Agħmel Progress fl-Ippridkar Tiegħek
1 Missierna tas-sema jieħu pjaċir meta l-qaddejja tiegħu jagħmlu progress spiritwali. Dan jinkludi li nagħmlu progress bħala ministri maturi u effettivi taʼ l-aħbar tajba. Pawlu inkuraġġixxa lill-indokratur Timotju biex ikompli jagħti ruħu sabiex kulħadd jara li qed javanza. (1 Tim. 4:13-15) Kollha kemm aħna għandna nagħmlu ħilitna biex intejbu l-kwalità tal-ministeru tagħna, anki dawk fostna li huma pubblikaturi taʼ l-esperjenza.
2 Agħmel Miri Persunali: Jeħtieġ li jkollna miri persunali biex nagħmlu progress. X’inhuma xi miri li nistgħu nagħmlu għalina nfusna? Nistgħu nipprovaw inkunu iktar tas-sengħa meta nużaw is-sejf spiritwali tagħna, il-Bibbja. (Efes. 6:17) Forsi hemm xi aspett tal-ministeru li għandna bżonn nitjiebu fih, bħall-għoti taʼ xiehda fit-toroq, l-għoti taʼ xiehda bit-telefon, jew li naħdmu territorju taʼ negozju. Forsi nistgħu naħdmu biex nagħmlu żjajjar lura iktar effettivi. Mira eċċellenti oħra tistaʼ tkun li ntejbu l-abbiltà tagħna biex nibdew u nikkonduċu studji tal-Bibbja.
3 Provvedimenti: Il-laqgħat tal-kongregazzjoni, speċjalment l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku u l-Laqgħa tas-Servizz, huma mfasslin biex jgħinuna navanzaw bħala ministri. Iktar ma jsir sforz biex nippreparaw u nattendu għal dawn il-laqgħat u napplikaw is-suġġerimenti li jingħataw, iktar se jkunu kbar il-benefiċċji li żgur se nirċievu.—2 Kor. 9:6.
4 Irridu wkoll ngħinu lil xulxin ħalli nagħmlu progress. (Prov. 27:17) Jekk noqogħdu attenti biex nisimgħu l-preżentazzjoni taʼ dawk li naħdmu magħhom fil-ministeru se niġu megħjunin biex nitjiebu. Iżjed minn hekk, l-indokratur taʼ l-istudju tal-ktieb tagħna jistaʼ jirranġalna ħalli jkollna għajnuna persunali. X’barka tkun li jkollna pijunier taʼ l-esperjenza jew pubblikatur ieħor biex jgħinna ħalli nsiru iktar effettivi u naħsdu ferħ akbar fil-ministeru! Qed jattendi xi pubblikatur ġdid għall-istudju tal-ktieb tagħna? Forsi nistgħu nieħdu l-inizjattiva biex nistidnuh jaħdem magħna.
5 Illum, l-iktar xogħol importanti li qed isir huwa l-ministeru Kristjan. Hekk kif noffru s-“sagrifiċċju taʼ tifħir” tagħna lil Ġeħova, irridu nagħtuh l-aħjar tagħna. (Ebr. 13:15) Jekk nagħmlu ħilitna biex nagħmlu progress fil-ministeru se nkunu ħaddiema ‘li m’għandniex minn xiex nistħu, billi nimmaniġġaw sew il-kelma tal-verità.’—2 Tim. 2:15.