Kif Tħarreġ Uħud Ġodda Biex Jippritkaw
1. Kif ħassejtek l-ewwel darba li ħadt sehem fil-ministeru?
1 Tiftakar l-ewwel darba li ħadt sehem fil-ministeru minn dar għal dar? X’aktarx li kont aġitat ħafna. Jekk kont qed taħdem mal-għalliem tiegħek tal-Bibbja jew maʼ pubblikatur ieħor, żgur li ħadt gost bl-għajnuna tiegħu. Issa li għandek l-esperjenza bħala ministru, tinsab f’pożizzjoni biex tgħin fit-taħriġ taʼ wħud iktar ġodda biex jippritkaw.
2. Xi jridu jitgħallmu l-pubblikaturi li jkunu ġodda?
2 Il-pubblikaturi ġodda għandhom bżonn jitgħallmu kif jibdew konversazzjonijiet mal-inkwilin, jużaw il-Bibbja fuq il-bibien, jagħmlu żjajjar lura, u jibdew u jikkonduċu studji tal-Bibbja. Iridu jitgħallmu wkoll kif jieħdu sehem f’diversi aspetti tal-ippritkar, bħall-għoti taʼ xhieda fit-triq u kif ikellmu lin-nies f’postijiet taʼ negozju. Tistaʼ tgħinhom jitjiebu f’dawn l-aspetti kemm bl-eżempju tiegħek kif ukoll bis-suġġerimenti li tagħtihom.
3. Kif nistgħu ngħinu lil oħrajn bl-eżempju tagħna?
3 Għallem bl-Eżempju: Ġesù wera lid-dixxipli tiegħu kif għandhom jippritkaw. (Lq. 8:1; 1 Pt. 2:21) Meta tirranġa biex taħdem maʼ pubblikatur iktar ġdid, ħejji preżentazzjoni sempliċi li l-pubblikatur jistaʼ jimitaha, forsi billi tuża eżempju li jinsab f’waħda mill-pubblikazzjonijiet tagħna. Imbagħad offri li titkellem int fl-ewwel bieb jew tnejn ħalli l-pubblikatur ikun jistaʼ jisimgħek titkellem. Intom u sejrin lejn il-bieb li jkun imiss, tistaʼ tistaqsi lill-pubblikatur biex jgħidlek x’osserva dwar il-preżentazzjoni tiegħek u x’kien hemm effettiv fiha. Dan se jgħinu jara kemm hu importanti li jaħdem m’oħrajn fil-ministeru u se jagħmilha faċli għalih li jaċċetta kwalunkwe suġġeriment li tagħtih wara li juża l-preżentazzjoni tiegħu.
4. Kif nistgħu ngħinu pubblikatur ġdid wara li nkunu smajnieh jagħti preżentazzjoni?
4 Agħti Suġġerimenti: Ġesù ta wkoll istruzzjonijiet lid-dixxipli tiegħu dwar kif jippritkaw. (Mt. 10:5-14) Int tistaʼ tgħin pubblikatur ġdid bl-istess mod. Meta jkun imissu jitkellem hu, ismaʼ b’attenzjoni. Imbagħad meta titilqu minn fuq il-bieb faħħru ħafna u b’sinċerità dwar affarijiet speċifiċi, anki jekk tosserva aspetti tal-preżentazzjoni tiegħu li jridu jitjiebu. Qabel ma tagħti suġġeriment, tistaʼ tagħżel li tara jekk ikunx tjieb f’dan l-aspett fuq il-bieb li jkun imiss. Forsi kien sempliċement aġitat. Żomm f’moħħok ukoll li l-pubblikaturi mhux kollha għandhom l-istess abbiltajiet u spiss ikun hemm iktar minn mod wieħed li hu tajjeb taʼ kif għandha ssir xi ħaġa.—1 Kor. 12:4-7.
5. X’nistgħu ngħidu meta nieħdu l-inizjattiva biex nagħtu s-suġġerimenti?
5 Kultant pubblikatur ġdid se jitolbok tagħtih xi suġġerimenti. Imma jekk ma jagħmilx dan, ħu l-inizjattiva biex tgħinu. Kif tistaʼ tagħmel dan bit-tattika? Xi pubblikaturi tal-esperjenza sempliċement jistaqsu, “Nistaʼ nagħtik suġġeriment?” jew “Kif taħseb li marret dik il-preżentazzjoni?” Inkella tistaʼ tgħid, “Meta kont pubblikatur ġdid, kont insibha taʼ sfida li . . . , imma sibt li dan kien t’għajnuna . . . ” Kultant ikun taʼ benefiċċju li taqraw flimkien xi ħaġa mill-ktieb Reasoning jew mill-ktejjeb Kif Nibdew u Nkomplu Diskussjonijiet Fuq Il-Bibbja. Biex ma taqtagħlux qalbu, agħtih suġġerimenti dwar aspett wieħed biss tal-preżentazzjoni tiegħu.
6. Dwar il-ministeru, kif inhu li “l-ħadid jinsenn bil-ħadid”?
6 Il-Ħadid Jinsenn bil-Ħadid: Timotju, evanġelizzatur tal-esperjenza, ġie inkuraġġit minn Pawlu biex ikompli jagħti ruħu għat-tagħlim u biex javanza. (1 Tim. 4:13, 15) Għalkemm forsi għaddew snin sħaħ minn meta ħriġt għall-ewwel darba fil-ministeru, qatt m’għandek tieqaf tipprova ttejjeb l-abbiltajiet tiegħek. Tgħallem mill-pubblikaturi li tipprietka magħhom, anki minn dawk li għandhom inqas esperjenza fil-ministeru u oqgħod attent biex tgħin lil oħrajn b’qalb tajba, speċjalment lil uħud iktar ġodda, ħalli jsiru ministri tas-sengħa tal-aħbar tajba.—Prov. 27:17.