Jinħtieġu—Iktar Studji tal-Bibbja
1 Alla Jehovah qiegħed ibierek l-organizzazzjoni tiegħu fuq l-art bi żjieda kontinwa. Fis-sena taʼ servizz li għaddiet, tgħammdu 375,923 mad-dinja kollha—medja taʼ ’l fuq minn 1,000 dixxiplu ġdid kull jum, jew madwar 43 kull siegħa! Minkejja ż-żmien twil taʼ tbatija li ħutna setgħu ffaċċjaw f’diversi partijiet tad-dinja, ix-xogħol tas-Saltna qed jiffjorixxi u qed jiġu esperjenzati żjidiet taʼ min jinnotahom. Kemm huwa eċċitanti li taqra dwar l-avvanz li qed isir f’li tixxerred l-aħbar tajba!
2 F’Malta, fis-sena taʼ servizz li għaddiet, aħna wkoll rajna żjieda fil-pijunieri awżiljarji, u fl-għadd taʼ ktejjeb, browxers, u rivisti mqassmin. L-attendenza għall-Mafkar kienet taʼ 823. Xi ngħidu għall-attività taż-żjajjar lura u l-istudji tal-Bibbja? Kellna tnaqqis fit-total taʼ żjajjar lura li saru u tnaqqis taʼ 7 fil-mija fl-istudji tal-Bibbja. U madankollu, dawn l-aspetti tal-ministeru huma dak kollu li jinvolvi x-xogħol taʼ li jintgħamlu dixxipli. X’jistaʼ jagħmel kull wieħed u waħda minna biex inreġġgħu lura din it-tendenza li sejra għan-niżla fiż-żjajjar lura u l-istudji tal-Bibbja?
3 Saħħaħ ix-Xewqa li Tikkonduċi Studju: Aħna nfusna għandna bżonn niffokaw fuq li nkunu b’saħħitna u attivi spiritwalment. Is-segwaċi veri taʼ Kristu huma ‘mħeġġin għall-għemil it-tajjeb.’ (Titu 2:14) Meta nirrevedu l-ministeru tagħna, nistgħu aħna ngħidu li aħna ħerqanin intensament biex nerġgħu mmorru għand dawk kollha li fl-għalqa nkunu ħallejnielhom xi letteratura? Entużjasti aħna dwar li noffru studji tal-Bibbja fid-djar lil dawk kollha li juru interess? (Rum. 12:11) Jew għandna bżonn niżviluppaw xewqa akbar biex nagħmlu żjajjar lura u nibdew studji tal-Bibbja fid-djar?
4 Il-qari persunali tal-Bibbja, l-attendenza regulari għal-laqgħat, u l-istudju tal-pubblikazzjonijiet se jżommuna friski spiritwalment u mqawwijin bl-ispirtu taʼ Alla. (Efes. 3:16-19) Dan se jsaħħilna l-fidi u l-fiduċja tagħna f’Jehovah u l-imħabba tagħna għall-proxxmu. Se niġu mmotivati li ngħallmu l-verità lil ħaddieħor, u allura nagħmlu l-ministeru tagħna interessanti, taʼ suċċess, u stimulanti. Iva, aħna għandna nkunu rridu iktar studji tal-Bibbja!
5 Studja mal-Familja l-Ewwel: Ġenituri Kristjani li għandhom it-tfal jgħixu taħt l-istess saqaf għandhom ikunu kkonċernati bil-programm tagħhom taʼ studju tal-Bibbja regulari mal-familja. (Dt. 31:12; Salm 148:12, 13; Prov. 22:6) Ikun taʼ benefiċċju kbir għall-ġenituri li jistudjaw il-browxer X’Jirrikjedi u mbagħad il-ktieb Għarfien mat-tfal tagħhom u jħejjuhom biex jikkwalifikaw bħala pubblikaturi mhux mgħammdin u għad-dedikazzjoni u l-magħmudija. M’għandniex xi ngħidu, materjal ieħor jistaʼ jiġi kkunsidrat, skond il-bżonn u l-età tat-tifel jew tifla. Ġenitur li jistudja maʼ tifel li mhux mgħammed jistaʼ jgħodd l-istudju, il-ħin, u ż-żjajjar lura, bħalma ħareġ il-punt fil-Kaxxa għall-Mistoqsija fl-Our Kingdom Ministry t’April 1987.
6 Tejjeb l-Organizzazzjoni Persunali: Meta tikkunsidra l-għadd taʼ rivisti, browxers, u kotba mqassmin, m’hemm l-ebda dubju li ammont kbir taʼ żerriegħa qed tiġi mferrxa. Dawn iż-żrieragħ taʼ verità li ġew miżrugħin għandhom potenzjal qawwi f’li jipproduċu dixxipli ġodda. Imma jkun bidwi jew ġardinar verament sodisfatt jekk kontinwament iħawwel u, wara l-isforzi tiegħu kollha, qatt ma jsib ħin biex jaħsad? Xejn affattu. Bl-istess mod, il-ministeru fl-għamla taʼ żjajjar lura huwa meħtieġ.
7 Tħalli int ħin fl-iskeda tiegħek regolarment biex tagħmel żjajjar lura? Erġaʼ mur malajr kulfejn issib l-interess. Agħmel żjajjar lura bil-mira li tibda studju tal-Bibbja. Iżżomm int nota pulita, aġġornata, u organizzata sewwa taż-żjajjar lura tiegħek? Flimkien maʼ l-isem u l-indirizz taʼ l-inkwilin, kun żgur li tniżżel id-data taż-żjara inizjali, kwalunkwe letteratura li tħalliet, deskrizzjoni fil-qosor taʼ dak li ġie diskuss, u xi punt li jistaʼ jiġi żviluppat fiż-żjara li jmiss. Ħalli spazju fin-nota tiegħek biex iżżid iktar informazzjoni wara kull żjara lura.
8 Analizza Kif Issir Żjara Lura: X’inhuma xi punti li għandek iżżomm f’moħħok meta żżur lura lil individwu li wera interess? (1) Kun kordjali, dħuli, entużjastiku, u informali. (2) Iddiskuti suġġetti jew mistoqsijiet li jinteressawh. (3) Żomm id-diskussjoni sempliċi, u Skritturali. (4) F’kull żjara, agħmel li tistaʼ biex tgħallem lill-inkwilin xi ħaġa li hu se jqisha taʼ valur persunali għalih. (5) Ibni antiċipazzjoni għas-suġġett li jkun se jiġi diskuss fiż-żjara li jmiss. (6) Iddumx iżżejjed. (7) Issaqsix mistoqsijiet li lill-inkwilin iġagħluh jistħi jew ipoġġuh dahru mal-ħajt. (8) Uża d-dixxerniment sabiex ma tikkundannax l-opinjonijiet żbaljati jew id-drawwiet ħżiena taʼ l-inkwilin qabel ma jiġi kkultivat apprezzament spiritwali.—Ara l-insert taʼ Il-Ministeru tas-Saltna taʼ Marzu 1997 għal iktar għajnuna dwar kif ikollok suċċess f’li tagħmel iż-żjajjar lura u tibda studji tal-Bibbja.
9 Esplora Kull Possibbiltà: F’kongregazzjoni waħda, kien possibbli li jinkisbu l-ismijiet u n-numri taʼ l-appartamenti taʼ dawk kollha li kienu joqogħdu f’bini mgħammar b’sistema taʼ sigurtà sofistikata. Inkitbet ittra persunali lil kull resident, u ġew inklużi żewġ fuljetti. Fl-aħħar taʼ l-ittra, ġie offrut studju tal-Bibbja u ġie inkluż numru lokali tat-telefon sabiex dak li jirċievi l-ittra jkun jistaʼ jwieġeb. Fi ftit jiem, żagħżugħ ċempel u talab studju. L-għada saritlu żjara lura, u ġie stabbilit studju fuq il-ktieb Għarfien. Dik il-lejla stess hu attenda għall-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni, u kompla jattendi għal-laqgħat kollha. Kważi immedjatament, beda jaqra l-Bibbja kuljum. Hu għamel progress stabbli lejn il-magħmudija.
10 Grupp taʼ pubblikaturi b’karozza waħda ftiehmu li jagħmlu xi żjajjar lura flimkien. Meta oħt għamlet waħda miż-żjajjar tagħha, il-persuna li kienet qed tfittex ma kinitx id-dar, imma żagħżugħa oħra fetħet il-bieb, u qalet: “Kont qed nistenniekom.” L-inkwilina kienet irċeviet il-ktieb Għarfien iktar kmieni mingħand xi ħadd li kienet tafu. Minn dakinhar sa meta l-aħwa ħabbtulha l-bieb, hi kienet qrat il-ktieb kollu darbtejn u baqgħet impressjonata ħafna bl-informazzjoni li kien fih. Qalet li hi ma kinitx sorpriża meta rat lix-Xhieda jħabbtulha l-bieb dak in-nhar għaliex hi kienet qagħdet titlob biex huma jiġu u jistudjaw il-Bibbja magħha. Inbeda studju magħha, bdiet tattendi għal-laqgħat tal-kongregazzjoni, u għamlet avvanz mgħaġġel.
11 Oħt, li kienet ilha mgħammda għal kważi 25 sena, dan l-aħħar tat il-ktieb Għarfien lil ommha. Ommha, membru tal-knisja, bdiet taqra l-ktieb. Wara li kienet lestiet żewġ kapitli, hi ċemplet lil bintha u, din tgħidx kemm skantat meta ommha, qalet: “Irrid insir waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah!” L-omm bdiet tistudja u issa hija mgħammda.
12 Ipprova Dawn is-Suġġerimenti: Qatt użajt il-metodu dirett biex tibda studji tal-Bibbja? Tistaʼ sempliċement tgħid: “Jekk tixtieq ikollok studju tal-Bibbja b’xejn, nistaʼ nurik fi ftit minuti kif dan isir. Jekk tieħu gost, tistaʼ tkompli.” Ħafna nies ma jaħsbuhiex darbtejn biex jaċċettaw offerta bħal din, u jkunu lesti li jaraw kif isir studju tal-Bibbja.
13 Kmieni fl-istudju, uri lill-istudent kif jipprepara bil-quddiem billi jaqra l-iskritturi ċitati u jirriga l-kliem prinċipali bi tweġiba għall-mistoqsijiet stampati. Ikkonċentra biss fuq il-punti prinċipali. Għalkemm forsi jkollna bżonn inkunu flessibbli għall-ewwel ftit sessjonijiet, huwa importanti li studju tal-Bibbja jinżamm fuq bażi regulari. Irid ikollok f’moħħok kif se tintroduċi t-talba bħala parti essenzjali taʼ l-istudju u kif se tipprepara Skritturalment lill-istudent għal oppożizzjoni. Qatt tonqos li tagħmel l-istudju wieħed ħaj!
14 M’għandniex xi ngħidu, mhux l-istudenti kollha tal-Bibbja jimxu ’l quddiem bl-istess rata. Xi wħud m’humiex daqshekk inklinati spiritwalment daqs oħrajn u lanqas ma huma ħfief biex jassorbu l-affarijiet li jkunu qed jiġu mgħallmin. Oħrajn għandhom ħajja mgħaġġla ħafna u għandu mnejn ma jkunux jistgħu jiddedikaw biżżejjed ħin biex ikopru kapitlu sħiħ kull ġimgħa. B’hekk, f’ċerti każi għandu mnejn ikun neċessarju li ssir iktar minn sessjoni waħda taʼ studju biex jiġu koperti ċerti kapitli u ftit iktar xhur biex jitlesta l-ktieb. F’xi każi nistgħu l-ewwel nistudjaw il-browxer X’Jirrikjedi mbagħad ngħaddu għall-ktieb Għarfien. Dan, flimkien maʼ l-attendenza għal-laqgħat tal-kongregazzjoni, se jgħin lil kull student biex ikollu pedament sod fil-verità.
15 Fuq kollox, itlob għal studju tal-Bibbja! (1 Ġw. 3:22) Waħda mill-iktar esperjenzi premjanti għal Kristjan hija li jiġi wżat minn Jehovah biex jgħin lil xi ħadd isir dixxiplu taʼ Ġesù Kristu. (Atti 20:35; 1 Kor. 3:6-9; 1 Tess. 2:8) Issa huwa ż-żmien li nuru żelu kbir fix-xogħol taʼ l-istudji tal-Bibbja, billi nkunu fiduċjużi għalkollox li Jehovah se jberikna bil-kbir għall-isforzi tagħna sabiex nibdew iktar studji!
[Kumment f’paġna 3]
Qiegħed int titlob biex tibda studju tal-Bibbja ġdid?