Għin lil Oħrajn Isiru Ħbieb t’Alla
1 Illum, nies mill-ġnus kollha qed jiġu mgħallmin it-triqat taʼ Ġeħova. (Is. 2:2, 3) Madankollu, biex dawn l-uħud “jagħtu l-frott bis-sabar,” huma jridu jsiru jħobbu lil Ġeħova. (Lq. 8:15; Mk. 12:30) Mingħajr din l-imħabba, huma mhux se jkollhom is-saħħa biex jirreżistu influwenzi ħżiena jew il-kuraġġ biex jagħmlu dak li hu tajjeb. Mod wieħed kif ngħinu lil oħrajn jiżviluppaw relazzjoni tajba maʼ Ġeħova hu billi nkabbru l-imħabba tagħhom għall-kwalitajiet tiegħu. Ħeġġiġhom jaħsbu sew dwar l-informazzjoni fil-ktieb Ersaq Qrib Lejn Jehovah.
2 L-Eżempju Tiegħek: L-azzjonijiet persunali tiegħek jistaʼ jkollhom effett qawwi fuq qalb l-istudenti tal-Bibbja. Meta jaraw li int tgħożż il-ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova u kif din teffettwalek ħajtek, huma jistgħu jitqanqlu biex jikkultivaw relazzjoni persunali bħal din għalihom infushom. (Lq. 6:40) Tabilħaqq, l-eżempju tagħna spiss għandu influwenza akbar fuq oħrajn milli dak li ngħidu.
3 Mezz importanti li bih il-ġenituri jgħallmu lil uliedhom kif iħobbu lil Ġeħova hu bl-eżempju tagħhom. (Dt. 6:4-9) Koppja li xtaqet tirnexxi fit-trobbija taʼ wliedha fil-verità talbet il-parir taʼ ġenituri li rnexxew fit-trobbija taʼ wliedhom. “Minn dawk kollha li staqsejt, l-iktar ħaġa li semmew kienet l-eżempju tal-ġenituri,” qal ir-raġel. Għalhekk, b’kull aspett taʼ kif jgħixu ħajjithom, il-ġenituri jistgħu jagħtu eżempju ħaj lil uliedhom taʼ xi jfisser li tkun “il-ħabib taʼ Ġeħova.”—Ġak. 2:23.
4 Talb mill-Qalb: Int tistaʼ wkoll tgħin lil oħrajn jikkultivaw ħbiberija maʼ Ġeħova billi tgħallimhom jitolbu mill-qalb. Tistaʼ turihom l-eżempju tat-talba mudell taʼ Ġesù, kif ukoll il-ħafna talb ħerqan imniżżel fl-Iskrittura. (Mt. 6:9, 10) Permezz tat-talb tiegħek stess int tistaʼ tgħallem lil uliedek u lill-istudenti tal-Bibbja tiegħek kif jitolbu. Meta jisimgħuk tesprimi ruħek mill-qalb, huma se jindunaw kif tħossok int dwar Ġeħova. Ħeġġiġhom biex ‘jipperseveraw fit-talb’ meta jiffaċċjaw il-provi. (Rum. 12:12) Hekk kif jesperjenzaw l-għajnuna taʼ Ġeħova fi żmien taʼ bżonn, huma jsiru jafdawh u jħobbuh bħala ħabib veru.—Salm 34:8; Flp. 4:6, 7.