L-Istaġun tat-Tifkira—Żmien biex Inżidu fl-Attività
1. Liema effett kellhom il-‘festi staġjonali’ fuq l-Iżraelin li kellhom il-biżaʼ t’Alla?
1 Fi żminijiet speċifiċi matul is-sena, l-Iżraelin tal-qedem iċċelebraw il-“festi [“staġjonali,” NW] tal-Mulej.” (Lev. 23:2) Il-fatt li ħadu ż-żmien biex jirriflettu fuq it-tjubija t’Alla tagħhom wassal għal ferħ kbir u qanqalhom biex juru ħeġġa għall-qima pura.—2 Kron. 30:21–31:2.
2, 3. Għala huwa xieraq li nżidu l-attività spiritwali tagħna matul l-istaġun tat-Tifkira, u din meta se ssir?
2 Fi żmienna, l-attività teokratika tagħna li ġġib tant ferħ tiżdied kull sena matul l-istaġun tat-Tifkira. Huwa żmien meta nirriflettu fil-fond fuq ir-rigal imprezzabbli li Ġeħova ta għan-nom tagħna—l-Iben uniġenitu tiegħu. (Ġw. 3:16; 1 Pt. 1:18, 19) Hekk kif nimmeditaw fuq l-imħabba li wrew Alla u Ibnu, aħna nħossuna mqanqlin biex infaħħru lil Ġeħova u nistinkaw biex nagħmlu r-rieda Tiegħu.—2 Kor. 5:14, 15.
3 Din is-sena l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej se tiġi ċelebrata nhar il-Ħamis, 24 taʼ Marzu, wara nżul ix-xemx. Kif nistgħu nżidu s-sehem tagħna fil-ministeru matul ix-xhur taʼ Marzu, April, u Mejju?
4, 5. (a) X’għen lil xi wħud biex jilħqu iktar nies bl-aħbar tajba? (b) X’sibt li kien effettiv fejn toqgħod int?
4 Nilħqu Iktar Nies: Fittex modi kif tilħaq kemm jistaʼ jkun nies meta tieħu sehem fis-servizz taʼ l-għalqa. Tistaʼ int tippjana biex tieħu sehem fix-xogħol minn dar għal dar fil-ħinijiet meta tistaʼ ssib iktar nies id-dar, bħal ngħidu aħna tard wara nofsinhar jew fil-għaxija? Jekk xi wħud li jattendu l-istudju tal-ktieb miegħek ikunu jixtiequ jieħdu sehem fis-servizz qabel l-istudju, l-indokratur taʼ l-istudju tal-ktieb jistaʼ jirranġa biex issir laqgħa qasira għas-servizz sabiex jinħadem territorju fil-qrib.
5 Mod ieħor kif nilħqu ħafna nies hu billi nagħtu xiehda f’postijiet pubbliċi. Oħt fil-Ġappun riedet taqdi bħala pijuniera awżiljarja avolja kienet taħdem full-time. Anzjan issuġġerielha li kuljum qabel ma tmur għax-xogħol tistaʼ tagħti xiehda fit-toroq qrib l-istazzjon tal-ferrovija. Wara li għelbet il-mistħija li kellha u t-twaqqigħ għaċ-ċajt minn xi nies li kienu fl-istazzjon, hi rnexxielha tistabbilixxi rotta bir-rivisti maʼ 40 persuna differenti, fosthom nies li jivvjaġġaw, ħaddiema fl-istazzjon, u nies li kellhom il-ħwienet fil-qrib. Kienet tħalli madwar 235 rivista fix-xahar. Billi kienet taqsam xi ħsibijiet Skritturali man-nies għal ftit minuti biss kuljum, hi setgħet tibda sitt studji tal-Bibbja.
6. Iż-żgħażagħ kif jistgħu jżidu l-attività spiritwali tagħhom?
6 Opportunitajiet biex Tagħti Xiehda: Ħafna pubblikaturi li għadhom imorru l-iskola għandhom xi vaganzi matul is-sena. Huma jistgħu jużaw din l-opportunità biex jieħdu sehem fix-xogħol taʼ pijunier awżiljarju. Barra minn hekk, iż-żgħażagħ Kristjani jistgħu jżidu fl-attività tagħhom billi jagħtu xiehda fl-iskola. Lanqas tobsor kemm jistgħu jkunu kurjużi sħabek taʼ l-iskola dwar it-twemmin tiegħek. Għala ma tipprofittax ruħek mid-diskussjonijiet li jkollkom fil-klassi jew mill-komponimenti biex tagħti xiehda? Oħrajn setgħu jagħmlu dan billi użaw il-vidjos tagħna. Xi wħud bdew studji tal-Bibbja maʼ sħabhom tal-klassi u għenuhom jagħmlu progress u jaslu għad-dedikazzjoni u l-magħmudija. Dawn huma modi mill-aqwa kif ‘infaħħru isem il-Mulej.’—Salm 148:12, 13
7. (a) Wieħed ħu kif ħa vantaġġ mill-opportunitajiet biex jagħti xiehda lil oħrajn? (b) Kellek int xi esperjenza sabiħa bħal din?
7 Fir-rutina tiegħek taʼ kuljum fittex modi biex titkellem man-nies dwar l-Alla taʼ lgħaġeb tagħna u l-wegħdi meraviljużi tiegħu. Wieħed ħu li jivvjaġġa fuq l-istess ferroviji kuljum jagħti xiehda lil dawk li jivvjaġġaw miegħu kulmeta jkun xieraq. Per eżempju, waqt li jistenna fi stazzjon wieħed biex jirkeb ferrovija oħra, hu kien jagħti xiehda lil wieħed żagħżugħ għal madwar ħames minuti kuljum. Dan wassal biex iż-żagħżugħ u sieħbu qablu li jkollhom studju tal-Bibbja. L-istudju tal-Bibbja kien isir fuq il-ferrovija waqt li jivvjaġġaw. Xi żmien wara, mara anzjana li kienet ilha tismaʼ l-konversazzjonijiet tagħhom marret fuq dan il-ħu u talbitu biex jistudja l-Bibbja magħha. Hi wkoll qed tieħu gost bl-istudju tagħha fil-ġranet meta tivvjaġġa bil-ferrovija. B’dan il-mod, il-ħu studja m’għaxar individwi differenti fuq il-ferrovija.
8. Liema aspett taʼ servizz jistaʼ jgħin lil dawk limitati minħabba l-età jew il-problemi taʼ saħħa biex iżidu s-sehem tagħhom fil-ministeru?
8 Xi ngħidu jekk int limitat f’dak li tistaʼ tagħmel minħabba l-età jew il-problemi taʼ saħħa? Xorta jistaʼ jkun hemm modi kif iżżid it-tifħir tiegħek lil Ġeħova. Ipprovajt tagħti xiehda bit-telefon? Jekk m’intix ċert kif tagħmel dan, staqsi lill-indokratur taʼ l-istudju tal-ktieb tiegħek. Hu għandu mnejn ikun jistaʼ jgħinek tirranġa biex taħdem maʼ pubblikaturi li jużaw dan il-metodu. Meta taħdem magħhom, tkunu tistgħu titgħallmu minn xulxin u tgħinu lil xulxin biex tagħtu xiehda effettiva. Suġġerimenti biex tagħti xiehda bit-telefon jinsabu fil-Ministeru tas-Saltna taʼ Frar taʼ l-2001, paġni 5-6.
9. Kif nistgħu ngħinu lill-istudenti tal-Bibbja jieħdu sehem mal-kongregazzjoni fil-ministeru pubbliku?
9 Meta wħud ġodda jattendu t-Tifkira huma jistgħu jiġu inkuraġġiti biex iżidu t-tifħir tagħhom lil Ġeħova. Int tistaʼ tgħinhom jegħlbu kwalunkwe biżaʼ li jistaʼ jkollhom biex jieħdu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar formali billi tirrakkontalhom esperjenzi pożittivi li kellek fis-servizz taʼ l-għalqa u billi tħarriġhom b’mod progressiv biex jispjegaw it-tagħlim tal-Bibbja u jiddefendu l-fidi tagħhom. (1 Pt. 3:15) Jekk student tal-Bibbja jesprimi xewqa biex jibda jxandar l-aħbar tajba, kellem lill-indokratur li jippresiedi. Hu se jirranġa biex jiltaqaʼ maʼ l-istudent u jiddetermina jekk jikkwalifikax biex jieħu sehem mal-kongregazzjoni fil-ministeru pubbliku. Min jaf kemm jifraħ Ġeħova meta jara lil uħud ġodda jieħdu l-waqfa tagħhom fuq in-naħa tiegħu tal-kwistjoni universali!—Prov. 27:11.
10. (a) Skeda tajba kif tistaʼ tgħinna naqdu bħala pijunieri awżiljarji? (b) Irnexxielek tirranġa biex taqdi bħala pijunier awżiljarju s-sena l-oħra matul l-istaġun tat-Tifkira? Kif għamiltu dan?
10 Tistaʼ Taqdi Bħala Pijunier Awżiljarju? Il-ħtieġa taʼ 50 siegħa li jrid jilħaq pijunier awżiljarju għandha tittieħed bis-serjetà. (Matt. 5:37) Dan ifisser li se jkollok bżonn tirranġa biex tqattaʼ bejn wieħed u ieħor 12-il siegħa fis-servizz taʼ l-għalqa kull ġimgħa. Hemm xi waħda mill-iskedi taʼ pijunier awżiljarju mogħtija bħala eżempju f’paġna 5 li tgħodd għalik? Jekk le, tistaʼ int tagħmel skeda li tgħinek biex taqdi bħala pijunier awżiljarju f’Marzu, April, jew Mejju? Itlob lil Ġeħova ħalli jbierek l-isforzi tiegħek biex iżżid l-attività taʼ servizz tiegħek.—Prov. 16:3.
11. L-anzjani u l-qaddejja ministerjali kif jistgħu jappoġġaw lil dawk li jkunu se jaqdu bħala pijunieri awżiljarji?
11 L-anzjani u l-qaddejja ministerjali se jappoġġaw bis-sħiħ l-isforzi tiegħek biex tagħmel dan l-istaġun tat-Tifkira wieħed taʼ tifħir speċjali lil Ġeħova. X’aktarx li ħafna minnhom se jaqdu bħala pijunieri awżiljarji. L-anzjani se jirranġaw biex ikun hemm iktar laqgħat għas-servizz mis-soltu, bħal tard wara nofsinhar, fil-għaxija fost il-ġimgħa, u fi tmiem il-ġimgħa, skond il-bżonn. Biex jiddeterminaw fejn u meta se jsiru dawn il-laqgħat u min se jkun hemm biex jieħu ħsieb, l-anzjani jistgħu jitkellmu maʼ dawk li diġà jkunu għamlu pjanijiet definiti biex jaqdu bħala pijunieri jew li jkunu qed jaħsbuha biex jagħmlu hekk. L-anzjani se jistinkaw biex jagħmlu l-arranġamenti ħalli jkun hemm pubblikaturi oħra maʼ min taħdem fil-ġranet u fil-ħin li tkun warrabt għas-servizz. B’dan il-mod, il-pjanijiet jiġu stabbiliti sew, u b’hekk ikun jistaʼ joħroġ ħafna ġid.—Prov. 20:18.
12. Xi jqanqalna biex infaħħru lil Ġeħova l-ħin kollu?
12 Agħmel l-Almu Tiegħek: Jekk minħabba ċ-ċirkustanzi tiegħek ma tistax taqdi bħala pijunier awżiljarju, ftakar li Ġeħova jaċċetta l-isforzi u s-sagrifiċċji tagħna ‘skond dak li jkollna, mhux skond dak li ma jkollniex.’ (2 Kor. 8:12) Għandna ħafna għalxiex nirringrazzjaw lil Ġeħova. Bir-raġun David kiteb: “Kull ħin inbierek il-Mulej; tifħiru dejjem fuq fommi.” (Salm 34:2 [34:1, NW]) Jalla din tkun id-determinazzjoni tagħna f’dan l-istaġun tat-Tifkira.
[Kaxxa f’paġna 3]
Kif Se Żżid l-Attività Tiegħek?
◼ Ippriedka meta n-nies ikunu d-dar
◼ Agħti xiehda f’postijiet pubbliċi
◼ Agħti xiehda fuq ix-xogħol jew l-iskola
◼ Agħti xiehda bit-telefon
◼ Aqdi bħala pijunier awżiljarju
[Tabella f’paġna 5]
Eżempji taʼ Skedi għall-Pijunieri Awżiljarji—Modi Kif Nippjanaw 12-il Siegħa fis-Servizz taʼ l-Għalqa Kull Ġimgħa
Fil-Għodu—Mit-Tnejn sas-Sibt
Tistaʼ tibdel ġurnata minnhom mal-Ħadd.
Ġurnata Ħin Sigħat
It-Tnejn Fil-Għodu 2
It-Tlieta Fil-Għodu 2
L-Erbgħa Fil-Għodu 2
Il-Ħamis Fil-Għodu 2
Il-Ġimgħa Fil-Għodu 2
Is-Sibt Fil-Għodu 2
Total taʼ Sigħat: 12
Jumejn Sħaħ
Tistaʼ tagħżel kwalunkwe jumejn fil-ġimgħa. (Skond il-ġranet li tagħżel, din l-iskeda tistaʼ tagħtik it-total taʼ 48 siegħa biss għax-xahar kollu.)
Ġurnata Ħin Sigħat
L-Erbgħa Ġurnata Sħiħa 6
Is-Sibt Ġurnata Sħiħa 6
Total taʼ Sigħat: 12
Darbtejn Fil-Għaxija u Tmiem il-Ġimgħa
Tistaʼ tagħżel darbtejn fil-għaxija matul il-ġimgħa li trid.
Ġurnata Ħin Sigħat
It-Tnejn Fil-Għaxija 11⁄2
L-Erbgħa Fil-Għaxija 11⁄2
Is-Sibt Ġurnata Sħiħa 6
Il-Ħadd Nofs taʼ Nhar 3
Total taʼ Sigħat: 12
Tliet Darbiet Wara Nofsinhar u s-Sibt
Tistaʼ tibdel ġurnata minnhom mal-Ħadd.
Ġurnata Ħin Sigħat
It-Tnejn Wara Nofsinhar 2
L-Erbgħa Wara Nofsinhar 2
Il-Ġimgħa Wara Nofsinhar 2
Totali taʼ Sigħat: 12
L-Iskeda Persunali Tiegħi għas-Servizz
Iddeċiedi int in-numru taʼ sigħat għal kull ħin.
Ġurnata Ħin Sigħat
It-Tnejn
It-Tlieta
L-Erbgħa
Il-Ħamis
Il-Ġimgħa
Is-Sibt
Il-Ħadd
Totali taʼ Sigħat: 12