Ilkoll Ninkuraġġixxu lil Xulxin
1. Liema opportunitajiet speċjali jipprovdu ż-żjajjar taʼ l-indokraturi li jivvjaġġaw?
1 L-appostlu Pawlu kiteb lill-kongregazzjoni f’Ruma: “Għax għandi xewqa kbira li narakom, biex nagħtikom xi għotja spiritwali sabiex tissodaw; jew, pjuttost, biex ninkuraġġixxu lil xulxin bil-fidi tagħna, intom lili u jien lilkom.” (Rum. 1:11, 12) Iż-żjajjar fi żmienna taʼ l-indokraturi li jivvjaġġaw jipprovdu opportunitajiet simili biex ninkuraġġixxu lil xulxin.
2. Iż-żjara taʼ l-indokratur tas-circuit għala titħabbar minn qabel?
2 Il-Kongregazzjoni: Ġeneralment, iż-żjara taʼ l-indokratur tas-circuit titħabbar lill-kongregazzjoni madwar tliet xhur qabel. Dan jippermetti li jkollna l-ħin biex nippjanaw bil-quddiem sabiex nibbenefikaw bis-sħiħ. (Efes. 5:15, 16) Jekk int taħdem sekularment, forsi tkun tistaʼ titlob il-leave biex tieħu sehem fis-servizz taʼ l-għalqa matul il-ġimgħa. Xi wħud jirranġaw biex jaqdu bħala pijunieri awżiljarji matul ix-xahar taż-żjara. Jekk kont ippjanajt li tkun barra ’l pajjiż, tistaʼ tirranġa sabiex tkun preżenti f’dik il-ġimgħa?
3. X’nistgħu nagħmlu personalment matul iż-żjara sabiex niksbu inkuraġġiment?
3 Skop primarju għala ssir iż-żjara taʼ l-indokratur tas-circuit hu biex jagħti inkuraġġiment persunali u taħriġ fil-ministeru taʼ l-għalqa. Tistaʼ tistaqsih biex taħdem miegħu jew maʼ martu jekk inhu miżżewweġ? L-indokratur tas-circuit jieħu pjaċir jaħdem maʼ diversi pubblikaturi, inkluż dawk li forsi jkollhom inqas esperjenza jew li jixtiequ jkunu iktar tas-sengħa fil-ministeru. Kulħadd jistaʼ jitgħallem mill-preżentazzjoni li jagħmel u japplika kwalunkwe suġġeriment li hu jistaʼ joffri mill-qalb. (1 Kor. 4:16, 17) Jekk tistiednu għandek għall-ikel se jkollok iktar opportunità għal sħubija inkuraġġanti. (Ebr. 13:2) Agħti widen b’attenzjoni għat-taħditiet tiegħu ladarba jkunu adattati għall-bżonnijiet tal-kongregazzjoni.
4. Kif nistgħu ninkuraġġixxu lill-indokratur tas-circuit tagħna?
4 L-Indokratur tas-Circuit: L-appostlu Pawlu kien l-istess bħall-aħwa l-oħrajn. Hu esperjenza sfidi u ansjetajiet, u kellu bżonn u kien japprezza l-inkuraġġiment li jingħata. (2 Kor. 11:26-28) Meta l-kongregazzjoni f’Ruma saret taf li Pawlu, li kien priġunier, fl-aħħar kien se jżurhom, xi wħud ivvjaġġaw sas-Suq t’Appju biex jiltaqgħu miegħu—distanza taʼ 74 kilometru! “Malli lemaħhom, Pawlu radd ħajr lil Alla u għamel il-kuraġġ.” (Atti 28:15) Bl-istess mod, int ukoll tistaʼ tinkuraġġixxi lill-indokratur tas-circuit tiegħek. Urih “unur doppju” billi tappoġġa b’entużjażmu ż-żjara tiegħu. (1 Tim. 5:17) Esprimi u uri l-apprezzament sinċier tiegħek għall-isforzi tiegħu għan-nom tiegħek. Hu u martu se jifirħu hekk kif jaraw il-fidi, l-imħabba, u s-sabar tiegħek.—2 Tess. 1:3, 4.
5. Għala lkoll kemm aħna għandna bżonn l-inkuraġġiment illum?
5 F’dawn iż-“żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom,” min minna m’għandux bżonn l-inkuraġġiment? (2 Tim. 3:1) Iddeċiedi issa biex tieħu sehem b’mod sħiħ fil-ġimgħa speċjali t’attività maʼ l-indokratur tas-circuit. Ilkoll kemm aħna—kemm l-indokraturi li jivvjaġġaw u kemm il-pubblikaturi fil-kongregazzjonijiet—nistgħu nipparteċipaw biex b’ferħ ninkuraġġixxu lil xulxin. B’dan il-mod aħna wkoll se ‘nibqgħu nfarrġu lil xulxin u nibnu lil xulxin.’—1 Tess. 5:11.