Ippriedka u Agħti Xiehda bir-Reqqa
1 Bħala “mexxej u kmandant,” Ġesù ħejja lid-dixxipli tiegħu għax-xogħol vast taʼ l-ippridkar li kien hemm quddiemhom. (Is. 55:4, Karm Żammit; Lq. 10:1-12; Atti 1:8) L-appostlu Pietru ddeskriva l-inkarigu li tahom Ġesù b’dan il-kliem: “Lilna ordnalna biex inxandruh lill-poplu u nixhdu [“bir-reqqa,” NW] li dan hu dak li Alla għamlu mħallef tal-ħajjin u tal-mejtin.” (Atti 10:42) Li wieħed jagħti xiehda bir-reqqa x’jinvolvi?
2 Nistgħu nitgħallmu ħafna billi nikkunsidraw l-eżempju taʼ l-appostlu Pawlu. Meta ltaqaʼ max-xjuħ mill-kongregazzjoni taʼ Efesu, hu fakkarhom: “Qatt ma bżajt nurikom dak li hu taʼ fejda għalikom u ngħallimkom kemm fil-beraħ u kemm fid-djar, u [“tajt xiehda bir-reqqa,” “NW”] lil-Lhud u lill-Griegi li għandhom jindmu u jduru lejn Alla u jemmnu fil-Mulej tagħna Ġesù.” Minkejja li ffaċċja diffikultajiet hu stess, Pawlu fittex li jilħaq kemm jistaʼ jkun nies bl-aħbar tajba. Ma kienx sempliċement kuntent li jaqsam veritajiet bażiċi mas-semmiegħa tiegħu, imma ried jurihom ‘dak kollu li Alla ried minnhom.’ Sabiex ikun jistaʼ jagħmel dan, hu kien lest li jagħmel ħiltu kollha u jagħmel sagrifiċċji. Hu kompla jgħid: “Iżda jien lil ħajti xejn ma nqisha għażiża għalija jekk mhux biex intemm il-mixja tiegħi u l-ministeru li ħadt mingħand il-Mulej Ġesù, jiġifieri, li nagħti xhieda [“bir-reqqa,” “NW”] taʼ l-Evanġelju tal-grazzja taʼ Alla.”—Korsiv tagħna; Atti 20:20, 21, 24, 27.
3 Kif nistgħu nimitaw l-eżempju taʼ Pawlu llum? (1 Kor. 11:1) Dan nistgħu nagħmluh billi nfittxu lil dawk l-individwi u familji li jistħoqqilhom, saħansitra meta aħna personalment inkunu għaddejjin minn diffikultajiet. Ukoll, irridu nagħmlu l-aħjar li nistgħu biex nilħqu nies minn kull grupp etniku u lingwa bl-aħbar it-tajba, u bir-reqqa kollha nikkultivaw l-interess li nsibu. (Mt. 10:12, 13) Dan jirrikjedi ħin, sforz, u mħabba għan-nies.
4 Tistaʼ Taqdi Bħala Pijunier Awżiljarju? Ix-xhur taʼ Marzu u April jistgħu jkunu opportunità mill-aħjar għalik biex tagħti xiehda bir-reqqa billi taqdi bħala pijunier awżiljarju. Kemm kien taʼ inkuraġġiment is-sena l-oħra li rajna tant uħud jagħmlu sforz speċjali biex ikunu pijunieri awżiljarji!
5 Oħt taʼ 80 sena b’ħafna problemi taʼ saħħa għamlet il-qalb permezz taʼ l-inkuraġġiment li pprovdiet l-organizzazzjoni taʼ Jehovah. Hi kitbet: “Dan reġaʼ kebbes ix-xrara li kelli f’qalbi għal ħafna żmien, u ġagħalni nħossni li kelli naqdi bħala pijuniera awżiljarja, imqar għal darb’oħra biss.” Hi ddeċidiet biex tagħmlu f’Marzu. “L-ewwel ħaġa li għamilt,” qalet hi, “kienet li poġġejt bil-qiegħda u għaddejt in-nefqa. Tkellimt maʼ binti għax kien se jkolli bżonn l-għajnuna tagħha. Hi ssorprendietni x’ħin ġabet applikazzjoni għaliha stess.” Matul ix-xahar, l-oħt anzjana qattgħet 52 siegħa fil-ministeru. “Ħafna drabi tlabt lil Jehovah biex jerġaʼ jagħtini s-saħħa meta ħassejtni qed negħja. Fl-aħħar tax-xahar, kont ferħana ħafna u sodisfatta, u rringrazzjajt lil Jehovah ħafna drabi talli għenni. Nixtieq nerġaʼ nagħmlu darb’oħra.” L-esperjenza taʼ ferħ tagħha tistaʼ tinkuraġġixxi lil oħrajn li jixtiequ ħafna jaqdu bħala pijunieri awżiljarji minkejja l-problemi serji taʼ saħħa.
6 Wieħed ħu li waqaf mix-xogħol bla mistenni, ħa vantaġġ mis-sitwazzjoni biex jagħmel ix-xogħol taʼ pijunier awżiljarju. Hekk kif gerbeb ix-xahar, hu kompla jimtela biż-żelu għax-xogħol taʼ l-ippridkar, u sa l-aħħar tax-xahar, beda studju tal-Bibbja ġdid. Hu u jaħseb dwar din l-esperjenza, hu qal: “X’xahar kien dak!” Kemm kien ferħan li kellu d-direzzjoni u l-għajnuna taʼ Jehovah! Iva, Jehovah sawwab barka kbira fuq dan il-ħu għall-isforz kbir li għamel fil-ministeru, u se jagħmel l-istess miegħek ukoll.—Mal. 3:10.
7 Għal ħafna pubblikaturi, m’huwiex faċli li jaqdu bħala pijunieri awżiljarji. Safrattant, minkejja responsabbiltajiet sekulari u tal-familja kif ukoll sfidi persunali, għadd sabiħ t’aħwa rġiel u nisa kienu kapaċi jagħmluh dan. Li nagħtu xiehda bir-reqqa ħafna drabi jinvolvi li nissagrifikaw ftit mill-ħin u l-enerġija prezzjuża tagħna, imma l-barkiet huma bil-wisq akbar.—Prov. 10:22.
8 Ix-xhur taʼ Marzu u April huma żminijiet ideali biex nagħmlu x-xogħol taʼ pijunier. Hemm ħames Sibtijiet u Ħdud matul Marzu. Jekk nieħdu vantaġġ minn dawn u nużaw il-ħin taʼ fil-għaxija tajjeb, anki xi wħud li jaħdmu full-time jkunu jistgħu jaqdu bħala pijunieri awżiljarji. Ukoll, forsi tkun tistaʼ tieħu vantaġġ mill-vaganzi matul ix-xahar t’April. Xi wħud jistaʼ ma jkollhomx skola jew xogħol f’ċerti ġranet, u b’hekk dan jgħinhom biex ilaħħqu mal-ħtieġa tal-50 siegħa. Sabiex tippjana l-50 siegħa fil-ministeru waqt ix-xahar taʼ Marzu jew April, tistaʼ tuża waħda mill-iskedi suġġeriti għall-pijunieri awżiljarji li hawn inklużi maʼ dan l-artiklu? Tkellem dwar l-iskeda tiegħek m’oħrajn; żgur li xi wħud se jkunu inkuraġġiti biex jissieħbu miegħek fil-ministeru. Jekk ma tistax tkun pijunier awżiljarju, agħmel mira speċjali għal dawn ix-xhur, u għin lil dawk li se jkunu pijunieri. Ippjana minn issa biex iżżid is-servizz tiegħek matul ix-xhur taʼ Marzu u April.
9 Uri Apprezzament għat-Tifkira: Kull sena matul l-istaġun tat-Tifkira tal-Mewt taʼ Ġesù, l-apprezzament għas-sagrifiċċju tal-fidwa qanqal lil eluf t’aħwa biex ‘jixtru ż-żmien’ ħalli jaqdu bħala pijunieri awżiljarji. (Efes. 5:15, 16, NW) F’Malta, tliet snin ilu kien hemm 130 pijunier awżiljarju f’April. Ejja nagħmlu mira biex nipprovaw inżidu dak in-numru u nagħmluha l-aħjar sena li qatt kellna. Iż-żmien tat-Tifkira huwa opportunità oħra mill-aħjar biex nuru l-apprezzament sinċier tagħna għas-sagrifiċċju taʼ fidwa taʼ Kristu billi nżidu fl-attività tal-ministeru taʼ l-għalqa.
10 Hekk kif joqrob is-16 t’April, aħseb dwar xi tfisser it-Tifkira għalik. Ikkunsidra l-avvenimenti li wasslu għall-mewt taʼ Kristu u l-ħsibijiet li taqqlulu moħħu u qalbu. Irrifletti wkoll fuq il-ferħ li Ġesù kellu quddiemu u kif dan għenu biex jissaporti trattament ħażin bħal dan. Aħseb dwar il-pożizzjoni tiegħu bħalissa bħala Kap tal-kongregazzjoni, filwaqt li jindokra x-xogħol taʼ l-ippridkar u taʼ li nagħmlu dixxipli. (1 Kor. 11:3; Lhud 12:2; Apk. 14:14-16) Imbagħad uri l-apprezzament tiegħek għal dak kollu li għamel Kristu billi tieħu sehem bis-sħiħ fix-xogħol taʼ l-ippridkar skond ma jippermettulek iċ-ċirkustanzi.
11 Inkuraġġixxi lil Oħrajn biex Jagħtu Xiehda bir-Reqqa: Billi jieħdu sehem fis-servizz taʼ pijunier awżiljarju, l-anzjani u l-qaddejja ministerjali qegħdin f’pożizzjoni tajba biex jinkuraġġixxu lil oħrajn. Meta jaħdmu mal-pubblikaturi fil-ministeru taʼ l-għalqa u meta jagħmlu żjajjar pastorali, huma nfushom għandhom opportunità mill-aħjar biex jgħinu lil oħrajn sabiex ikollhom sehem sħiħ f’din l-attività speċjali. Jalla lkoll kemm aħna nitolbu dwar dan, sabiex b’hekk insaħħu l-isforzi magħqudin tagħna biex nagħtu xiehda bir-reqqa.
12 Filwaqt li l-anzjani u l-qaddejja ministerjali kollha se jikkooperaw maʼ l-arranġamenti tal-kongregazzjoni għal iktar attività matul ix-xhur taʼ Marzu u April, l-indokratur tas-servizz, b’mod partikulari, għandu jkun konċernat biex jikkoordina l-arranġamenti għax-xogħol taʼ l-evanġelizzar. Hu għandu jorganizza l-postijiet, il-ġranet, u l-ħinijiet għas-servizz taʼ l-għalqa b’tali mod li jkunu konvenjenti għall-maġġuranza tal-pubblikaturi u jara li jsiru avviżi dwarhom regolarment. Jistgħu jsiru arranġamenti biex jiltaqgħu f’ħinijiet differenti tal-ġurnata sabiex ikun hemm opportunità għal kulħadd fil-kongregazzjoni biex jieħu sehem f’aspetti differenti tax-xandir. Dawn jistgħu jinkludu li jaħdmu territorju tan-negozju, jagħtu xiehda fit-toroq, imorru minn dar għal dar, jagħmlu żjajjar lura, u jagħtu xiehda bittelefon. Ukoll, il-ħu għandu jirranġa biex ikun hemm iktar letteratura, rivisti, u territorju matul dawn ix-xhur.
13 L-offerta għal Marzu se tkun il-ktieb Għarfien, bil-mira li jinbdew studji tal-Bibbja. Suġġerimenti tajbin dwar kif jistaʼ jiġi offrut il-ktieb Għarfien dehru fl-insert tal-Ministeru tas-Saltna taʼ Jannar, 2002. Ir-rivisti It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! se jkunu l-offerta f’April. Ipprova uża l-preżentazzjonijiet li jkun hemm fis-sezzjoni “X’Nistgħu Ngħidu dwar ir-Rivisti.” Kulħadd għandu jieħu l-ħin biex jipprepara tajjeb sabiex tingħata xiehda bir-reqqa.
14 Kemm aħna mberkin li naħdmu taħt id-direzzjoni tal-Kap tal-kongregazzjoni, Kristu Ġesù, u għandna l-privileġġ li nieħdu sehem fix-xandir taʼ l-aħbar tajba m’oħrajn! Hekk kif joqorbu x-xhur taʼ Marzu u April, ejja nerġgħu nistinkaw biex nagħmluhom l-aħjar xhur li qatt kellna, waqt li nobdu l-kmand taʼ Ġesù biex nippridkaw u nagħtu xiehda bir-reqqa.
[Kaxxa f’paġna 4]
Modi Differenti Kif Tagħmel Pijunier Awżiljarju f’Marzu u April 2003
Ġurnata Sigħat
It-Tnejn 1 2 — — 2 —
It-Tlieta 1 — 3 — — —
L-Erbgħa 1 2 — 5 — —
Il-Ħamis 1 — 3 — — —
Il-Ġimgħa 1 2 — — — —
Is-Sibt 5 4 3 5 6 7
Il-Ħadd 2 2 3 2 2 3
March 56 56 54 55 50 50
April 50 50 51 53 — —
Hemm xi skeda minn dawn li tgħodd għalik?