Iż-Żjajjar Lura Jwasslu għal Studji tal-Bibbja
1. Għala huma importanti ż-żjajjar lura?
1 Ġesù kkmanda lid-dixxipli tiegħu mhux biss biex jippridkaw imma wkoll biex ‘jagħmlu dixxipli u jgħallmuhom.’ (Mt. 28:19, 20) Predikatur jipproklama, iżda għalliem jagħmel iktar minn dan. Hu jistruwixxi, jispjega, u jagħti l-provi. Mod wieħed kif ngħallmu lil oħrajn huwa billi nagħmlu ż-żjajjar lura lil dawk l-uħud interessati b’mira li nibdew studju tal-Bibbja magħhom.
2. Għand min għandna nerġgħu mmorru?
2 Lil min għandek iżżur lura? Kun ċert li tmur lura għand dawk kollha li aċċettaw il-letteratura jew li mqar urew nitfa interess fl-aħbar tajba. Jekk issib interess waqt li tkun qiegħed tagħti xiehda f’post pubbliku, ipprova ikseb l-indirizz taʼ dik il-persuna jew in-numru tat-telefon biex b’hekk tkun tistaʼ tikkultiva l-interess. Kun ottimist dwar li tibda studji tal-Bibbja. Ibqaʼ fittex lil dawk li lesti jaċċettaw li jibdew studju tal-Bibbja, u wisq probabbli li se ssibhom.—Mt. 10:11.
3, 4. X’inhu involut biex tagħmel żjajjar lura effettivi?
3 Uri Interess Persunali: Il-preparazzjoni għal żjara lura effettiva tibda mill-ewwel darba li tkellem lil dak li jkun. Evanġelizzaturi li jirnexxu, jieħdu nota taʼ dak li jinteressa lill-inkwilin, u jużaw dak bħala bażi għal iktar diskussjonijiet. Xi wħud isibuha taʼ għajnuna li jistaqsu mistoqsija fl-aħħar taż-żjara biex b’hekk iqanqlu l-interess taʼ l-inkwilin għal żjara oħra. L-interess sinċier tagħna fin-nies iġagħalna nibqgħu naħsbu dwarhom anki wara li nkunu tlaqna minn fuq il-bieb, u jqanqalna biex nerġgħu mmorru għandhom mingħajr dewmien. Jekk ikun possibbli, ipprova erġaʼ mur meta jkun għad hemm l-interess—forsi anki ġurnata jew tnejn wara.
4 Meta tkun qed tagħmel xi żjara lura, fittex li tibni fuq id-diskussjoni taʼ qabel. Agħmilha l-mira tiegħek biex taqsam minn taʼ l-inqas punt Skritturali inkuraġġanti kull darba, u kun lest li tismaʼ. Sir af aħjar lill-inkwilin. Imbagħad fid-drabi l-oħra meta terġaʼ tmur, aqsam il-veritajiet mill-Kelma t’Alla li l-iktar jikkonċernawh.
5. X’metodu sempliċi jistaʼ jintuża biex jinbdew studji tal-Bibbja?
5 Kun Konxju mill-Opportunità li Tibda Studju tal-Bibbja: Agħmel iż-żjajjar lura bil-mira li tibda studju tal-Bibbja. Dan kif jistaʼ jsir? Semmi li tixtieq taqsam punt interessanti, u uri paragrafu mill-ktieb Għarfien jew il-browxer X’Jirrikjedi li taħseb li jinteressa lill-persuna. Aqra l-paragrafu, ikkunsidra l-mistoqsijiet, u iddiskuti skrittura jew tnejn li huma ċitati. Dan jistaʼ jsir f’ħames jew għaxar minuti fuq l-għatba tal-bieb stess. Ikkonkludi billi tqajjem mistoqsija oħra u agħmel arranġamenti biex darb’oħra tkompli d-diskussjoni.
6. Kif nistgħu nuru li napprezzaw l-importanza taʼ li nagħmlu ż-żjajjar lura?
6 Li nikkultivaw l-interess kollu li nsibu huwa aspett vitali tal-ministeru tagħna. Għalhekk, warrab ħin fl-iskeda tiegħek tal-ġimgħa biex tagħmel iż-żjajjar lura. Jekk tagħmel hekk, il-ministeru tiegħek se jkun iktar effettiv u se jġiblek ferħ veru.