Programm Ġdid għall-Assemblea tas-Circuit
Id-dinja tridna naħsbu li din is-sistema se tibqaʼ għal dejjem. Però, il-Kelma t’Alla tgħidilna mod ieħor. (1 Ġw. 2:15-17) Tgħinna nifhmu li għalxejn ‘naħżnu teżori fuq l-art.’ Biex isaħħaħ lill-poplu t’Alla, il-programm taʼ l-assemblea tas-circuit għas-sena taʼ servizz 2007 se jiżviluppa t-tema “Aħżnu Teżori fis-Sema.”—Mt. 6:19, 20.
Il-ħsibijiet materjalistiċi huma inklużi f’dak li Efesin 2:2 jirreferi għalih bħala “l-awtorità taʼ l-arja, l-ispirtu li issa qed jaħdem f’ulied id-diżubbidjenza.” Sewwasew bħalma l-arja letterali tinsab kullimkien, lesta biex tidħol fin-nifs taʼ dak li jkun, hekk ukoll “l-ispirtu tad-dinja” jinsab kullimkien f’din is-sistema. (1 Kor. 2:12) Ladarba l-influwenza tiegħu hi qawwija ħafna, jingħad li għandu l-“awtorità.” Il-programm ġdid taʼ l-assemblea tas-circuit se jgħinna nevitaw il-ħsieb materjalistiku tad-dinja u se jgħinna nkunu attenti biex nkunu ffokati sew fuq il-prijoritajiet tagħna. (Mt. 6:33) Barra minn hekk, il-programm se jgħinna nistrieħu fuq Ġeħova hekk kif inwettqu l-ministeru tagħna minkejja l-pressjonijiet u l-provi li nistgħu niffaċċjaw. Kun ċert li tkun preżenti għaż-żewġ ġranet u li ‘toqgħod attent iktar mis-soltu.’ (Ebr. 2:1) Ħu noti fil-qosor dwar punti li tistaʼ tapplika personalment f’ħajtek u fil-ministeru tiegħek. Jekk tkun preżenti mill-bidunett sa l-aħħarnett taʼ dan il-programm li se jagħmilna għonja spiritwalment, int se tiġi inkuraġġit u msaħħaħ biex tkompli ‘taħżen teżori fis-sema.’