LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • km 3/97 p. 3
  • Kun Qalbieni F’Li Tagħmel Żjajjar Lura

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kun Qalbieni F’Li Tagħmel Żjajjar Lura
  • Il-Ministeru tas-Saltna—1997
  • Materjal Simili
  • Iż-Żjajjar Lura Jwasslu għal Studji tal-Bibbja
    Il-Ministeru tas-Saltna—2003
  • Jinħtieġu—Iktar Studji tal-Bibbja
    Il-Ministeru tas-Saltna—1998
  • Strieħ Fuq Jehovah Biex Ikabbar
    Il-Ministeru tas-Saltna—1997
  • Nikkonduċu Studji tal-Bibbja Progressivi—Il-Ħdax-il Parti
    Il-Ministeru tas-Saltna—2005
Ara Iżjed
Il-Ministeru tas-Saltna—1997
km 3/97 p. 3

Kun Qalbieni F’Li Tagħmel Żjajjar Lura

1 Tieħu gost tagħmel żjajjar lura? Ħafna pubblikaturi jieħdu. Forsi għall-​ewwel stajt kont ftit beżgħan, speċjalment meta erġajt żort inkwilini li wrew ftit li xejn interess meta kkuntattjajthom l-​ewwel darba. Imma hekk kif tagħmel il-​qalb permezz t’Alla tagħna biex tgħid l-​aħbar tajba billi tagħmel żjajjar lura, tistaʼ tkun sorpriż kemm dan ix-​xogħol jistaʼ jkun faċli u premjanti. (1 Tess. 2:2) Dan kif?

2 L-​ewwel nett, hemm differenza importanti bejn żjara lura u l-​ewwel żjara. Iż-​żjara lura qiegħda ssir lil xi ħadd li taf, u mhux lil xi barrani, u ġeneralment huwa iktar faċli li titkellem maʼ xi ħadd li taf milli maʼ xi barrani. Inkwantu għall-​barkiet għonja li jirriżultaw milli nieħdu sehem f’dan ix-​xogħol, iż-​żjajjar lura jistgħu jwasslu għal studji tal-​Bibbja produttivi fid-​djar.

3 Meta naħdmu minn dar għal dar, aħna mmorru darba wara l-​oħra għand nies li ma kinux interessati meta żorniehom id-​darba taʼ qabel. Għala, allura, nibqgħu mmorru? Aħna nirrealizzaw li ċ-​ċirkostanzi tan-​nies jinbidlu u li individwu li kien jidher indifferenti jew saħansitra kontra tagħna waqt żjara li saritlu qabel jistaʼ juri interess meta nerġgħu ngħaddulu. B’dan f’moħħna, aħna nippreparaw għaż-​żjara tagħna lura u nitolbu għall-​barka taʼ Jehovah sabiex xi ħaġa li ngħidu tistaʼ tħalli effett tajjeb.

4 Jekk, fix-​xogħol tagħna minn dar għal dar, aħna minn jeddna nippridkaw lil nies li qabel ma wrew l-​ebda interess, kemm għandna iktar għalfejn immorru lura minn jeddna għand xi ħadd li juri xi ftit taʼ l-​interess fil-​messaġġ tas-​Saltna?​—Atti 10:​34, 35.

5 Ħafna minna llum ninsabu fil-​verità għax xi pubblikatur kien paċenzjuż u għamlilna żjajjar lura. Jekk int wieħed minn dawn, tistaʼ tistaqsi lilek innifsek: ‘Fil-​bidu x’impressjoni ħallejt jien fuq dak il-​pubblikatur? Ħaddant mill-​ewwel il-​messaġġ tas-​Saltna meta smajt bih l-​ewwel darba? Stajt dhert indifferenti?’ Minflok, għandna nkunu henjin li l-​pubblikatur li reġaʼ żarna rana denji taʼ żjara lura u ‘rabba l-​qlubija permezz t’Alla’ tiegħu, u beda jgħallimna l-​verità. Xi ngħidu għal dawk l-​individwi li għall-​ewwel juru ftit taʼ l-​interess imma mbagħad jidhru li qegħdin jevitawna? Attitudni pożittiva hija vitali, kif turina l-​esperjenza li ġejja.

6 Waqt li darba fil-​għodu kmieni kienu qegħdin jieħdu sehem fl-​għoti taʼ xiehda fit-​toroq, żewġ pubblikaturi ltaqgħu maʼ mara żagħżugħa li kienet miexja b’tifel f’pushchair. Il-​mara aċċettat rivista u stiednet lill-​aħwa nisa biex imorru d-​dar tagħha l-​Ħadd taʼ wara. Huma waslu fil-​ħin miftiehem, imma l-​inkwilina qaltilhom li ma kellhiex ħin biex titkellem. Wegħdithom, madankollu, li se tkun disponibbli l-​ġimgħa taʼ wara. L-​aħwa nisa kienu dubjużi jekk din kinitx se żżomm l-​appuntament, imma l-​mara kienet qiegħda tistenniehom meta reġgħu marru. Inbeda studju, u l-​progress tal-​mara kien taʼ l-​għaġeb. Fi żmien qasir, bdiet tattendi l-​laqgħat regolarment u tieħu sehem fis-​servizz taʼ l-​għalqa. Din issa mgħammda.

7 Ħejji L-​Pedament Fl-​Ewwel Żjara: Il-​pedament għal żjara lura taʼ suċċess huwa taʼ spiss imħejji fl-​ewwel żjara. Agħti widen sewwa għall-​kummenti taʼ l-​inkwilin. Dawn x’jgħidulek? Inklinat hu lejn ir-​reliġjon? Imħasseb dwar kwistjonijiet soċjali? Interessat fix-​xjenza? fl-​istorja? fl-​ambjent? Fl-​aħħar taż-​żjara, tistaʼ tqajjem mistoqsija li tqanqal il-​ħsieb, u twiegħed li tiddiskuti t-​tweġiba tal-​Bibbja meta terġaʼ tmur.

8 Per eżempju, jekk l-​inkwilin jirreaġixxi għall-​wegħda tal-​Bibbja taʼ art magħmula ġenna, diskussjoni oħra fuq is-​suġġett tistaʼ tkun xierqa. Eżatt qabel ma titlaq, tistaʼ tistaqsi: “Kif nistgħu nkunu ċerti li Alla se jwettaq din il-​wegħda?” Imbagħad żid: “Forsi nistaʼ nerġaʼ ngħaddi meta l-​bqija tal-​familja tkun id-​dar, u mbagħad nistaʼ nurik it-​tweġiba tal-​Bibbja għal din il-​mistoqsija.”

9 Jekk l-​inkwilin ma wera interess fl-​ebda suġġett partikulari, tistaʼ tqajjem waħda mill-​mistoqsijiet li nsibu fil-​preżentazzjonijiet li hemm fil-​paġna taʼ wara taʼ Il-​Ministeru Tas-​Saltna u tuża dik bħala bażi għad-​diskussjoni tiegħek li jmiss.

10 Ħu Noti Miktubin Preċiżi: In-​noti tiegħek bid-​dettalji dwar kull dar għandhom ikunu eżatti u kompleti. Ikteb l-​isem u l-​indirizz taʼ l-​inkwilin hekk kif titlaq minn dik id-​dar. Toqgħodx tipprova taqtaʼ x’inhu n-​numru tad-​dar jew l-​isem tat-​triq​—iċċekkja l-​informazzjoni biex tkun ċert li hija eżatta. Niżżel deskrizzjoni taʼ l-​individwu. Ħu nota tas-​suġġett li ddiskutejtu, l-​iskritturi li qrajt, xi letteratura li ħallejt, u l-​mistoqsija li se twieġeb meta terġaʼ tmur. Inkludi l-​ġurnata u l-​ħin taʼ l-​ewwel żjara u meta għedt li se terġaʼ tgħaddi. Issa li n-​noti tiegħek huma kompleti, titlifhomx! Poġġihom f’post sigur sabiex tkun tistaʼ tirreferi għalihom iktar tard. Kompli aħseb dwar l-​individwu u x’se tagħmel fiż-​żjara li jmiss.

11 Kun Af X’Inhuma L-​Objettivi Tiegħek: L-​ewwel, billi tkun kordjali u dħuli, agħmel ħiltek biex isserraħ ras l-​inkwilin. Urih li int interessat fih bħala persuna, mingħajr ma tkun familjari żżejjed. Wara dan, fakkru f’xi mistoqsija li tkun qajjimt fiż-​żjara taʼ qabel. Agħti widen sew għall-​opinjoni tiegħu, u esprimi apprezzament sinċier għall-​kummenti tiegħu. Imbagħad, urih għala l-​ħarsa tal-​Bibbja hija prattika. Jekk inhu possibbli, idderiġieh lejn ħsieb li jaqbel fil-​ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Taʼ Dejjem. Żomm sew f’moħħok li l-​objettiv prinċipali tiegħek fiż-​żjajjar lura huwa li tipprova tibda studju tal-​Bibbja.

12 Il-​mod dirett li juża l-​ktieb Għarfien ispira lil ħafna minna biex ‘inrabbu l-​qlubija’ fuq l-​istudji tal-​Bibbja biex ninkuraġġixxu lill-​istudenti ħalli jattendu l-​laqgħat u jissieħbu maʼ l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah. Fil-​passat, kellna t-​tendenza li nistennew sakemm l-​individwi jkunu ilhom jistudjaw għal xi żmien mhux ħażin qabel ma nistednuhom biex jissieħbu magħna. Issa, ħafna studenti qegħdin jattendu l-​laqgħat hekk kif jibdew jistudjaw, u bħala riżultat qegħdin jimxu ’l quddiem b’pass iktar mgħaġġel.

13 Tnejn miżżewġin taw xiehda informali lil wieħed li kien jaħdem magħhom. Meta dan esprima interess fil-​verità, huma stednuh biex ikollu studju tal-​Bibbja fil-​ktieb Għarfien. Fl-​istess ħin, qalulu li jmissu jattendi l-​laqgħat, fejn ħafna mill-​mistoqsijiet tiegħu kienu se jitwieġbu. Ir-​raġel mhux talli aċċetta bil-​qalb kollha l-​istedina tagħhom biex jistudja imma wkoll studja darbtejn fil-​ġimgħa u beda jattendi l-​laqgħat regolarment fis-​Sala tas-​Saltna.

14 Uża L-​Brochure Alla X’Jirrikjedi Minna?: Fil-​Konvenzjonijiet Distrettwali “Messaġġiera Tal-​Paċi Divina,” irċevejna l-​brochure Alla X’Jirrikjedi Minna? Dan il-​brochure huwa utli f’li nibdew studji tal-​Bibbja maʼ nies li jibżgħu minn Alla hi x’inhi t-​tip t’edukazzjoni li għandhom. Dan fih kors taʼ studju komprensiv, li jkopri t-​tagħlim bażiku tal-​Bibbja. Il-​ktieb se jkun għodda effettiva f’li nagħmlu magħruf l-​għarfien t’Alla. Dan jispjega l-​verità b’mod tant ċar u sempliċi li kważi kważi kull wieħed minna se jkun jistaʼ jużah biex jgħallem lil oħrajn il-​ħtiġijiet t’Alla. X’aktarx li ħafna pubblikaturi se jkollhom il-​privileġġ li jikkonduċu studju tal-​Bibbja b’dan il-​brochure.

15 Xi individwi li jħossu li m’għandhomx il-​ħin biex jistudjaw il-​ktieb Għarfien forsi jkunu lesti li jkollhom sessjonijiet qosra jistudjaw il-​brochure X’Jirrikjedi. Se jistagħġbu b’dak li jitgħallmu! F’żewġ jew tliet paġni biss, se jsibu tweġibiet għal mistoqsijiet li n-​nies ilhom jistaqsu għal sekli sħaħ: Min hu Alla? Min hu x-​Xitan? X’inhu l-​iskop t’Alla għall-​art? X’inhi s-​Saltna t’Alla? Kif tistaʼ ssib il-​vera reliġjon? Għalkemm il-​brochure jippreżenta l-​verità bi kliem sempliċi, il-​messaġġ tiegħu huwa mimli qawwa. Hu jkopri punti prinċipali li l-​anzjani se jirrevedu mal-​kandidati għall-​magħmudija u jistaʼ jservi bħala l-​pass li jmiss għal studju iktar bir-​reqqa mill-​ktieb Għarfien.

16 Biex toffri studju fiż-​żjara lura, tistaʼ sempliċement tgħid: “Kont taf li billi tieħu biss ftit minuti, int jistaʼ jkollok it-​tweġiba għal xi mistoqsija importanti mill-​Bibbja?” Imbagħad, qajjem mistoqsija li tidher fil-​bidu taʼ xi waħda mil-​lezzjonijiet fil-​brochure. Per eżempju, jekk qiegħed iżżur persuna mdaħħla fiż-​żmien, tistaʼ tgħid: “Aħna nafu li fil-​passat Ġesù fejjaq lin-​nies. Imma fil-​futur Ġesù x’se jagħmel għall-​morda? għall-​anzjani? għall-​mejtin?” It-​tweġibiet jinsabu f’lezzjoni 5. Wieħed li hu inklinat lejn ir-​reliġjon tistaʼ tqumlu l-​kurżità bil-​mistoqsija: “Jismaʼ Alla t-​talb kollu?” Din hija mwieġba f’lezzjoni 7. Membri tal-​familja se jkunu jridu jafu: “Alla x’jirrikjedi mill-​ġenituri u mill-​ulied?” Se jsibu r-​risposta hekk kif jistudjaw lezzjoni 8. Xi mistoqsijiet oħrajn huma: “Jistgħu l-​mejtin jagħmlu ħsara lill-​ħajjin?” spjegata f’lezzjoni 11; “Għala hawn tant reliġjonijiet li jsostnu li huma Kristjani?” diskussa f’lezzjoni 13; u “Xi trid tagħmel biex issir ħabib t’Alla?” mgħoddija f’lezzjoni 16.

17 Għin Lil Dawk Li Jitkellmu Lingwa Oħra: Xi ngħidu dwar inkwilini li jitkellmu lingwa oħra? Jekk inhu possibbli, dawn għandhom jiġu mgħallmin bil-​lingwa li jafu l-​iktar. (1 Kor. 14:9) L-​indokratur tas-​circuit jistaʼ jipprovdi lil kull kongregazzjoni lista tal-​kongregazzjonijiet u l-​gruppi b’lingwi barranin f’dawk l-​inħawi. Billi jikkonsulta l-​lista, is-​segretarju jkun imbagħad jistaʼ jgħaddi kwalunkwe Foreign Language Follow-Up Slips (S-70a) li jirċievi mill-​membri tal-​kongregazzjoni lil dik il-​kongregazzjoni, jew grupp, li tieħu ħsieb dik il-​lingwa. Dawn m’għandhomx jintbagħtu lis-​Soċjetà. Jekk m’hemm l-​ebda kongregazzjoni jew grupp fil-​qrib u m’hemm l-​ebda pubblikatur lokali li jistaʼ jitkellem bil-​lingwa taʼ l-​inkwilin, il-​pubblikatur jistaʼ jipprova jistudja maʼ l-​inkwilin, billi juża l-​brochure X’Jirrikjedi fiż-​żewġ lingwi.

18 Wieħed pubblikatur li jitkellem bl-​Ingliż beda studju maʼ raġel li jitkellem bil-​Vjetnamiż u maʼ martu, li titkellem bit-​Taj. Matul l-​istudju ntużaw kotba u Bibbji bl-​Ingliż, bil-​Vjetnamiż, u bit-​Taj. Għalkemm għall-​ewwel il-​problema tal-​lingwa kienet taʼ sfida, il-​pubblikatur jikteb: “It-​tkabbir spiritwali tal-​koppja kien immedjat. Raw il-​bżonn li jibdew jattendu l-​laqgħat maż-​żewġt itfal tagħhom, u qegħdin jaqraw il-​Bibbja kull fil-​għaxija bħala familja. It-​tifla tagħhom li għandha sitt snin għandha l-​istudju tal-​Bibbja tagħha stess.”

19 Meta tistudja maʼ nies li jitkellmu lingwa oħra, tkellem bil-​mod, tkellem ċar kelma kelma, u uża kliem u frażijiet sempliċi. Żomm f’moħħok, madankollu, li nies li jitkellmu lingwa oħra għandhom jiġu ttrattati b’dinjità. M’għandhomx jiġu ttrattati bħal li kieku kienu xi tfal żgħar.

20 Agħmel użu tajjeb mill-​istampi sbieħ li hemm fil-​brochure X’Jirrikjedi. Jekk “stampa tiswa daqs elf kelma,” l-​għadd kbir taʼ stampi fil-​brochure se jiswew ferm iżjed għall-​inkwilin. Stiednu biex jaqra l-​iskritturi fil-​Bibbja tiegħu stess. Jekk l-​istudju jistaʼ jiġi kondott f’ħin fejn xi membru tal-​familja li jaf bl-​Ingliż hu disponibbli biex jaqdi bħala interpretu, dan ikun bla dubju taʼ benefiċċju.​—Ara l-​Our King­dom Ministry, April 1984, paġna 8.

21 Agħmel Iż-​Żjajjar Lura Mingħajr Dewmien: Kemm għandek tistenna sakemm tagħmel żjara lura? Xi pubblikaturi jmorru lura wara xi ġurnata jew tnejn li jkunu ltaqgħu l-​ewwel darba. Oħrajn imorru iktar tard fl-​istess ġurnata! Huwa dan kmieni wisq? Ġeneralment, l-​inkwilini ma jidhrux li jagħtu kas. Taʼ spiss hu l-​pubblikatur innifsu li għandu bżonn jikkultiva attitudni iktar pożittiva, flimkien maʼ ftit qlubija. Ikkunsidra l-​esperjenzi li ġejjin.

22 Wieħed pubblikatur li għandu 13-il sena kien qiegħed jaħdem minn dar għal dar meta ra żewġ nisa mexjin flimkien. Billi kien konxju taʼ l-​inkuraġġiment li nippridkaw lin-​nies kulfejn jinstabu, hu avviċina lin-​nisa fit-​triq. Dawn urew interess fil-​messaġġ tas-​Saltna u t-​tnejn li huma aċċettaw il-​ktieb Għarfien. Il-​ħu żagħżugħ kiseb l-​indirizzi tagħhom, mar lura jumejn wara, u beda studju tal-​Bibbja maʼ kull waħda minnhom.

23 Waħda oħt tagħmel arranġamenti biex terġaʼ tmur lura l-​ġimgħa taʼ wara. Imma xi ġurnata jew tnejn wara l-​ewwel żjara hi tgħaddi minn hemm biex tagħti lill-​inkwilin xi rivista fuq is-​suġġett li jkunu ddiskutew id-​darba taʼ qabel. Hi tgħid lill-​inkwilin: “Rajt dan l-​artiklu u ħsibt li tieħu pjaċir taqrah. Ma nistax nieqaf nitkellem issa, imma nerġaʼ niġi nhar l-​Erbgħa wara nofs in-​nhar kif ftehemna. Dak il-​ħin għadu tajjeb għalik?”

24 Meta xi individwu juri interess fil-​verità, nistgħu nkunu ċerti li se jiffaċċja xi oppożizzjoni b’xi mod jew ieħor. Li aħna nerġgħu mmorru malajr wara li jsir l-​ewwel kuntatt se jsaħħu biex jiflaħ kull pressjoni li jiffaċċja mill-​qraba, ħbieb tal-​qalb, u oħrajn.

25 Ikkultiva L-​Interess Taʼ Dawk Li Sibt F’Postijiet Pubbliċi: Ħafna minna nieħdu gost nippridkaw fit-​toroq, fejn jipparkjaw il-​karozzi, fuq tal-​linja, f’ċentri tal-​ħwienet, fil-​ġonna, u f’inħawi bħal dawn. Flimkien maʼ li nħallu l-​letteratura, hemm bżonn li nikkultivaw l-​interess. Għal dan l-​għan, għandu jsir sforz biex jinkiseb l-​isem, l-​indirizz u, jekk inhu possibbli, in-​numru tat-​telefon taʼ kull persuna li niltaqgħu magħha u li turi interess. M’huwiex diffiċli daqs kemm taħseb int biex tikseb din l-​informazzjoni. Hekk kif il-​konversazzjoni qiegħda toqrob lejn it-​tmiem, oħroġ il-​ktieb tiegħek tan-​noti u staqsi: “Hemm xi mod kif nistgħu nkomplu din il-​konversazzjoni f’xi ħin ieħor?” Jew għid: “Nixtieqek taqra artiklu li jien ċert li se jinteressak. Nistaʼ nġibulek id-​dar jew fl-​uffiċċju?” Wieħed ħu sempliċement jistaqsi: “X’numru għandek biex nagħmel kuntatt miegħek?” Hu jirrapporta li fi tliet xhur, ħlief għal tliet persuni, kulħadd kien lest li jagħtih in-​numru tiegħu tat-​telefon.

26 Uża T-​Telefon Biex Issib u Tikkultiva L-​Interess: Waħda oħt tuża t-​telefon biex tilħaq lin-​nies li jgħixu f’bini taʼ sigurtà kbira. Hi tagħmel ukoll żjajjar lura bl-​istess mod. L-​ewwel darba li ċċempel, hi tgħid: “Naf li int ma tafnix. Qiegħda nagħmel sforz speċjali biex nikkuntattja lin-​nies fl-​inħawi tiegħek biex naqsam ħsieb mill-​Bibbja. Jekk għandek ftit ħin, nixtieq naqralek il-​wegħda li nsibu fi . . .” Wara li taqra l-​iskrittura, hi tgħid: “Ma tkunx xi ħaġa taʼ l-​għaġeb jekk inkunu nistgħu naraw dak iż-​żmien jasal? Ħadt gost naqrahielek din. Jekk int ħadt gost ukoll, nixtieq nerġaʼ nċempel u niddiskuti skrittura oħra.”

27 Id-​darba li jmiss li terġaʼ ċċempel, hi tfakkar lill-​inkwilin dwar il-​konversazzjoni li kellhom iktar qabel u tgħid li tixtieq taqra mill-​Bibbja x’tip taʼ kundizzjonijiet se jkun hawn meta l-​ħażen jispiċċa. Imbagħad tiddiskuti fil-​qosor minn fuq il-​Bibbja maʼ l-​inkwilin. Matul perijodu taʼ ħafna konversazzjonijiet permezz tat-​telefon, 35 ruħ stednuha biex tmur id-​dar tagħhom u nbdew sebaʼ studji tal-​Bibbja fid-​djar! Huwa xi kultant diffiċli għalik biex tagħmel żjajjar lura lil xi persuni interessati matul ix-​xhur kesħin tax-​xitwa minħabba xi toroq magħluqin, xita qalila, jew mard? Jekk inhu hekk, għala ma tagħmilx kuntatt magħhom permezz tat-​telefon?

28 Kompli Ibni Fuq L-​Interess Li Sibt F’Postijiet Tan-​Negozju: Hemm ħafna iktar involut fix-​xogħol minn ħanut għal ħanut milli sempliċement noffru r-​rivisti. Ħafna sidien tal-​ħwienet għandhom interess sinċier fil-​verità, u dak l-​interess irid jiġi kkultivat. F’ċerti każi, jistaʼ jkun possibbli li ssir diskussjoni mill-​Bibbja jew saħansitra studju sewwa sew fuq il-​post. F’każijiet oħrajn, int u l-​individwu li juri interess forsi tkunu tistgħu tiltaqgħu matul il-​waqfa taʼ nofs in-​nhar jew f’xi ħin konvenjenti ieħor.

29 Wieħed indokratur li jivvjaġġa żar sid taʼ ħanut żgħir tal-​merċa u offrielu li jurih kif isir studju tal-​Bibbja. Meta ġie mistoqsi kemm se ddum din it-​turija, l-​indokratur li jivvjaġġa qal li kienet se tieħu biss 15-il minuta. Għal dan, sid il-​ħanut dendel tabella mal-​bieb: “Lura f’20 Minuta,” ħareġ żewġ siġġijiet, u t-​tnejn li huma ddiskutew l-​ewwel ħames paragrafi tal-​ktieb Għarfien. Dan ir-​raġel sinċier kien tant impressjonat b’dak li tgħallem li attenda l-​Laqgħa Pubblika u l-​Istudju tat-​Torri Taʼ L-​Għassa taʼ dak il-​Ħadd u aċċetta li jkompli l-​istudju l-​ġimgħa taʼ wara.

30 Biex toffri studju f’post tan-​negozju, tistaʼ tgħid hekk: “Jinvolvi biss 15-il minuta biex nurik kif jaħdem il-​programm tagħna taʼ studju mill-​Bibbja. Jekk inhu konvenjenti, nieħu pjaċir nurik kif dan isir.” Imbagħad, żomm mal-​ħin li għandek. Jekk m’huwiex possibbli li jkollok diskussjoni twila f’post tan-​negozju, jistaʼ jkun iktar addattat li żżur lil sid il-​ħanut fid-​dar tiegħu.

31 Erġaʼ Mur Anki Meta Ma Tħalli L-​Ebda Letteratura: Kull xrara taʼ interess jistħoqqilha żjara lura, kemm jekk tħalliet xi letteratura u kemm jekk le. M’għandniex xi ngħidu, jekk jidher ċar li l-​inkwilin verament m’huwiex interessat fil-​messaġġ tas-​Saltna, huwa aħjar li tidderieġi l-​isforzi tiegħek x’imkien ieħor.

32 Fix-​xogħol minn bieb għal bieb, waħda oħt iltaqgħet maʼ mara li kienet verament dħulija imma li rrifjutat għalkollox l-​offerta tar-​rivisti. Il-​pubblikatriċi tikteb: “Domt ġranet sħaħ naħseb dwarha u ddeċidejt li xtaqt nerġaʼ nitkellem magħha.” Fl-​aħħar, l-​oħt talbet, rabbiet il-​kuraġġ, u ħabbtet fuq il-​bieb tal-​mara. B’ferħ għaliha l-​inkwilina stednitha ġewwa. Inbeda studju tal-​Bibbja, u reġaʼ ġie kondott il-​ġimgħa taʼ wara. Maż-​żmien, l-​inkwilina ġiet fil-​verità.

33 Ippjana Minn Qabel Biex Twettaq L-​Iktar Li Tistaʼ: Huwa rrikmandat li għandna nqattgħu ftit ħin kull ġimgħa biex isiru żjajjar lura. Jistaʼ jitwettaq ħafna b’ippjanar tajjeb. Iġbor iż-​żjajjar li għandek fl-​istess naħa fejn se tkun taħdem minn dar għal dar. Meta x-​xogħol ikun qiegħed isir permezz taʼ karozza, il-​grupp għandu jinżamm fiċ-​ċokon sabiex kull wieħed ikollu opportunità sħiħa biex jagħmel żjajjar lura. Is-​sewwieq għandu jkun jaf minn qabel fejn se jsiru ż-​żjajjar lura sabiex jiġi evitat sewqan bla bżonn.

34 Dawk li għandhom suċċess f’li jagħmlu żjajjar lura u f’li jibdew studji tal-​Bibbja fid-​djar jgħidu li huwa essenzjali li nuru interess persunali sinċier fin-​nies u li nibqgħu naħsbu dwarhom anki wara li ssir iż-​żjara. Huwa wkoll neċessarju li jkollna suġġett mill-​Bibbja x’niddiskutu li jappella u li nqiegħdu l-​pedament għaż-​żjara lura qabel ma ntemmu l-​ewwel żjara. Barra minn hekk, huwa importanti li mmorru lura fil-​pront biex nibnu fuq l-​interess li jkun intwera. L-​objettiv li nibdew studju tal-​Bibbja rridu dejjem inżommuh sew f’moħħna.

35 Kwalità vitali għal suċċess fix-​xogħol taż-​żjajjar lura hija l-​qlubija. Din kif tinkiseb? L-​appostlu Pawlu jwieġeb billi jgħid li aħna ‘nrabbu l-​qlubija’ biex niddikjaraw l-​aħbar tajba lil oħrajn “permezz t’Alla tagħna.” Jekk int teħtieġ li titjieb f’dan l-​aspett, itlob lil Jehovah għall-​għajnuna. Imbagħad, fi qbil mat-​talb tiegħek, kompli ibni fuq kull interess li jintwera. Jehovah ċertament li se jbierek l-​isforzi tiegħek!

[PLEASE SET THE FOLLOWING IN A BOX, IN THE CENTER OF PAGE 3:]

Kif Ikollok Suċċess F’Li

Tagħmel Żjajjar Lura

■ Uri interess persunali sinċier fin-​nies.

■ Agħżel suġġett mill-​Bibbja x’tiddiskuti li jappella.

■ Qiegħed il-​pedament għal kull żjara suċċessiva.

■ Kompli aħseb fuq il-​persuna wara li titlaq.

■ Irritorna wara ġurnata jew tnejn biex tkompli tibni dak l-​interess.

■ Żomm f’moħħok l-​objettiv tiegħek li tibda studju tal-​Bibbja.

■ Itlob għall-​għajnuna biex trabbi l-​qlubija għal dan ix-​xogħol.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja