Ħarsa Progressiva Lejn Ix-xogħol Urġenti Taʼ Li Nagħmlu Dixxipli
1 Qabel ma ħalla l-art, Ġesù kkmanda lis-segwaċi tiegħu biex ‘jagħmlu dixxipli mill-ġnus kollha.’ Dan irrikjeda li jieħdu sehem f’kampanja intensiva taʼ ppridkar u tagħlim u jestendu l-attività tagħhom maʼ l-art abitata kollha. (Mt. 28:19, 20; Atti 1:8) Qisuh huma dan l-inkarigu bħala tagħbija tqila wisq biex iġorruha? Mhux skond l-appostlu Ġwanni. Wara li qattaʼ 65 sena bħala wieħed li jagħmel dixxipli, hu kiteb: “Din hi l-imħabba taʼ Alla, li nżommu l-kmandamenti tiegħu; u l-kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.”—1 Ġw. 5:3.
2 Dak li hemm miktub fl-Iskrittura dwar l-attività tal-Kristjani bikrin jagħti prova li huma ħadmu b’urġenza fl-inkarigu tagħhom biex jagħmlu dixxipli taʼ Ġesù Kristu. (2 Tim. 4:1, 2) Dan għamluh, mhux sempliċement bħala dmir, imma minħabba x-xewqa kollha mħabba tagħhom li jfaħħru ’l Alla u jwasslu t-tama taʼ salvazzjoni lil oħrajn. (Atti 13:47-49) Peress li dawk kollha li saru dixxipli mbagħad għamlu dixxipli huma nfushom, il-kongregazzjoni Kristjana kibret malajr fl-ewwel seklu.—Atti 5:14; 6:7; 16:5.
3 Ix-Xogħol taʼ li Nagħmlu Dixxipli Jsir b’Rata Iktar Mgħaġġla: L-akbar xogħol li qatt kien hawn taʼ li wieħed jagħmel dixxipli qed jitwettaq f’dan is-seklu 20! S’issa, miljuni taʼ nies aċċettaw l-aħbar tajba u aġixxew fuqha. (Lq. 8:15) Ladarba ż-żmien għas-sistema t’affarijiet preżenti qed jiskadi bil-ħeffa, “l-irsir leali u diskret” ipprovdielna l-għodod li jagħmluha possibbli għan-nies taʼ qalb onesta li jitgħallmu l-verità malajr.—Mt. 24:45, NW.
4 Fl-1995 irċevejna l-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem, u fl-1996 dan ġie segwit mill-browxer Alla X’Jirrikjedi Minna? Rigward il-ktieb Għarfien, il-ħarġa taʼ It-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Frar, 1996, paġina 9 qalet: “Dan il-ktieb taʼ 192 paġna jistaʼ jiġi studjat f’perijodu komparattivament qasir, u dawk ‘disposti sewwa għall-ħajja taʼ dejjem’ għandhom ikunu jistgħu jitgħallmu biżżejjed permezz taʼ studju minn fuqu biex jagħmlu dedikazzjoni lil Jehovah u jitgħammdu.”—Atti 13:48, NW.
5 L-insert taʼ Il-Ministeru tas-Saltna taʼ Ġunju 1996, “Kif Nagħmlu Dixxipli Bil-Ktieb Għarfien,” tana din il-mira: “Dejjem skond iċ-ċirkostanzi taʼ l-istudent u l-abbiltà tiegħu li jitgħallem, jistaʼ jkun possibbli għalik li tkopri l-biċċa l-kbira tal-kapitli f’sessjoni waħda taʼ siegħa jew xi ħaġa hekk, mingħajr ma tgħaġġel l-istudju. L-istudenti jagħmlu progress aħjar meta kemm l-għalliem u kemm l-istudent iżommu l-appuntament tagħhom għall-istudju kull ġimgħa.” L-artiklu kompla jgħid: “Huwa mistenni li saż-żmien li persuna tlesti studju fil-ktieb Għarfien, is-sinċerità u l-profondità taʼ l-interess tagħha f’li taqdi ’l Alla għandhom ikunu jidhru ċari.” Il-Kaxxa għall-Mistoqsija f’Il-Ministeru tas-Saltna t’Ottubru 1996 spjegat: “Huwa mistenni li f’perijodu relattivament qasir taʼ żmien, għalliem effettiv ikun kapaċi jgħin lil student sinċier taʼ livell normali biex jikseb għarfien biżżejjed ħalli jagħmel deċiżjoni intelliġenti biex jaqdi lil Jehovah.”
6 Il-Ktieb Għarfien Jagħti Riżultati: Fl-okkażjoni tal-magħmudija tagħha, waħda mara żagħżugħa rrakkontat kif ħassitha dwar li tistudja l-ktieb Għarfien. Għal xi żmien, kienet qed tistudja l-ktieb Tgħix Għal Dejjem. Meta ħareġ il-ktieb Għarfien, l-oħt li kienet tikkonduċilha l-istudju qalbet għall-ktieb il-ġdid. L-istudenta malajr setgħet tara li dan kien se jirrikjedi deċiżjoni min-naħa tagħha, u ġiet imqanqla biex minn dak in-nhar ’il quddiem tagħmel progress mgħaġġel. Il-mara żagħżugħa, issa oħtna, tgħid: “Il-ktieb Tgħix Għal Dejjem għeni nħobb lil Jehovah, imma l-ktieb Għarfien għeni nieħu d-deċiżjoni li naqdi Lilu.”
7 Ikkunsidra kemm mara oħra tgħallmet il-verità malajr. Wara t-tieni studju tagħha, attendiet laqgħa fis-Sala tas-Saltna matul iż-żjara taʼ l-indokratur tas-circuit. Dik il-ġimgħa, fit-tielet studju tagħha, qaltlu li kienet għamlet id-dedikazzjoni tagħha lil Jehovah u riedet issir pubblikatriċi mhix mgħammda. Iltaqgħet maʼ l-anzjani, li approvawha bħala pubblikatriċi, u l-ġimgħa taʼ wara bdiet toħroġ fuq is-servizz taʼ l-għalqa. Tant saret involuta fl-istudju tagħha tal-Bibbja li ħadet vaganza mix-xogħol sabiex tistudja darbtejn jew tlieta kull ġimgħa u tqattaʼ iktar ħin fil-ministeru. Xi kultant, kienu jgħaddu żewġ kapitli jew tlieta kull sessjoni. Bdiet tapplika f’kull aspett taʼ ħajjitha dak li kienet qed titgħallem, spiċċat il-ktieb Għarfien f’erbaʼ ġimgħat, u pprogressat għall-magħmudija!
8 Ir-raġel taʼ waħda oħt jiddeskrivi lilu nnifsu bħala li kien “wieħed tipiku bħala sieħeb mhux taʼ l-istess twemmin.” Darba waħda, ħu offrielu studju tal-Bibbja fil-ktieb Għarfien bil-kundizzjoni li r-raġel setaʼ jieqaf wara l-ewwel studju jew meta jrid. Ir-raġel qabel li jipprova, minkejja l-fatt li meta kien żagħżugħ ma tantx kien student tajjeb u li kien ilu ma jistudja letteratura reliġjuża taʼ kwalunkwe tip għal iktar minn 20 sena. X’kienet ir-reazzjoni tiegħu għal li jistudja l-ktieb Għarfien? Hu qal: “Veru ħadt pjaċir meta sibt li din l-għajnuna għall-Bibbja kienet miktuba b’daqstant sempliċità. L-informazzjoni tant kienet ippreżentata b’mod ċar u loġiku li ftit żmien wara kont bdejt nistennieh bil-ħerqa l-istudju li jkun imiss. L-għalliem tiegħi segwa b’sengħa l-metodi mogħtijin mis-Soċjetà biex jagħmilni dixxiplu, u bil-għajnuna taʼ l-ispirtu taʼ Jehovah tgħammidt erbaʼ xhur wara. Verament nistaʼ ngħid li jekk niżviluppaw imħabba biex nagħmlu dixxipli, billi fil-ministeru taʼ l-għalqa nkomplu nfittxu lil dawk taʼ qalb disposta, nagħmlu użu mill-ktieb Għarfien u għajnuniet għall-Bibbja oħrajn ipprovduti mis-Soċjetà u, l-iktar importanti, nitolbu għad-direzzjoni taʼ Jehovah, jistaʼ jkollna preċiżament il-privileġġ speċjali li ngħinu f’li nagħmlu dixxipli.” Dawn l-esperjenzi t’hawn fuq huma verament eċċezzjoni. Il-biċċa l-kbira taʼ l-istudenti tagħna ma jiġux fil-verità daqshekk malajr.
9 L-Istudenti Jipprogressaw b’Rati Differenti: Irridu nirrikonoxxu li l-abbiltajiet kemm taʼ l-għalliem u kemm taʼ l-istudenti tal-Kelma t’Alla jistgħu jvarjaw b’mod konsiderevoli. L-iżvilupp spiritwali jistaʼ jkun bil-mod jew mgħaġġel. Fi ftit xhur xi studenti jagħmlu l-progress li oħrajn jieħdu żmien twil biex jagħmluh. Ir-rata taʼ żvilupp spiritwali taʼ individwu hija effettwata mill-isfond edukazzjonali tiegħu, mill-grad t’apprezzament tiegħu għal affarijiet spiritwali, u mill-profondità tad-devozzjoni tiegħu lejn Jehovah. Mhux kulmin nistudjaw miegħu għandu l-“ħeġġa kollha” biex jistudja l-Iskrittura kuljum, bħalma għamlu l-Berijani tal-qedem li emmnu.—Atti 17:11, 12.
10 Hu għalhekk li l-insert taʼ Il-Ministeru tas-Saltna, t’April 1998, “Jinħtieġu—Iktar Studji tal-Bibbja,” jagħti din id-direzzjoni realistika: “M’għandniex xi ngħidu, mhux l-istudenti kollha tal-Bibbja jimxu ’l quddiem bl-istess rata. Xi wħud m’humiex daqshekk inklinati spiritwalment daqs oħrajn u lanqas ma huma ħfief biex jassorbu l-affarijiet li jkunu qed jiġu mgħallmin. Oħrajn għandhom ħajja mgħaġġla ħafna u għandu mnejn ma jkunux jistgħu jiddedikaw biżżejjed ħin biex ikopru kapitlu sħiħ kull ġimgħa. B’hekk, f’ċerti każi għandu mnejn ikun neċessarju li ssir iktar minn sessjoni waħda taʼ studju biex jiġu koperti ċerti kapitli u ftit iktar xhur biex jitlesta l-ktieb.”
11 Dawk li Jagħmlu Dixxipli Jżommu Ħarsa Bbilanċjata: Hemm bżonn li niddeterminaw il-pass taʼ l-istudju skond iċ-ċirkustanzi u l-abbiltà taʼ l-istudent. Peress li qed niġu inkuraġġiti li nibdew studji bil-browxer X’Jirrikjedi, jistaʼ jkun li nieħdu minn xahar sa tliet xhur qabel ma nibdew il-ktieb Għarfien. Jekk nużaw is-suġġerimenti kollha li ġew enfasizzati fl-insert taʼ Il-Ministeru tas-Saltna taʼ Ġunju 1996, jistaʼ jkun hemm bżonn li nieħdu sitt xhur oħra jew disgħa biex jitlesta l-ktieb Għarfien. Xi wħud li kienu għadhom kif bdew studju bil-ktieb Għarfien qalbu għall-browxer X’Jirrikjedi biex jgħinu lill-istudent jitgħallem il-veritajiet bażiċi tal-Bibbja iktar malajr. Imbagħad tkompla l-istudju mill-ktieb Għarfien. Jekk jinbeda studju bil-ktieb Għarfien u dan jipprogressa tajjeb, forsi jkun taʼ vantaġġ li jiġi studjat il-browxer X’Jirrikjedi wara li jitlesta l-ktieb, u b’hekk jiġu rreveduti malajr il-veritajiet bażiċi tal-Kelma t’Alla. Fiż-żewġ każi, ma rridux li minħabba l-għaġla nissagrifikaw il-fehma ċara li jrid ikollu l-istudent. Kull student għandu bżonn bażi solida għall-fidi ġdida li sab fil-Kelma t’Alla.
12 Meta nqisu fejn qegħdin fil-mogħdija taż-żmien, huwa urġenti iktar minn qatt qabel li ngħinu lin-nies jitgħallmu l-verità. Minbarra li nitolbu kontinwament biex nibdew studji tal-Bibbja ġodda, ejjew nitolbu għal dawk li diġà qed jistudjaw magħna. Imbagħad se jkun il-ferħ tagħna, li nkomplu ngħammdu iktar dixxipli “dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.”—Mt. 28:20.