L-Attendenza Regulari għal-Laqgħat—Prijorità
1 Il-familji Kristjani jagħtu prijorità lill-attendenza regulari għal-laqgħat. Imma l-ħtiġijiet tal-ħajja llum jistgħu joħolqu sfida. Qegħdin il-faċendi tad-dar, ix-xogħol sekulari, jew ix-xogħol taʼ l-iskola jibdew jiħdulna bil-mod il-mod mill-ħin li huwa mwarrab għall-qima taʼ Jehovah? Jekk naraw l-affarijiet bħalma jarahom Jehovah se niġu megħjuna nżommu l-prijoritajiet tagħna.—1 Sam. 24:7 (24:6, New World Translation); 26:11.
2 Billi ġabar il-ħatab f’jum is-Sibt, wieħed raġel Iżraeli naqas apposta li jikkunsidra l-ħarsa taʼ Jehovah. Hu setaʼ rraġuna li kien qed jipprovdi għall-familja tiegħu, jew li din kienet biss xi ħaġa żgħira. Però, bil-ġudizzju li tah, Jehovah wera li hija xi ħaġa serja li niġru wara attivitajiet tad-dinja waqt il-ħin li għandu jintuża għall-qima.—Num. 15:32-36.
3 Negħlbu l-Isfida: Ħafna għandhom ġlieda biex iżommu x-xogħol sekulari tagħhom milli jinterfieri maʼ l-attendenza għal-laqgħat. Xi wħud irnexxielhom jegħlbu din l-isfida billi tkellmu maʼ l-imgħallem tagħhom, biddlu x-xift maʼ sħabhom tax-xogħol, fittxew xogħol iktar xieraq, jew issimplifikaw l-istil taʼ ħajjithom. Bla ebda dubju, sagrifiċċji bħal dawn għall-qima vera jogħġbuh ħafna lil Alla.—Lhud 13:16.
4 Il-ħowmwerk ukoll jistaʼ jippreżenta sfida. “Jien nagħmel xi ftit mill-ħowmwerk tiegħi qabel il-laqgħa u l-kumplament nagħmlu x’ħin immur lura d-dar,” qalet waħda żagħżugħa. Jekk il-ħowmwerk kollu ma jkunx jistaʼ jsir fil-ġranet tal-laqgħat, xi ġenituri spjegaw lill-għalliema li l-attendenza għal-laqgħat Kristjani hija prijorità għall-familja tagħhom.
5 Il-kooperazzjoni u l-ippjanar tajjeb huma fatturi importanti biex jitlestew il-faċendi tad-dar bħala preparazzjoni sabiex il-familja tattendi l-laqgħa fil-ħin. (Prov. 20:18) Anki tfal żgħar jistgħu jiġu mgħallma jilbsu u jkunu lesti biex jitilqu għal-laqgħa f’ħin speċifiku. Bl-eżempju tagħhom, il-ġenituri jistgħu jnaqqxu l-importanza tal-laqgħat fit-tfal tagħhom.—Prov. 20:7.
6 Hekk kif il-pressjonijiet taʼ din is-sistema dinjija jkomplu jikbru, huwa vitali li nattendu l-laqgħat tal-kongregazzjoni regolarment. Jalla nkomplu naraw l-affarijiet kif jarahom Jehovah u nagħmlu l-attendenza regulari għal-laqgħat prijorità.—Lhud 10:24, 25.