Jistaʼ Jkollok Rikkezzi!
1 Qiegħed int tfittex ferħ u suċċess akbar fil-ħajja tiegħek? Tieħu gost u ssib sodisfazzjon f’li tgħin lil oħrajn? Tixtieq iżżid fis-servizz tiegħek lejn Ġeħova? Jekk twieġeb iva għal xi waħda minn dawn il-mistoqsijiet, mela għandek tikkunsidra s-servizz taʼ pijunier regulari. M’għandniex xi ngħidu, il-familja u responsabbiltajiet Skritturali oħrajn, kif ukoll is-saħħa u l-limitazzjonijiet fiżiċi, iridu jiġu kunsidrati.
2 Il-kitbiet taʼ Salamun ispirati b’mod divin jassoċjaw il-barkiet taʼ Ġeħova maʼ rikkezzi materjali. (Prov. 10:22) Illum, il-barkiet taʼ Ġeħova jirriżultaw primarjament f’rikkezzi spiritwali. Rikkezzi bħal dawn huma abbundanti għal pijunieri regulari. Per eżempju, huma jesperjenzaw il-ferħ akbar taʼ li jagħtu lil oħrajn hekk kif huma ‘jużaw il-ħin bl-aħjar mod’ minn ġiri wara affarijiet persunali. (Kol. 4:5; Atti 20:35) Ix-xogħlijiet tagħhom taʼ mħabba huma notati u apprezzati minn Ġeħova. “Teżori fis-sema” bħal dawn qatt ma jonqsu fil-valur. (Mt. 6:20; Ebr. 6:10) Barra minn hekk, hekk kif il-pijunieri jżommu ‘għajn sempliċi’ u jafdaw f’Ġeħova biex jipprovdi l-bżonnijiet, ir-relazzjoni tagħhom miegħu ssir iktar b’saħħitha.—Mt. 6:22, 25, 32; Ebr. 13:5, 6.
3 Il-ġiri wara r-rikkezzi materjali taʼ spiss jirriżulta “f’ħafna xewqat bla sens li jwasslu għall-ħsara.” (1 Tim. 6:9, 10; Ġak. 5:1-3) Il-barkiet taʼ Ġeħova qatt ma jġibuna f’dan. L-ammont sinifikanti taʼ ħin li l-pijunieri regulari jqattgħu fil-ministeru jgħinhom iżommu bilanċ spiritwali u jżommhom iffokati sew fuq l-iktar affarijiet importanti. (Flp. 1:10) Sabiex jibda jaqdi bħala pijunier, wieħed ħu telaq ix-xogħol tiegħu bħala inġinier, xogħol li kien qed jiħodlu l-ħin kollu tiegħu. Hu qal: “Ħassejt li x-xogħol sekulari tiegħi kien stressanti. Imma dan ma kienx minnu fix-xogħol taʼ pijunier. Jien issa impenjajt ruħi f’li ngħin lin-nies u ngħallimhom il-verità. Dan kien ħafna iktar sodisfaċenti u interessanti.”
4 Barkiet għal Oħrajn: Illum kulħadd jiffaċċja “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” (2 Tim. 3:1) In-nies kullimkien jeħtieġu t-tama mill-iktar fis possibbli. Il-proklamaturi tas-Saltna jifirħu meta jaraw b’għajnejhom stess li l-ħarsa taʼ disperazzjoni fuq wiċċ in-nies tistaʼ tinbidel f’waħda ottimista hekk kif iwieġbu għall-aħbar tajba. Kemm huwa kbir il-ferħ għal pijunieri regulari li jiddedikaw iktar minn 800 siegħa kull sena għal dan ix-xogħol li jsalva l-ħajja!—1 Tim. 4:16.
5 Kont qed taħseb int bis-serjetà biex taqdi bħala pijunier regulari? Jistaʼ jkun hemm il-bżonn li ‘tuża l-ħin bl-aħjar mod’ minn ġiri wara affarijiet inqas importanti. (Efes. 5:15, 16) Ħafna hekk għamlu u ssimplifikaw ħajjithom, u dan għamilha possibbli għalihom biex inaqqsu mix-xogħol sekulari tagħhom sabiex jiddedikaw iktar ħin għall-interessi tas-Saltna. Tistaʼ int tirranġa l-affarijiet tiegħek biex tingħaqad magħhom?
6 Itlob lil Ġeħova għall-għerf sabiex tagħmel skeda prattika. (Ġak. 1:5) Liema barkiet tistaʼ tistenna lura? Rikkezzi spiritwali bl-abbundanza! Ġeħova se jbierkek ukoll materjalment b’dak li għandek bżonn. (Mt. 6:33) Dawk li jġarrbu lil Ġeħova f’dan l-aspett jirċievu “barka bl-abbundanza.”—Mal. 3:10.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
1. Għala għandek tikkunsidra s-servizz taʼ pjunier regulari?
2. Semmi ftit mir-rikkezzi spiritwali li jinkisbu minn pijunieri regulari.
3. X’kuntrast jeżisti bejn il-ġiri wara r-rikkezzi spiritwali u l-ġiri wara r-rikkezzi materjali?
4. Il-pijunieri regulari kif jiġu mberkin waqt li huma taʼ barka għal oħrajn?
5, 6. X’jistaʼ jgħinek biex issir pijunier regulari?