GĦIX BĦALA KRISTJAN
Żomm mal-livelli morali taʼ Ġeħova
Alla Ġeħova huwa l-wieħed li jistabbilixxi l-livelli morali għall-umanità. Pereżempju, hu stabbilixxa li ż-żwieġ huwa rabta dejjiema bejn raġel u mara. (Mt 19:4-6, 9) Hu jikkundanna kull tip taʼ immoralità sesswali. (1Ko 6:9, 10) Jipprovdi saħansitra prinċipji dwar l-ilbies u d-dehra biex jiddistingwi n-nies tiegħu min-nies l-oħrajn.—Dt 22:5; 1Ti 2:9, 10.
Fid-dinja tal-lum, ħafna nies ma jaċċettawhomx il-livelli taʼ Ġeħova. (Rum 1:18-32) Dawn iħallu l-ħarsa tal-lum tinfluwenza l-mod kif jilbsu, jidhru, u jġibu ruħhom. Ħafna wħud jiftaħru bil-ħajja laxka li jgħixu u saħansitra jikkritikaw ’il dawk li għandhom stil taʼ ħajja differenti.—1Pt 4:3, 4.
Bħala Xhieda taʼ Ġeħova, irridu bil-kuraġġ inżommu mal-livelli morali t’Alla. (Rum 12:9) B’liema mod? Billi bit-tattika nuru dak li hu aċċettabbli għal Alla. Imma hemm bżonn ukoll inżommu livelli għoljin fil-ħajja tagħna stess. Pereżempju, meta nkunu qed nagħżlu x’se nilbsu u kif se nidhru, nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘L-għażliet tiegħi jirriflettu l-livelli taʼ Ġeħova jew tad-dinja? L-ilbies u d-dehra tiegħi jiddistingwuni bħala Kristjan li nibżaʼ minn Alla?ʼ Inkella meta niddeċiedu liema programm jew film se naraw, nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Ġeħova se japprovah dan il-programm? Il-livelli morali taʼ min jinkuraġġixxi? Jistaʼ jkun li d-divertiment li nagħżel idgħajjifni moralment? (Sa 101:3) Jistaʼ jkun taʼ tfixkil għall-familja tiegħi jew għal oħrajn?’—1Ko 10:31-33.
Għala huwa tant importanti li nżommu mal-livelli morali taʼ Ġeħova? Kristu Ġesù dalwaqt se jeqred il-ġnus u l-ħażen kollu. (Eże 9:4-7) Dawk biss li jkunu qed jagħmlu r-rieda t’Alla se jibqgħu ħajjin. (1Ġw 2:15-17) Mela ejja nappoġġjaw il-livelli morali taʼ Ġeħova biex min jara l-kondotta tajba tagħna jkun jistaʼ jigglorifika lil Alla.—1Pt 2:11, 12.
Il-ħwejjeġ li nagħżel u l-mod kif nidher x’jgħidu dwar il-livelli morali tiegħi?
ARA L-VIDJOW SIR ĦABIB TAʼ ĠEĦOVA—RAĠEL WIEĦED U MARA WAĦDA, U MBAGĦAD IKKUNSIDRA L-MISTOQSIJIET LI ĠEJJIN:
Għala huwa għaqli li tgħix fi qbil mal-livelli taʼ Ġeħova?
Il-ġenituri għala għandhom jgħallmu lil uliedhom il-livelli morali taʼ Ġeħova minn meta jkunu żgħar?
Kif jistgħu kemm il-kbar u anke ż-żgħar jgħinu lin-nies jibbenefikaw mit-tama li Alla jagħti għall-futur?