Skeda Ġdida għal-Laqgħat tal-Kongregazzjoni
1, 2. Liema bidliet fil-laqgħat se jkun hemm b’seħħ minn Jannar 2009?
1 Matul il-ġimgħa bejn il-21 u s-27 t’April, 2008, il-fratellanza madwar id-dinja semgħet avviż eċċitanti. “B’seħħ mill-1 taʼ Jannar, 2009, l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni se jibda jsir fl-istess ħin taʼ l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku u tal-Laqgħa tas-Servizz. L-isem taʼ l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni se jinbidel għall-Istudju tal-Bibbja tal-Kongregazzjoni.”
2 Skeda Għal Din il-Laqgħa taʼ Kull Ġimgħa: B’kollox din il-laqgħa, inkluż l-għanjiet u t-talb, se tieħu siegħa u 45 minuta. Il-laqgħa tibda b’għanja u talba (5 min.), segwita mill-Istudju tal-Bibbja tal-Kongregazzjoni (25 min.). L-Iskola tal-Ministeru Teokratiku (30 min.) se tibda eżatt wara. U mbagħad, għanja (5 min.) tintroduċi l-Laqgħa tas-Servizz (35 min.). Il-laqgħa tispiċċa b’għanja u talba (5 min.). Biex ngħinuk tipprepara għal dawn il-laqgħat, l-iskeda għall-Istudju tal-Bibbja tal-Kongregazzjoni, għall-Iskola tal-Ministeru Teokratiku, u għal-Laqgħa tas-Servizz se tiġi pubblikata xahar b’xahar fil-Ministeru tas-Saltna.
3. Kif se jitmexxa l-Istudju tal-Bibbja tal-Kongregazzjoni?
3 L-Istudju tal-Bibbja tal-Kongregazzjoni: Din il-laqgħa se tiġi mmexxija b’mod simili għall-istudju tat-Torri taʼ l-Għassa. Mhux se jkun hemm bżonn li tinbeda b’reviżjoni tal-materjal tal-ġimgħa taʼ qabel. Minflok, il-laqgħa għandu jkollha biss introduzzjoni qasira. Dan se jħalli ħin biżżejjed biex dawk kollha preżenti jagħmlu kummenti qosra. L-indokratur li jippresiedi se jieħu ħsieb li jinkariga lill-anzjani biex jikkonduċu din il-laqgħa darba kull wieħed, anzjan differenti kull ġimgħa.
4. B’liema mod se tinbidel il-Laqgħa tas-Servizz?
4 Laqgħa tas-Servizz: Il-Laqgħa tas-Servizz se tibqaʼ l-istess imma b’inkarigi iqsar. L-avviżi normalment se jieħdu ħames minuti. Dan għandu jkun biżżejjed biex isiru avviżi essenzjali u għal ċerti ittri mill-uffiċċju lokali. Avviżi bħalma huma l-arranġamenti għas-servizz taʼ l-għalqa, skedi tat-tindif, rapporti tal-kontijiet, u ittri li s-soltu jibgħat l-uffiċċju lokali m’għandhomx għalfejn jinqraw minn fuq il-platform imma se jiġu mwaħħlin fuq in-notice board biex jinqraw mill-aħwa. Dawk li jkollhom inkarigu fil-programm għandhom jippreparaw sew u jżommu sew mal-ħin allokat lilhom u maʼ l-istruzzjonijiet provduti.
5. Matul il-ġimgħa taż-żjara taʼ l-indokratur tas-circuit, kif se tkun l-iskeda għal-laqgħat tal-kongregazzjoni?
5 Żjara taʼ l-Indokratur tas-Circuit: L-iskeda tal-ġimgħa taż-żjara taʼ l-indokratur tas-circuit m’hijiex se tinbidel. It-Tlieta se jkun hemm l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku u l-Laqgħa tas-Servizz u għanja warajhom. U mbagħad l-indokratur tas-circuit jagħti taħdita taʼ 30 minuta. Bħalma qed isir issa matul il-ġimgħa taż-żjara tiegħu, se jkun hemm laqgħa oħra fil-għaxija għall-Istudju tal-Bibbja tal-Kongregazzjoni segwita minn għanja u t-taħdita tas-servizz taʼ l-indokratur tas-circuit. Il-laqgħa tagħlaq b’għanja u talba.
6. X’inhu l-irwol taʼ l-indokratur tal-grupp?
6 Laqgħat għas-Servizz taʼ l-Għalqa: L-indokraturi tal-grupp se jiġu inkarigati mill-ġemgħa taʼ l-anzjani biex jieħdu ħsieb il-gruppi tas-servizz taʼ l-għalqa u l-individwi li jifformaw il-grupp. Meta jkun hemm bżonn li qaddej ministerjali jieħu dak l-irwol, hu għandu jinħatar bħala l-“qaddej tal-grupp.”
7. X’nistgħu nistennew mill-iskeda l-ġdida għal-laqgħat tal-kongregazzjoni?
7 Bħalma ssemma, aħna se jkollna l-opportunità li ngawdu festa spiritwali taʼ tagħlim u inkuraġġiment. Dan se jgħinna biex inkunu predikaturi u għalliema effettivi, imħarrġin għal ministeru iktar produttiv.—Efes. 4:13, 14; 2 Tim. 3:17.
8. Kif se nibbenefikaw sew aħna kif ukoll oħrajn minn preparazzjoni minn qabel b’mod individwali?
8 Meta nistudjaw minn qabel għal dawn il-laqgħat se niġu megħjunin niffokaw tajjeb fuq il-punti prinċipali li jiġu enfasizzati matul kull laqgħa. Aħna lkoll se jkollna l-opportunità li nieħdu sehem bil-kummenti tagħna, u b’hekk ninkuraġġixxu lil xulxin. (Rum. 1:11, 12; Ebr. 10:24) Il-mira tagħna għandha tkun li ‘kulħadd jara li qed navanzaw’ billi ‘nimmaniġġaw sew il-kelma tal-verità.’—1 Tim. 4:15; 2 Tim. 2:15.
9. X’aħna determinati li nagħmlu, u għala?
9 Aħna ferħanin ħafna dwar din il-bidla sinifikanti tal-laqgħat tal-kongregazzjoni tagħna. Jalla lkoll kemm aħna nieħdu vantaġġ mill-gwida li qed jipprovdi “l-ilsir leali u għaqli” u nżommu qrib ir-Ragħaj il-Kbir tagħna hekk kif qed jippreparana għat-“tribulazzjoni” l-kbira li hi fil-qrib.—Mt. 24:21, 45; Ebr. 13:20, 21; Riv. 7:14.