Evita li Tiġri Wara “Ħwejjeġ Fiergħa”
1 Mezz popolari taʼ komunikazzjoni llum huwa l-E-mail. Għalkemm jistaʼ jkun xieraq li taqsam ħsibijiet u esperjenzi persunali maʼ tal-familja u mal-ħbieb b’dan il-mod, liema “ħwejjeġ fiergħa” jistgħu jiġu assoċjati maʼ l-użu bla limitu taʼ l-E-mail?—Prov. 12:11.
2 Twissijiet Rigward l-E-mail: X’uħud isostnu li jħossuhom iktar qrib taʼ l-organizzazzjoni taʼ Jehovah meta jirċievu dik li skond huma hi informazzjoni ġdida permezz taʼ l-E-mail. Dan għandu mnejn jinkludi esperjenzi, noti dwar avvenimenti f’Betel, rapporti dwar diżastri jew persekuzzjoni, u saħansitra informazzjoni kunfidenzjali li tkun ħarġet fl-Iskejjel tal-Ministeru tas-Saltna. Oħrajn milli jidher huma ħerqanin iżżejjed biex jibagħtu messaġġi bħal dawn, bit-tama li jkunu minn taʼ l-ewwel biex jiżvelaw din l-informazzjoni lil ħbiebhom.
3 Kultant, xi informazzjoni u esperjenzi ma jkunux eżatti jew ikunu esaġerati. Jew inkella minħabba l-isforzi taʼ x’uħud biex ikunu sensazzjonali, dawn taw impressjoni żbaljata. Dawk li jkollhom sebaʼ mitt sena biex jiżvelaw affarijiet bħal dawn taʼ spiss ma jkunux jafu l-fatti kollha. (Prov. 29:20) F’ċerti każi, anki meta storja tkun diffiċli biex temminha, xorta tinxtered għall-kurżità. Rapporti bħal dawn li ma jkunux eżatti u li jistgħu jfixklu lil oħrajn m’humiex ħlief “ħwejjeġ fiergħa” li ma jinkuraġġux devozzjoni ġenwina lejn Alla.—1 Tim. 4:6, 7.
4 Jekk tibgħat informazzjoni u din tirriżulta li m’hijiex eżatta, xi ftit jew wisq int tkun responsabbli għall-inkwiet jew il-konfużjoni li tistaʼ tinħoloq. Meta David irċieva rapport esaġerat li wliedu kollha kienu ġew maqtula, hu “ċarrat ilbiesu” bin-niket li ħass. Madankollu, fir-realtà, tifel wieħed biss kien mietlu. Dan biss kien diġà taʼ niket, aħseb u ara din l-esaġerazzjoni kemm ikkaġunatlu iktar niket lil David. (2 Sam. 13:30-33) Żgur li ma rridux nagħmlu xi ħaġa li tistaʼ tfixkel jew tiskuraġġixxi lill-aħwa.
5 Il-Mezz taʼ Komunikazzjoni Maħtur minn Alla: Żomm f’moħħok li Missierna tas-sema ħatar mezz taʼ komunikazzjoni, “l-ilsir leali u diskret.” Dan “l-ilsir” għandu r-responsabbiltà li jiddetermina liema informazzjoni għandha tkun disponibbli għal dawk taʼ dar il-fidi, kif ukoll iż-“żmien xieraq” li fih għandha titqassam. Dan l-ikel spiritwali huwa disponibbli biss permezz taʼ l-organizzazzjoni teokratika. Għandna dejjem infittxu l-informazzjoni taʼ min joqgħod fuqha mingħand il-mezz taʼ komunikazzjoni maħtur minn Alla, u mhux mingħand in-numru kbir taʼ nies li jużaw l-Internet.—Mt. 24:45, NW.
6 Il-Web Sites taʼ l-Internet: Aħna għandna Web site taʼ lInternet uffiċjali: www.watchtower.org. Din il-Web site hija biżżejjed biex twassal l-informazzjoni lill-pubbliku. M’hemm ebda bżonn għal xi individwu, kumitat, jew kongregazzjoni biex jagħmlu Web page dwar ix-Xhieda taʼ Jehovah. Xi wħud saħansitra kkopjaw il-kontenut tal-pubblikazzjonijiet bl-iskritturi u referenzi dettaljati kollha u saħansitra offrew kopji tal-materjal tal-konvenzjoni fuq bażi taʼ donazzjoni. Kemm jekk isirx profitt jew le, li wieħed jipproduċi u jqassam il-pubblikazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah permezz taʼ dokument elettroniku hija vjolazzjoni tad-drittijiet taʼ l-awtur. Filwaqt li x’uħud jistgħu jqisu dan bħala servizz għall-aħwa, dan m’huwiex approvat u m’għandux ikompli jsir.
7 Jekk nuru l-għaqal u lgħerf meta nużaw il-komunikazzjoni elettronika nistgħu nibqgħu ċerti li mħuħna se jimtlew “b’kull ġid prezzjuż u sabiħ.”—Prov. 24:4, Karm Żammit.