Kaxxa għall-Mistoqsija
◼ Kif għandha tiġi introdotta l-għanja tal-ftuħ taʼ l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku, tal-Laqgħa tas-Servizz, tal-Laqgħa Pubblika, u taʼ l-Istudju tat-Torri taʼ l-Għassa, u minn min?
L-għażliet għall-għanja tal-ftuħ għal kull ġimgħa taʼ l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku huma mniżżlin fl-Iskeda taʼ l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku li tidher fl-insert tal-Ministeru tas-Saltna t’Ottubru. L-għanjiet tal-ftuħ u taʼ l-għeluq għal-Laqgħa tas-Servizz taʼ kull ġimgħa jidhru f’paġna 2 tal-Ministeru tas-Saltna. Bl-istess mod, in-numri taʼ l-għanjiet għall-Istudju tat-Torri taʼ l-Għassa taʼ kull ġimgħa jinsabu f’paġna 2 taʼ kull ħarġa tat-Torri taʼ l-Għassa. L-għanjiet assenjati huma kunsidrati bħala parti mil-laqgħa li ġew konnessi magħha, u għalhekk iridu jiġu introdotti mill-ħu li se jikkonduċi l-laqgħa u mhux mill-Indokratur taʼ l-Iskola jew miċ-chairman tal-Laqgħa Pubblika.
Per eżempju, l-indokratur taʼ l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku se jagħti merħba lill-udjenza, jintroduċi l-għanja tal-ftuħ, jikkonduċi l-iskola, u mbagħad jistieden lill-ewwel kelliemi tal-Laqgħa tas-Servizz biex jitlaʼ fuq il-platform. Il-ħu li se jkollu l-parti tal-Laqgħa tas-Servizz huwa dak li għandu jintroduċi l-għanja li tiftaħ il-Laqgħa tas-Servizz.
Bl-istess mod, il-ftuħ tal-Laqgħa Pubblika jrid isir miċ-chairman. Hu jrid jagħti merħba mill-qalb lil dawk kollha fl-udjenza u jistidinhom biex jgħannu l-għanja tal-ftuħ li tkun ġiet magħżula mill-kelliemi. Iċ-chairman (jew forsi ħu kwalifikat ieħor magħżul minn qabel) irid jiftaħ il-laqgħa b’talba. Hu se jintroduċi lill-kelliemi u jgħid x’inhu s-suġġett tat-taħdita tiegħu. Wara t-taħdita, iċ-chairman, filwaqt li m’għandux jgħid fil-qosor x’qal il-kelliemi, se jesprimi fil-qosor l-apprezzament għall-istruzzjoni li tkun ngħatat. Irid iħabbar it-titlu tat-taħdita pubblika li tkun se tingħata l-ġimgħa taʼ wara u mbagħad irid jistieden lil dawk kollha fl-udjenza biex jibqgħu għall-Istudju tat-Torri taʼ l-Għassa. M’hemmx għalfejn li ċ-chairman jistaqsi jekk l-udjenza tridx tibgħat l-imħabba u t-tislijiet lill-kongregazzjoni tal-kelliemi li jkun qed iżur. Imbagħad, iċ-chairman irid jistieden lill-indokratur taʼ l-Istudju tat-Torri taʼ l-Għassa biex jitlaʼ fuq il-platform.
L-indokratur taʼ l-Istudju tat-Torri taʼ l-Għassa se jintroduċi l-ewwel għanja li se tintuża fi qbil maʼ l-istudju. Hu se jikkonduċi l-istudju fi qbil maʼ l-istruzzjonijiet pubblikati u mbagħad iħabbar l-għanja taʼ l-għeluq. L-indokratur taʼ l-Istudju tat-Torri taʼ l-Għassa se jistieden bħas-soltu lill-ħu li jkun ta t-taħdita pubblika biex joffri t-talba taʼ l-għeluq.
Jekk nosservaw dawn il-gwidi ġenerali se ngħinu biex nagħmlu ċert li l-laqgħat tal-kongregazzjoni jiġu kondotti b’unità.