“Għotjiet fi Rġiel” Jirgħu lill-Merħla t’Alla bil-Ħeġġa
1 Xi provvediment kollu mħabba għamel Jehovah permezz taʼ Ibnu f’li jipprovdilna “għotjiet fi rġiel”! (Efes. 4:8, 11, 12, NW) Dawn għandhom ħafna responsabbiltajiet differenti, inkluż li jirgħu b’mod attiv u bil-ħerqa lill-merħla t’Alla. (1 Pt. 5:2, 3) Ilkoll kemm aħna nibbenefikaw minn dan il-provvediment tant bżonnjuż. Kemm jekk xi wħud qed jiffaċċjaw id-diffikultajiet, huma ġodda, għandhom ċerti dgħjufijiet, jew żvijaw, dawn l-irġiel għandhom interess persunali qawwi fis-saħħa spiritwali taʼ kulħadd.—Flp. 2:4; 1 Tess. 5:12-14.
2 Meta ġrajjiet dinjin inkwetanti jqanqlu ammont taʼ ansjetà, dawn is-sotto-rgħajja juru li huma “bħal ilqugħ għar-riħ, u kenn fit-tempesta.” Meta nkunu għajjenin jew imtaqqlin u nħossu li għandna bżonn il-faraġ, huma jserrħuna. F’sitwazzjonijiet bħal dawn huma “bħal swieqi taʼ l-ilma f’art niexfa” jew “bħal dell taʼ blata kbira fuq art imħeddla.”—Is. 32:2.
3 Jinkuraġġixxu lil Uħud Inattivi: L-anzjani jagħmlu sforz speċjali biex jinkuraġġixxu lil dawk li saru irregulari jew inattivi, waqt li jgħinuhom jerġgħu jibdew jipparteċipaw b’mod regulari fl-attivitajiet kollha tal-kongregazzjoni. Żjajjar pastorali b’imħabba għenu lil ħafna wħud biex jattendu l-laqgħat tal-kongregazzjoni regolarment u jinbnew spiritwalment sal-punt li issa reġgħu qed jieħdu sehem fil-ministeru taʼ l-għalqa. Dawn l-isforzi kollha min-naħa taʼ l-anzjani jirriflettu l-interess li Jehovah juri b’imħabba u t-tmexxija attiva taʼ Ġesù Kristu. Hu ħalla l-eżempju taʼ kif għandu jintwera interess bħal dan lejn kull nagħġa li setgħet żvijat jew intilfet.—Mt. 18:12-14; Ġw. 10:16, 27-29.
4 Dawn is-sotto-rgħajja jfittxu sinjali li jikxfu jekk xi ħadd ikunx qed jiddgħajjef spiritwalment. Dawk kollha li juru sinjali taʼ skuraġġiment, li jsiru irregulari fl-attendenza għal-laqgħat, jew li jnaqqsu mis-servizz taʼ l-għalqa, wisq probabbli għandhom bżonn l-għajnuna spiritwali. L-anzjani jinsabu ħerqanin biex jgħinu lil kulmin jibda juri t-tendenza taʼ lbies u dehra bħal tad-dinja jew li jiżviluppa attitudni li jikkritika l-kongregazzjoni. B’interess ġenwin u affezzjoni tenera, l-indokraturi li juru interess ‘jagħtu lilhom infushom’ minn jeddhom billi jagħmlu sforz biex jgħinu lil uħud bħal dawn ħalli jerġgħu jkebbsu l-imħabba tagħhom għal Jehovah.—1 Tess. 2:8, Saydon.
5 Fil-passat, xi Kristjani dedikati tilfu l-kuntatt tagħhom mal-kongregazzjoni, u waqgħu f’inattività spiritwali minħabba li saru mifnijin bi problemi taʼ saħħa, ostakli finanzjarji, jew pressjonijiet tal-familja. Mingħajr ma jikkritikawhom, l-anzjani b’imħabba jiżgurawhom li Jehovah jimpurtah min-nagħaġ kollha tiegħu u li hu jsostnihom meta jkunu għaddejjin minn żminijiet diffiċli. (Salm 55:22; 1 Pt. 5:7) Rgħajja tal-merħla li joqogħdu attenti jistgħu jgħinuhom jirrealizzaw li jekk huma ‘jersqu lejn Alla, hu jersaq lejhom,’ u jagħtihom il-faraġ u s-serħan.—Ġak. 4:8; Salm 23:3, 4.
6 Jistmaw lill-Morda: Is-sotto-rgħajja kollhom imħabba juru interess ukoll f’dawk li jistgħu jkunu minsijin. F’kull kongregazzjoni ssib li hemm uħud li huma morda, magħluqin ġod-djar tax-xjuħ, jew inkella inkapaċitati. Is-sehem tagħhom f’li jipproklamaw il-messaġġ tas-Saltna bir-raġun huwa limitat minħabba ċ-ċirkustanzi tagħhom. Forsi l-uniċi opportunitajiet li jkollhom biex jagħtu xiehda huma meta jkollhom kuntatt maʼ wħud li jżuruhom, maʼ pazjenti oħra, jew maʼ dawk li jieħdu ħsiebhom. Minkejja dan, dak kollu li jistgħu jagħmlu jitqies bħala kontribut prezzjuż għall-attività kollha taʼ l-ippridkar. (Mt. 25:15) Anki jekk dawn jagħtu xiehda għal 15-il minuta biss, dan għandu jitniżżel fir-rapport, u huma jibqgħu jiġu magħdudin bħala pubblikaturi regulari tas-Saltna.
7 L-“għotjiet fi rġiel” huma speċjalment konxji tal-bżonnijiet spiritwali taʼ ħuthom f’dan iż-żmien tas-sena—l-istaġun tal-Mafkar. Kemm hu żmien addattat għall-anzjani biex jagħmlu sforz speċjali ħalli jgħinu lil dawk kollha li żvijaw biex jerġgħu jesperjenzaw il-ferħ u l-paċi tal-moħħ li jiġu minn sħubija bnina mal-kongregazzjoni! Aħna nifirħu meta naraw uħud bħal dawn “qrabatna fil-fidi” preżenti għal-laqgħat tal-kongregazzjoni u joħorġu fis-servizz taʼ l-għalqa. Meta jagħmlu dan ikunu qed jikkonfermaw mill-ġdid il-fidi tagħhom fis-sagrifiċċju tal-fidwa.—Gal. 6:10; Lq. 15:4-7; Ġw. 10:11, 14.