Agħmel Miri Spiritwali
1 Xi privileġġ se jkun li nfaħħru lil Jehovah għal dejjem! Biex niġu megħjunin inwettqu din il-mira, nistgħu nibdew nagħmlu iktar miri spiritwali minn issa u naħdmu biex nipprovaw nilħquhom. Dan jgħinna nużaw l-enerġiji tagħna bil-għaqal. (1 Kor. 9:26) Liema huma dawk il-miri li int tistaʼ tilħaq?
2 L-Istudju tal-Bibbja: Tipprepara int għal-laqgħat kollha tal-kongregazzjoni? Jekk tagħmel dan, tħalli ħin għar-riċerka u l-meditazzjoni meta tistudja? Per eżempju, meta tipprepara l-Istudju tat-Torri taʼ l-Għassa u l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni taʼ kull ġimgħa, sempliċement timmarka r-risposti jew inkella tfittex l-iskritturi ċitati u wkoll timmedita fuq ir-raġunijiet għall-ispjegazzjonijiet li jingħataw? Tistaʼ tagħmilha l-mira tiegħek li kull ġimgħa tagħmel riċerka dwar ftit punti mill-qari tal-Bibbja li jkun imiss għall-Iskola tal-Ministeru Teokratiku? Dan it-tħaffir fil-fond għall-affarijiet spiritwali jirrikjedi l-ħin u l-isforz, iżda jippremjak bil-kbir.—Prov. 2:4, 5.
3 Il-Laqgħat tal-Kongregazzjoni: Mira oħra hi li tattendi l-ħames laqgħat kollha tal-kongregazzjoni b’mod regulari. Meta tasal kmieni biżżejjed sabiex tissieħeb maʼ sħabek fit-twemmin u tieħu sehem magħhom fl-għanja u t-talba tal-ftuħ tkun qed tgħin biex jissaħħaħ l-ispirtu tal-kongregazzjoni. Nistgħu wkoll nagħmlu ħilitna kollha biex nikkummentaw f’kull laqgħa u naħdmu ħalli ntejbu l-kummenti tagħna. Forsi tistaʼ turi kif skrittura fil-paragrafu tapplika għad-diskussjoni jew issemmi kif il-materjal japplika fil-ħajja taʼ kuljum.—Lhud 10:24, 25.
4 Is-Servizz taʼ l-Għalqa: Il-ministeru tagħna jitjieb ħafna meta nagħmlu miri. Għandek mira persunali taʼ sigħat li qed tippjana li tqattaʼ fis-servizz kull xahar? Xi wħud isibu li dan jgħinhom. Jew tistaʼ titjieb f’xi aspetti tal-ministeru tiegħek, bħal li tuża l-Bibbja fl-attività minn dar għal dar, tagħmel żjajjar lura iktar effettivi, tistinka biex tibda studju tal-Bibbja, jew tgħallem b’mod iktar effettiv fl-istudji?
5 Ġenituri, qegħdin tħeġġu lil uliedkom biex jagħmlu miri fis-servizz taʼ Jehovah? Għinuhom jaraw li l-fatt li jaqdu bħala pijunieri, missjunarji, jew membri tal-familja taʼ Betel huwa mod mill-aqwa kif juru kemm hu profond l-apprezzament tagħhom għal Jehovah.—Koħ. 12:1.
6 Hekk kif neżaminaw l-attivitajiet tagħna, nagħmlu miri spiritwali, u naħdmu biex nilħquhom, se nsibu ferħ akbar fis-servizz tagħna u se nkunu sors taʼ inkuraġġiment għal oħrajn.—Rum. 1:12.