L-Istudju tal-Bibbja Persunali u mal-Familja Huma Vitali!
1. Liema interess speċjali għandha l-Ġemgħa li Tiggverna fina f’dan iż-żmien, u għala?
1 Bħal fl-ewwel seklu, il-Ġemgħa li Tiggverna għandha interess profond fil-benesseri tal-poplu taʼ Ġeħova. (Atti 15:6, 28) Hekk kif it-tribulazzjoni l-kbira qed toqrob, huwa vitali li kull pubblikatur tas-Saltna jkollu relazzjoni b’saħħitha maʼ Ġeħova. Kif se tuża l-ħin li qabel kont twarrab għall-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni? Kulħadd huwa inkuraġġit biex juża dan il-ħin għall-qima mal-familja. Jekk nużaw dan il-ħin b’mod għaqli se nkunu nistgħu nħaffru iktar fil-fond fil-Kelma ispirata t’Alla u nibbenefikaw mit-tagħlim tagħha.—Salm 1:1-3, Rum. 11:33, 34.
2. Kif tistaʼ tiġi rranġata l-lejla tal-qima tal-familja tagħna?
2 Lejla għall-Qima tal-Familja: Il-kapijiet tal-familja huma inkuraġġiti jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom quddiem Ġeħova biex jiżguraw li jkollhom programm għall-istudju tal-Bibbja mal-familja siewi u regulari. (Dt. 6:6, 7) Aħwa waħedhom li m’għandhomx responsabbiltajiet tal-familja se jkunu jistgħu jużaw dan il-ħin għal studju u riċerka persunali fuq il-Bibbja. Huwa vitali li lkoll kemm aħna ‘nużaw il-ħin bl-aħjar mod’ għall-istudju u l-meditazzjoni sabiex inżommu relazzjoni b’saħħitha maʼ Ġeħova minkejja li “l-jiem huma ħżiena.”—Efes. 5:15, 16.
3, 4. Liema suġġerimenti qed ningħataw rigward materjal li nistgħu nużaw, u b’liema mira f’moħħna?
3 X’Tistaʼ Tistudja: Il-Watch Tower Publications Index jew il-Watchtower Library fuq CD-ROM jistgħu jgħinuk issib informazzjoni li se tagħmel l-istudju tal-Bibbja pjaċevoli. Il-familji jistgħu jikkunsidraw artikli li joħorġu regolarment fit-Torri taʼ l-Għassa, bħall-“Fatturi Essenzjali għall-Hena fil-Familja,” “Għallem lil Uliedek,” u “Għaż-Żgħażagħ Tagħna.” Ukoll, Stenbaħ! fih is-serje t’artikli “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu” u artikli affaxxinanti dwar il-meravilji tal-ħolqien.
4 Meta l-familja kollha tieħu l-ħin biex taqra l-Bibbja, il-membri kollha se jnaqqxu f’moħħhom u f’qalbhom prinċipji u tagħlim divin. (Ebr. 4:12) F’okkażjonijiet oħrajn, tistgħu taraw u tiddiskutu wieħed mill-vidjos taʼ l-organizzazzjoni. Hemm ħafna modi kif tistgħu tkunu kreattivi meta tagħżlu x’se tistudjaw u kif se tistudjawh. Għala ma tistaqsix lill-membri tal-familja tiegħek dwar x’jogħġobhom jistudjaw?
5. Għala l-istudju tal-Bibbja persunali u mal-familja huwa tant importanti f’ħajjitna issa?
5 Għala Importanti Issa: Jekk insaħħu l-ispiritwalità tagħna se niġu mħejjijin biex ‘inżommu sod u naraw kif Ġeħova se jsalvana.’ (Eżo. 14:13) Il-ġenituri għandhom bżonn il-gwida divina biex irabbu lil uliedhom “fost ġenerazzjoni mgħawġa u maqluba.” (Flp. 2:15) It-tfal għandhom bżonn l-għajnuna biex jirnexxilhom ikampaw mal-morali li dejjem jitbaxxew fl-iskejjel taʼ llum. (Prov. 22:3, 6) Il-koppji jagħmlu tajjeb jekk isaħħu l-“ħabel bi tlieta” tagħhom maʼ Ġeħova. (Ekk. 4:12) Mela, ejja nużaw bil-għaqal il-ħin li baqaʼ biex nibnu lilna nfusna fil-“fidi l-iktar qaddisa”!—Ġuda 20.