ħafna. Jispjega li l-Bibbja fiha “tagħlim mimli mħabba mingħand Alla,” li jurina kif nistgħu nersqu lejh bit-talb għall-għajnuna u kif nistgħu nirċievu r-rigal taʼ ħajja taʼ dejjem. (1 Tess. 2:13) Il-fuljett isemmi diversi “veritajiet li jagħtuna dehen spiritwali” mill-Bibbja, bħal x’jiġri meta mmutu u għala fid-dinja hawn daqshekk inkwiet. Jiddeskrivi “l-prinċipji divini tal-Bibbja” li meta jiġu applikati jġibu benefiċċji fiżiċi u jqanqlu l-ferħ, it-tama, u kwalitajiet oħrajn taʼ min jixtieqhom. Il-fuljett jagħti raġuni oħra għala għandna naqraw il-Bibbja—il-profeziji dwar il-futur li juruna x’hemm jistenniena dalwaqt.—Apk. 21:3, 4.
4 “Għajnuna biex Tifhem il-Bibbja”: Il-fuljett jgħid: “Ilkoll kemm aħna għandna bżonn l-għajnuna biex nifhmu l-Kelma t’Alla.” Imbagħad jispjega l-metodu tagħna kif nistudjaw il-Bibbja: “Ġeneralment, l-aħjar mod biex tistudja l-Bibbja hu li tistudjaha pass pass, billi tibda mit-tagħlim bażiku.” Filwaqt li jagħmilha ċara li “l-Bibbja hija l-awtorità,” il-fuljett isemmi b’mod speċifiku l-browxer X’Jirrikjedi bħala xi ħaġa li se tgħin lill-istudent ‘jifhem ir-referenzi Skritturali fuq diversi suġġetti.’ Is-sottitlu li jmiss iqajjem mistoqsija interessanti.
5 “Lest li Tqattaʼ Ftit Ħin Kull Ġimgħa biex Tifhem il-Bibbja?” Il-fuljett jispjega li l-istudju tal-Bibbja jistaʼ jsir f’ħin u post konvenjenti għall-istudent, kemm fil-privatezza taʼ daru jew darha jew anki fuq it-telefon. Min jistaʼ jieħu sehem fid-diskussjoni? Il-fuljett iwieġeb: “Il-familja tiegħek kollha. Jistgħu jieħdu sehem ukoll xi ħbieb li tkun tixtieq tistieden. Inkella jekk tippreferi, id-diskussjoni tistaʼ ssir miegħek biss.” Kemm għandu jdum jistudja dak li jkun? Il-fuljett jispjega: “Xi wħud iwarrbu siegħa kull ġimgħa biex jistudjaw il-Bibbja. Jekk tistaʼ tqattaʼ iktar ħin jew m’għandekx daqshekk ħin fil-ġimgħa, ix-Xhieda lesti li jirranġaw biex jgħinuk.” Hemm hu l-qofol! Aħna lesti li naġġustaw iċ-ċirkustanzi tagħna għal kull student.
6 “Stedina biex Titgħallem”: Kulmin għandu kopja tal-fuljett se jsib kupun li bih jistaʼ jitlob għall-browxer X’Jirrikjedi jew għal żjara sabiex nispjegawlu l-programm taʼ l-istudju tal-Bibbja bla ħlas. Il-faċċata tal-browxer X’Jirrikjedi tidher bil-kulur. Tistaʼ tara għala dan il-fuljett se jħeġġeġ lil iktar uħud taʼ qalb onesta biex jaċċettaw l-għajnuna tagħna? Issa, kif nistgħu nużaw bl-aħjar mod din l-għodda l-ġdida?
7 Lil Min Tistaʼ Toffri l-Fuljett? Il-fuljett jistaʼ jingħata lin-nies direttament jew jitħalla meta ma jkunux id-dar. Jistaʼ jitqassam minn dar għal dar, fit-toroq, u f’territorju taʼ negozju. Offrih lin-nies kemm jekk jaċċettaw il-letteratura u kemm jekk jirrifjutawha. Poġġih fir-rivisti jew f’pubblikazzjonijiet oħrajn li tqassam. Daħħlu maʼ l-ittri li tkun qed tikteb. Offri li tibagħtu bil-posta lil dawk li tkellimhom bit-telefon. Dejjem żomm kopji tiegħu miegħek sabiex tqassamhom meta tkun qed tixtri, meta tuża t-trasport pubbliku, u meta tkun qed tagħti xiehda informali. Agħtih lil kulmin jiġi jħabbat il-bieb tad-dar. Offrih lill-qraba, lill-ġirien, lil sħabek tax-xogħol, lil sħabek taʼ l-iskola, u lil oħrajn li taf. Stinka biex tħalli dan il-fuljett maʼ kulmin tiltaqaʼ! Imbagħad x’jiġri?
8 Jekk Dak li Jkun Jaċċetta mill-Ewwel: Xi individwi se jaċċettaw mill-ewwel billi jgħidu li jkunu jridu studju tal-Bibbja. Minħabba dan il-fatt, meta tkun qed tieħu sehem fis-servizz taʼ l-għalqa, kun ċert li dejjem ikollok fuqek żewġ kopji tal-browxer X’Jirrikjedi—wieħed għall-istudent u wieħed għalik. Jekk il-persuna tkun tixtieq, ibda l-istudju dak il-ħin stess. Iftaħ il-qoxra fuq ġewwa, u aqra “Kif Għandek Tuża Dan il-Browxer.” Imbagħad mur mill-ewwel f’lezzjoni numru 1, u uri kif isir l-istudju. Jistaʼ jkun iktar faċli minn hekk?
9 Jekk is-Semmiegħ Tiegħek Għandu Bżonn iż-Żmien biex Jaħseb dwar Dan: Qabel ma jgħaddi ħafna żmien, agħmel ħiltek biex terġaʼ tikkuntattjah. Meta tagħmel dan, kun ċert li jkollok il-browxer X’Jirrikjedi miegħek. Urih il-werrej fil-parti taʼ ġewwa tal-qoxra. Ħallih jagħżel is-suġġett li jinteressah l-iktar. Sib il-paġna, u ibda iddiskuti l-lezzjoni li jkun għażel.
10 Meta Tmur Lura Għand Min Tħallilu r-Rivisti: Jekk ħallejt il-fuljett flimkien maʼ żewġ rivisti, tistaʼ tmur lura b’dan il-mod: “L-aħħar darba li ġejt, ħadt pjaċir inħallilek kopja tar-rivista It-Torri taʼ l-Għassa. Forsi indunajt li t-titlu sħiħ tal-ġurnal huwa It-Torri taʼ l-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Jehovah. Illum xtaqt nispjegalek x’inhi din is-Saltna u x’se tagħmel għalik u għall-familja tiegħek.” Imbagħad iftaħ il-browxer X’Jirrikjedi f’lezzjoni numru 6. Billi tibda bl-ewwel paragrafu, aqra u iddiskuti skond kemm l-inkwilin ikollu ħin. Imbagħad agħmel arranġamenti biex terġaʼ tmur lura ġurnata oħra u tispiċċa l-lezzjoni.
11 Ara li Ma Tispiċċax bla Fuljetti: L-indokratur tas-servizz u l-aħwa li jieħdu ħsieb il-provvista tal-letteratura għandhom iżommu provvista biżżejjed tal-fuljett Kun Af il-Bibbja dejjem lesta fil-kongregazzjoni. Żomm ftit fil-but jew fil-basket, fil-karozza, fejn taħdem, l-iskola, ħdejn il-bieb taʼ barra—kulfejn issibhom malajr. M’għandniex xi ngħidu, għandek iġġorr ftit fil-basket li tuża għall-ministeru għal meta tiltaqaʼ maʼ xi ħadd li tistaʼ titkellem miegħu dwar il-Bibbja.
12 Jalla Jehovah Ibierek l-Isforzi Tagħna: Mira li kull Kristjan jixtieq jilħaq hi li jgħallem il-verità lil xi ħadd ieħor. (Mt. 28:19, 20) Qiegħed tikkonduċi studju tal-Bibbja fid-dar maʼ xi ħadd bħalissa? Jekk qed tagħmel dan, tistaʼ ssib il-ħin għal studju ieħor fl-iskeda tal-ġimgħa tiegħek? Jekk m’intix qed tikkonduċi studju bħalissa, żgur li tixtieq li kont qed tagħmel hekk. Itlob lil Jehovah biex ibierek l-isforzi tiegħek ħalli ssib lil xi ħadd maʼ min tistudja. Imbagħad aħdem fi qbil maʼ dak li titlob.—1 Ġw. 5:14, 15.
13 Għandna għodda ġdida biex nibdew l-istudji tal-Bibbja! Sir af sew dak li tgħid. Qassam kopji tagħha kemm tiflaħ. Agħmel dak kollu li tistaʼ biex ‘tagħmel il-ġid, tistagħna b’opri tajba, tkun ġeneruż u taqsam maʼ oħrajn’ dak li tgħallimt dwar il-Kelma t’Alla.—1 Tim. 6:18.
[Kaxxa f’paġna 4]
OPPORTUNITAJIET BIEX INQASSMU L-FULJETT
◼ Fil-konversazzjonijiet taʼ kuljum
◼ Meta xi ħadd jaċċetta l-letteratura tagħna
◼ Meta ma jkun hemm ħadd id-dar
◼ Meta nagħmlu ż-żjajjar lura
◼ Meta niltaqgħu maʼ xi ħadd waqt li nagħtu xiehda fit-toroq
◼ Meta nkunu qed nagħtu xiehda f’territorju taʼ negozju
◼ Meta nkunu qed nagħtu xiehda informali
◼ Meta niktbu l-ittri
◼ Meta nużaw it-trasport pubbliku
◼ Meta xi ħadd jiġi jħabbtilna l-bieb tad-dar
◼ Meta nkunu qed nitkellmu mal-qraba, mal-ġirien, maʼ sħabna tax-xogħol, maʼ sħabna taʼ l-iskola, u maʼ nies oħra li nafu