Programm Ġdid tal-Jum t’Assemblea Speċjali
Illum il-ġurnata hawn ħafna informazzjoni disponibbli fuq kif inżommu l-qalb letterali tagħna f’saħħitha sabiex inkunu nistgħu ngawdu ħajja iktar pjaċevoli u itwal. Biss li nżommu l-qalb figurattiva tagħna f’saħħitha huwa taʼ iktar importanza. Mela kemm hija xierqa t-tema tal-programm ġdid tal-jum t’assemblea speċjali li se jibda f’Settembru taʼ l-2003: “Naqdu lil Jehovah b’Qalb Sħiħa.” (1 Kron. 28:9) Għal liema tagħlim nistgħu nħarsu bil-quddiem?
L-indokratur tas-circuit se jiddiskuti s-suġġett “Ngħinu lil Oħrajn Jaqdu lil Jehovah bil-Ferħ.” L-intervisti se jenfasizzaw il-ferħ li jiġi meta nikkultivaw l-interess u nikkonduċu studji tal-Bibbja maʼ individwi li jridu jaqdu lil Jehovah. Bla ebda dubju, kulmin jattendi se jikseb il-faraġ u l-inkuraġġiment mill-ewwel taħdita tal-kelliemi li jkun qed iżurna, “Ngħassu lil Qlubna f’Dinja Kollha Inkwiet.” Is-sessjoni taʼ fil-għodu se tikkonkludi bit-taħdita tal-magħmudija.
Wara nofsinhar, il-parti “Offri l-Għajnuna Tiegħek” se tikkunsidra kif nistgħu ngħinu lil oħrajn. Il-ġenituri x’jistgħu jagħmlu sabiex jipproteġu qalb uliedhom minn influwenzi ħżiena u jgħinuhom jersqu qrib Jehovah? Il-parti “Għin lil Uliedek Jitgħaxxqu b’Jehovah” se tipprovdi suġġerimenti prattiċi u se turi kif dan jistaʼ jsir.
Qegħdin nieħdu vantaġġ minn kull provvediment li Jehovah jagħmel sabiex iżommilna l-qalb figurattiva tagħna qawwija u b’saħħitha? L-aħħar taħdita tal-kelliemi li jiġi jżurna, “Żomm Qalb Sħiħa Waqt li Taqdi lil Jehovah,” se tiffoka fuq erbaʼ aspetti essenzjali fir-rutina tagħna li fiha nsaħħu l-ispiritwalità tagħna. Kemm qed niddedikaw ħin u sforz biex nitolbu bil-ħerqa, nistudjaw il-Kelma t’Alla, nippridkaw bil-ħeġġa, u nissieħbu maʼ Kristjani oħrajn? Nistgħu nitjiebu f’xi wieħed minn dawn l-aspetti?
Jehovah jestendi dan l-invit: “Żomm moħħok fit-tagħlim, agħti widen għal kliem id-dehen.” (Prov. 23:12) Ippjana minn issa biex tattendi din il-ġurnata premjanti taʼ tagħlim Skritturali. Jekk tagħmel hekk, se tissaħħaħ sabiex tibqaʼ taqdi lil Jehovah b’qalb sħiħa u bil-ferħ.