Nikkonduċu Studji tal-Bibbja Progressivi—Id-Disaʼ Parti
Nippreparaw lill-Istudenti biex Jagħtu Xiehda Informali
1 Meta Indrì u Filippu rrealizzaw li Ġesù kien il-Messija mwiegħed, ma setgħux iżommu lura milli jgħidu lil oħrajn l-aħbar eċċitanti. (Ġw. 1:40-45) Bl-istess mod illum, hekk kif l-istudenti tal-Bibbja jibdew jeżerċitaw fidi f’dak li qed jitgħallmu, huma jiġu mqanqlin biex jitkellmu dwaru. (2 Kor. 4:13) Kif nistgħu ninkuraġġuhom biex jagħtu xiehda informali u nippreparawhom biex jagħmlu dan b’mod effettiv?
2 Forsi sempliċement tistaqsi lill-istudent jekk hu tkellimx m’oħrajn dwar dak li qed jitgħallem mill-Bibbja. Forsi għandu ħbieb u membri tal-familja li jistaʼ jistieden għall-istudju tiegħu. Staqsih jekk xi ħadd minn sħabu tax-xogħol, taʼ l-iskola, jew ħbieb oħra esprimewx interess. B’dan il-mod hu jistaʼ jibda jagħti xiehda. Għinu japprezza l-bżonn li jeżerċita dixxerniment u li juri rispett u qalb tajba meta jitkellem m’oħrajn dwar Alla Ġeħova u l-iskopijiet tiegħu.—Kol. 4:6; 2 Tim. 2:24, 25.
3 Jitkellmu dwar it-Twemmin Tagħhom: Huwa importanti ħafna li nħarrġu lill-istudenti tal-Bibbja biex jużaw il-Kelma t’Alla meta jitkellmu dwar it-twemmin tagħhom m’oħrajn. F’ċerti postijiet fl-istudju, staqsi lill-istudent: “Kieku int kif tuża l-Bibbja biex tispjega din il-verità lill-familja tiegħek?” jew “Liema vers Bibliku tistaʼ tuża biex tagħti prova lil xi ħabib li dan il-punt hu minnu?” Innota kif iwieġeb, u urih kif jibbaża t-tagħlim tiegħu fuq l-Iskrittura. (2 Tim. 2:15) Billi tagħmel dan, tkun qed tipprepara lill-istudent biex jagħti xiehda informali u, meta jikkwalifika, biex jieħu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar organizzat mal-kongregazzjoni.
4 Huwa għaqli li tipprepara lill-istudenti tal-Bibbja biex jiffaċċjaw l-oppożizzjoni. (Mt. 10:36; Lq. 8:13; 2 Tim. 3:12) Meta oħrajn iqajmu mistoqsijiet jew jagħmlu kummenti dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova, l-istudent jistaʼ jkollu l-opportunità jagħti xiehda. Il-browxer Ix-Xhieda taʼ Jehovah—Min Huma? X’Jemmnu? jistaʼ jarmahom biex ikunu ‘lesti li jiddefendu ruħhom.’ (1 Pt. 3:15) Jipprovdi informazzjoni eżatta li wħud ġodda jistgħu jużaw biex jgħinu ħbieb u membri tal-familja li jixtiqulhom il-ġid biex jifhmu t-twemmin u l-attivitajiet tagħna bbażati fuq il-Bibbja.