Il-Prijorità Tagħna
1. Ġesù kif wera li l-ministeru kien importanti għalih?
1 Il-ministeru kien il-prijorità taʼ Ġesù. Hu ħadem iebes ħafna, saħansitra mexa mijiet taʼ kilometri madwar il-Palestina biex jipprietka lil kemm jistaʼ jkun nies. Hu żamm ħajtu sempliċi ħalli jiddedika iktar ħin u attenzjoni lill-ministeru. (Mt. 8:20) Meta l-folol ipprovaw iżommuh magħhom ħalli jfejqilhom lill-morda, hu qal: “Irrid inxandar l-aħbar tajba tas-saltna t’Alla lil bliet oħrajn ukoll, għax għal dan intbgħatt.”—Lq. 4:43.
2. Il-ministeru għala kien daqshekk importanti għal Ġesù?
2 Il-ministeru għala kien daqshekk importanti għal Ġesù? L-iktar ħaġa importanti għalih kienet it-taqdis t’isem Ġeħova. (Mt. 6:9) Hu kien iħobb lil Missieru tas-sema, u għalhekk xtaq iwettaq ir-rieda Tiegħu u jobdi l-kmandi kollha Tiegħu. (Ġw. 14:31) Ukoll, hu kien jimpurtah ġenwinament min-nies u ried jgħinhom.—Mt. 9:36, 37.
3. Kif nistgħu nuru li aħna ffokati fuq il-ministeru?
3 Imita lil Ġesù: Jistaʼ jkun taʼ sfida li nkunu ffokati fuq il-ministeru bħal Ġesù għaliex id-dinja titlob ħafna mill-ħin tagħna u toffri ħafna affarijiet li jaljenawna. (Mt. 24:37-39; Lq. 21:34) Għalhekk, irridu naċċertaw ruħna minn dak li hu l-iktar importanti u nwarrbu ħin biex nippreparaw u nieħdu sehem fix-xogħol tal-ippritkar regolarment. (Flp. 1:10) Aħna nistinkaw biex inżommu ħajja sempliċi u nevitaw li nużaw id-dinja bis-sħiħ.—1 Kor. 7:31.
4. Għala hu vitali li minn issa nagħmlu l-ewwel dak li hu l-iktar importanti?
4 Meta l-ħin ikun limitat, min hu għaqli jagħmel l-ewwel dak li hu l-iktar importanti. Pereżempju, jekk isir jaf li riesqa maltempata perikoluża, hu jiffoka l-ħin u l-enerġija fuq li jagħmel arranġamenti għas-sigurtà tal-familja tiegħu u fuq li jwissi lill-ġirien. Attivitajiet li huma inqas importanti jistgħu jistennew. Iż-żmien li baqaʼ qabel ma tasal il-maltempata t’Armageddon tqassar. (Sof. 1:14-16; 1 Kor. 7:29) Biex insalvaw lilna nfusna u lil dawk li jisimgħuna, irridu noqogħdu attenti l-ħin kollu għalina nfusna u għat-tagħlim tagħna, kemm jekk ġewwa u kemm jekk barra l-kongregazzjoni. (1 Tim. 4:16) Iva, is-salvazzjoni tagħna tiddependi milli nżommu l-ministeru fl-ewwel post!