‘Agħmel il-Wisaʼ għal Dan’
1 Darba, waqt li Ġesù kien qiegħed jitkellem mad-dixxipli tiegħu dwar iż-żwieġ, hu rrefera għall-istat li wieħed ma jkunx miżżewweġ bħala “rigal.” Imbagħad hu qal: “Ħalli min jistaʼ jagħmel il-wisaʼ għal dan jagħmilha.” (Mt. 19:10-12, NW) Xi snin wara, l-appostlu Pawlu kiteb dwar il-benefiċċji taʼ li wieħed ma jkunx miżżewweġ u inkuraġġixxa lil oħrajn biex isegwu l-eżempju tiegħu u jibqgħu ma jiżżewġux. (1 Kor. 7:7, 38, NW) Ħafna llum ‘għamlu l-wisaʼ’ biex ma jiżżewġux u qegħdin igawdu mill-benefiċċji taʼ dan. X’inhuma xi ftit minn dawn il-benefiċċji?
2 Servizz “bla Tixrid taʼ Moħħ”: Pawlu fehem li l-fatt li baqaʼ ma żżewwiġx tah l-opportunità biex jaqdi lil Jehovah “bla tixrid taʼ moħħ,” jiġifieri, ma kien hemm xejn xi jfixklu. L-istess illum, ħu li għadu waħdu jistaʼ japplika għall-Iskola tat-Taħriġ Ministerjali, u ġeneralment xi ħadd li għadu waħdu għandu iktar libertà biex jaqdi bħala pijunier, jitgħallem xi lingwa oħra, imur fejn il-bżonn huwa akbar, jaqdi f’Betel, jew ikun disponibbli għal xi privileġġi speċjali oħra fis-servizz. Għandu mnejn ikollu iktar ħin u opportunitajiet biex jagħmel studju persunali u jimmedita fil-fond, u biex jitkellem maʼ Jehovah b’talb mill-qalb. Normalment il-persuna li mhix miżżewġa għandha iktar ċans li toffri lilha nfisha biex tgħin lil oħrajn. Dawn l-attivitajiet kollha huma “għall-ġid” taʼ dak li jkun.—1 Kor. 7:32-35; Atti 20:35.
3 Dan is-servizz lil Alla bla tfixkil iġib premjijiet bla tarf. Wara 27 sena fil-Kenja, oħt li m’hijiex miżżewġa kitbet: “Kelli bosta ħbieb u ħafna xogħol! Konna nagħmlu ħafna affarijiet flimkien [u] konna nżuru lil xulxin. . . . Stajt nuża dak il-ftit iktar ħin u libertà li kelli peress li ma kontx miżżewġa biex nibqaʼ attiva fil-ministeru, u dan ġabli ferħ kbir.” Hi kompliet: “Matul is-snin ir-relazzjoni tiegħi maʼ Jehovah saret iktar profonda.”
4 Kif Tagħmel il-Wisaʼ għal Dan: Ġesù qal li l-motiv biex wieħed jikkultiva r-rigal taʼ li ma jkunx miżżewweġ għandu jkun “minħabba s-Saltna tas-Smewwiet.” (Mt. 19:12) Bħal kull rigal ieħor, l-istat taʼ meta wieħed ma jkunx miżżewweġ għandu jintuża b’mod għaqli sabiex iġib ferħ u benefiċċji. Billi użaw tajjeb l-opportunitajiet li ġewhom għax ma kinux miżżewġin u billi straħu fuq Jehovah għall-għerf u s-saħħa, ħafna wħud mhux miżżewġin waslu biex jaċċettaw il-valur taʼ li jagħmlu wisaʼ għal dan ir-rigal.