Għin lill-Inkwilin Jirraġuna
1. Liema metodu hu l-aħjar fil-ministeru?
1 Liema metodu fil-ministeru hu l-iktar effettiv—wieħed li hu dommatiku jew wieħed li jgħin lill-inkwilin jirraġuna u jasal għal konklużjonijiet xierqa? L-appostlu Pawlu uża l-irraġunar meta kellem lil-Lhud f’Tessalonika, u “b’riżultat taʼ dan, xi wħud minnhom emmnu.” (Atti 17:2-4) X’jinvolvi li tirraġuna maʼ ħaddieħor?
2. Kif nistgħu nimitaw l-eżempju taʼ Pawlu meta nxandru l-aħbar tajba?
2 Ikkunsidra s-Sentimenti u t-Trobbija: Jekk nagħtu kas is-sentimenti taʼ dawk fit-territorju tagħna, se niġu megħjunin nirraġunaw magħhom. Meta fl-Arjopagu Pawlu kellem lil Griegi li ma kinux jemmnu, beda billi semma affarijiet li huma x’aktarx li kienu jafuhom u jaċċettawhom. (Atti 17:22-31) Għalhekk, meta tkun qed tipprepara l-preżentazzjoni tiegħek, ikkunsidra t-twemmin u l-preġudizzji komuni tan-nies fit-territorju tiegħek. (1 Kor. 9:19-22) Jekk l-inkwilin iqajjem oġġezzjoni, ipprova sib bażi komuni, u kompli l-konversazzjoni fuqha.
3. Kif nistgħu nirraġunaw m’oħrajn b’mod iktar effettiv billi nużaw il-mistoqsijiet bis-sengħa?
3 Uża l-Mistoqsijiet bis-Sengħa: Ma nistgħux nagħtu direzzjonijiet lil vjaġġatur biex ngħinuh jasal fid-destinazzjoni tiegħu jekk ma nkunux nafu fejn jinsab. B’mod simili, ma nistgħux ngħinu lill-inkwilin jasal għal konklużjoni xierqa jekk ma nkunux nafu x’inhi l-opinjoni tiegħu. Qabel ma kien jirraġuna maʼ xi semmiegħ, Ġesù spiss kien jistaqsi mistoqsijiet biex isir jaf x’qed jaħseb l-individwu. Pereżempju, meta xi ħadd staqsa lil Ġesù, “Xi rrid nagħmel biex niret il-ħajja taʼ dejjem?,” Ġesù ried ikun jaf x’kienet il-ħarsa tiegħu qabel ma wieġbu. (Lq. 10:25-28) Darb’oħra, meta Pietru wieġeb ħażin, Ġesù uża l-mistoqsijiet bis-sengħa biex jikkoreġi l-ħsib tiegħu. (Mt. 17:24-26) Għalhekk, jekk l-inkwilin jistaqsi mistoqsija jew jesprimi opinjoni żbaljata, nistgħu nużaw il-mistoqsijiet biex ngħinuh jirraġuna fuq il-kwistjonijiet.
4. Għala għandna nipprovaw ngħinu lill-inkwilin jirraġuna?
4 Meta ngħinu lill-inkwilin jirraġuna, inkunu qed nimitaw lill-Għalliem il-Kbir, Ġesù, kif ukoll lill-evanġelizzaturi tas-sengħa l-oħrajn tal-ewwel seklu. Inkunu qed nuru dinjità u rispett lill-inkwilin. (1 Pt. 3:15) Minħabba f’hekk, jistaʼ jkun iktar lest li jħallina nerġgħu nżuruh.